Park Nazzjonali ta' Kiskunság

Il-Park Nazzjonali ta' Kiskunság (bl-Ungeriż: Kiskunsági Nemzeti Park) huwa park nazzjonali fil-medda interfluvjali tad-Danubju u tat-Tisza, l-iktar fil-Kontea ta' Bács-Kiskun, l-Ungerija. Inħoloq fl-1975 u ġie ddikjarat bħala Riżerva ta' Bijosfera mill-UNESCO. Il-park ikopri erja ta' 530 km2 u huwa estiż tul ir-reġjun kollu ta' Cumania ż-Żgħira (Kiskunság) tal-Pjanura l-Kbira Ungeriża.[1][2]
Karatteristiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park mhuwiex territorju uniku, iżda jinkludi seba' unitajiet li ma jmissux ma' xulxin u li huma sparpaljati.
Waħda minnhom hija l-Pustza ta' Kiskunság fejn jiġu organizzati avvenimenti annwali biex terġa' titqanqal il-ħajja tar-ragħa tal-imgħoddi u d-drawwiet tat-trobbija u tat-tnissil tal-bhejjem tal-ifrat.
Unità oħra hija l-Lag ta' Kolon qrib ir-raħal ta' Izsák. Dan huwa famuż għall-fkieren tal-art tal-imraġ, għar-russetti, għall-meded mhux mimsusa tal-qasab u għal disa' speċijiet ta' orkidej li jikbru fil-qrib. Fenomenu naturali interessanti huma l-għaram tar-ramel qrib Fülöpháza. Jingħad li jiċċaqilqu meta l-kundizzjonijiet tar-riħ ikun favorevoli.

Il-lagi alkaliċi tal-Cumania ż-Żgħira jinsabu qrib Fülöpszállás u Szabadszállás. Il-flora u l-fawna uniċi tagħhom għandhom valur speċjali. Ix-xifa, il-wiżż u l-fra servjent ibejtu fl-inħawi. Il-lagi jipprovdu kenn temporanju għal għexieren ta' eluf ta' għasafar tal-passa. Din il-ġenna tal-ornitologi hija wkoll Riżerva ta' Bijosfera tal-UNESCO. Il-Lag ta' Szelid qrib Kalocsa, il-Lag ta' Vadkert qrib Soltvadkert, il-Lag ta' Fehér u l-Lag ta' Sós f'Kiskunhalas huma postijiet ideali għall-għawm u għall-kampeġġ.
Hemm bosta mogħdijiet turistiċi għall-mixi, mogħdijiet għall-istudju u postijiet għall-osservazzjoni tan-natura fi ħdan il-park nazzjonali; dawn kollha jikkontribwixxu għal esperjenza unika fil-Park Nazzjonali ta' Kiskunság. Iċ-ċentru prinċipali għall-viżitaturi tal-Park Nazzjonali ta' Kiskunság jissejjaħ "Dar tan-Natura" u jinsab f'Kecskemét.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Kiskunsági Nemzeti Park". Kiskunsági Nemzeti Park (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-23.
- ^ "Kiskunsagi National Park - Apaj Area | Birdingplaces". Birdingplaces.eu (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-23.