Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Khangchendzonga

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Muntanja ta' Kanchenjunga mill-mogħdija muntanjuża ta' Goecha La.

Il-Park Nazzjonali ta' Khangchendzonga, magħruf ukoll bħala r-Riżerva ta' Bijosfera ta' Kanchenjunga, huwa park nazzjonali u riżerva ta' bijosfera f'Sikkim, l-Indja. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2016, u sar l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji Mħallat fl-Indja.[1] Ġie inkluż ukoll fil-Programm tal-Bniedem u tal-Bijosfera tal-UNESCO. Il-park ingħata isem il-muntanja ta' Kangchenjunga, li hija t-tielet l-ogħla quċċata fid-dinja f'għoli ta' 8,586 metru (28,169 pied). L-erja totali tal-park hi ta' 849.5 km2 (327.99 mil kwadru).

Mappa taż-żoni protetti Indjani tal-Park Nazzjonali u tar-Riżerva ta' Bijosfera ta' Kangchenjunga.

Il-Park Nazzjonali ta' Khangchendzonga jkopri erja ta' 849.50 km2 (327.99 mil kwadru) fid-distretti ta' Mangan u ta' Gyalshing f'elevazzjoni ta' 1,829 metru (6,001 pied) sa iktar minn 8,550 metru (28,050 pied). Huwa wieħed mill-ftit parks nazzjonali f'altitudni għolja tal-Indja u huwa Sit ta' Wirt Dinji mħallat tal-UNESCO li tniżżel fil-lista f'Lulju 2016.[1]

Fit-Tramuntana jmiss mar-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Qomolangma fit-Tibet, u fil-Punent imiss maż-Żona ta' Konservazzjoni ta' Kanchenjunga fin-Nepal.[2][3]

Il-veġetazzjoni tal-park tinkludi foresti mħallta u foresti miti bis-siġar tal-weraq wiesa' li jikkonsistu minn siġar tal-ballut, siġar tal-abit, siġar tal-betula, siġar tal-aġġru u siġar taż-żafżafa. F'elevazzjonijiet iktar għoljin jokkorru bwar tal-ħaxix alpini u arbuxxelli alpini flimkien ma' bosta pjanti u ħxejjex mediċinali.[4]

Fil-park jgħixu madwar 550 speċi ta' għasafar, fosthom faġani lewn id-demm, tragopani, arpi, grifuni tal-Himalayas, lammergeier, diversi speċijiet ta' ħamiem ħodor, sriedaq tal-borra Tibetani, ħamiem tal-borra, faġani impeyan, daqquqa tal-Asja, nettarinidi u ajkli. Id-dhole ġie rreġistrat permezz ta' nases bil-kamera f'elevazzjonijiet ta' 2,501–4,100 metru (8,205–13,451 pied).[5]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Khangchendzonga ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. 1 2 3 4 "Park Nazzjonali ta' Khangchendzonga - UNESCO".
  2. O'Neill, A. (2017). "Sikkim claims India's first mixed-criteria UNESCO World Heritage Site". Current Science. 112 (5): 893–994.
  3. Bhuju, U. R.; Shakya, P. R.; Basnet, T. B. & Shrestha, S. (2007). "Kanchenjunga Conservation Area". Nepal Biodiversity Resource Book. Protected Areas, Ramsar Sites, and World Heritage Sites. Kathmandu: International Centre for Integrated Mountain Development, Ministry of Environment, Science and Technology, in cooperation with United Nations Environment Programme, Regional Office for Asia and the Pacific. ISBN 978-92-9115-033-5.
  4. O'Neill, A. R.; Badola, H.K.; Dhyani, P. P.; Rana, S. K. (2017). "Integrating ethnobiological knowledge into biodiversity conservation in the Eastern Himalayas". Journal of Ethnobiology and Ethnomedicine. 13 (1): 21. doi:10.1186/s13002-017-0148-9. PMC 5372287. PMID 28356115.
  5. Bashir, T.; Bhattacharya, T.; Poudyal, K.; Roy, M.; Sathyakumar, S. (2014). "Precarious status of the Endangered Dhole Cuon alpinus in the high elevation Eastern Himalayan habitats of Khangchendzonga Biosphere Reserve, Sikkim, India". Oryx. 48 (1): 125–132. doi:10.1017/S003060531200049X.