Park Nazzjonali ta' Iguazú

Il-Park Nazzjonali ta' Iguazú (bl-Ispanjol: Parque Nacional Iguazú) huwa park nazzjonali ewlieni tal-Arġentina, u jinsab fid-Dipartiment ta' Iguazú, fit-Tramuntana tal-Provinċja ta' Misiones, fil-Mesopotamia Arġentina. Għandu erja ta' 677 km2 (261 mil kwadru).
L-inħawi tal-park ġew abitati 10,000 sena ilu minn kaċċaturi-ġemmiegħa tal-kultura Eldoradense. Dawn ġew spostati għall-ħabta tal-1,000 W.K. mill-poplu Guaraní, li miegħu ġab teknoloġiji agrikoli ġodda, u mbagħad dawn ġew spostati mill-konkwistaturi Spanjoli u Portugiżi fis-seklu 16, għalkemm il-legat tiegħu għadu ħaj f'dawn l-inħawi (l-isem tal-park u tax-xmara bil-lingwa Guaraní hu y guasu, li jfisser "korp kbir tal-ilma"). L-ewwel Ewropew li żar dawn l-inħawi kien Álvar Núñez Cabeza de Vaca, fl-1542; il-missjonijiet tal-Ġiżwiti ġew stabbiliti fl-1609.
Il-park inħoloq fl-1934 biex jiġi protett wieħed mill-isbaħ postijiet naturali tal-Arġentina, il-Kaskati ta' Iguazu, imdawra b'ġungla subtropikali.

Ir-Riżerva Nazzjonali ta' Iguazú ġiet stipulata bil-liġi nru 18.801 tas-7 ta' Ottubru 1970 u tikkostitwixxi l-parti tal-Punent tal-Park Nazzjonali ta' Iguazú. Filwaqt li l-park nazzjonali jippreserva n-natura bl-inqas alterazzjonijiet possibbli, ir-riżerva tippermetti l-attivitajiet umani u l-infrastruttura. Il-ħolqien tar-riżerva ppermetta l-kostruzzjoni ta' ajruport internazzjonali u l-aljenazzjoni tal-art għal tliet lukandi għat-turisti. Fuq in-naħa l-oħra tax-xmara Iguazu hemm il-kontroparti Brażiljana (il-Park Nazzjonali ta' Iguaçu). Iż-żewġ siti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[1]
Il-park jagħmel parti mill-Kuritur Trinazzjonali tal-Bijodiversità, li għandu l-għan li jipprovdi kollegamenti forestali bejn l-unitajiet ta' konservazzjoni fil-Brażil, fil-Paragwaj u fl-Arġentina fl-ekoreġjun tan-naħa ta' fuq ta' Paraná. Ix-xlokk tal-park imiss mal-84,000 ettaru (210,000 akru) tal-Park Provinċjali ta' Urugua-í, li nħoloq fl-1990.
Flora u fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park jinsab fi ħdan l-ekoreġjun tal-foresti Atlantiċi tan-naħa ta' fuq ta' Paraná. Il-fawna tal-park tinkludi diversi speċijiet rari u mhedda: il-ġagwar, il-ġagwarundi, it-tapir tal-Amerka t'Isfel, l-oċelot, it-tirika, il-wikkiel tan-nemel, il-gwan ta' wiċċu iswed, l-ajkla arpija, u l-kajman yacare. Wieħed jista' jsib ukoll għasafar bħar-ronduni tal-għabex u t-tukani l-kbar, mammiferi bħall-koatí, u diversità ta' friefet. Il-pappagall ħamrani skur ġieli jintlemaħ fil-park ukoll.
Ix-xmara Iguazú tispiċċa fix-xmara Paraná madwar 23 kilometru lil hinn mill-kaskati, wara fluss ta' 1,320 kilometru. Fi ħdan il-park issir wiesgħa sa 1,500 metru u l-ewwel iddur lejn in-Nofsinhar, imbagħad iddur lejn it-Tramuntana, u tifforma għamla kbira tal-ittra U. Ix-xtut tax-xmara huma popolati densament bis-siġar, fosthom is-ceibo, li tarmi l-fjura nazzjonali tal-Arġentina. Il-flora tal-park tinkludi wkoll il-lapacho negro u l-lapacho amarillo (tal-familja tal-Bignoniaceae), kif ukoll is-siġar tal-palmito u s-siġra għolja 40 metru tal-palo rosa (tal-familja tal-Apocynaceae).
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Iguazú ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]