Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Muntanja Mulu mill-bogħod.

Il-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu, magħruf sempliċement ukoll bħala l-Park Nazzjonali ta' Mulu, huwa park nazzjonali fid-Diviżjoni ta' Miri, Sarawak, il-Malażja. Huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinkludi l-għerien u l-formazzjonijiet karstiċi f'ambjent ta' foresti pluvjali ekwatorjali muntanjużi.[1] Il-park huwa famuż għall-għerien tiegħu u għall-ispedizzjonijiet li ġew organizzati biex jesplorawhom u l-foresti pluvjali ta' madwarhom, b'mod partikolari l-Ispedizzjoni tas-Soċjetà Ġeografika Rjali tal-1977–1978, li kienet tinkludi iktar minn 100 xjenzat tal-qasam li damu jaħdmu fiha għal 15-il xahar. Din tat bidu għal sensiela ta' iktar minn 20 spedizzjoni li issa jissejħu l-Proġett tal-Għerien ta' Mulu.[2]

Il-park nazzjonali ngħata isem il-Muntanja Mulu, it-tieni l-ogħla muntanja f'Sarawak.

L-iżjed referenza bikrija għall-Għerien ta' Mulu tmur lura għall-1858 meta Spenser St. John (il-Konslu Brittaniku fil-Brunej) semma "l-mases distakkati tal-ġebla tal-ġir, mikulin sew bl-ilma, flimkien mal-għerien u l-mini naturali" fil-ktieb tiegħu Life in the Forests of the Far East (Il-Ħajja fil-Foresti tal-Lvant Imbiegħed). Spenser ipprova jixxabbat sal-quċċata tal-Muntanja Mulu iktar 'il quddiem iżda ma rnexxielux minħabba l-irdumijiet tal-ġebla tal-ġir, il-foresti densi u l-qċaċet jaqtgħu.[3]

Is-Sala ta' Api fl-Għar tal-Blat Abjad, il-Muntanja Api, matul l-ispedizzjoni tal-2005.

Fis-seklu 19, Charles Hose (amministratur fir-Raj ta' Sarawak) ipprova jixxabbat sal-quċċata tal-Muntanja Mulu iżda ma kellux suċċess. Kien biss fis-snin 20 tas-seklu 20, meta kaċċatur tar-rinoċeronti minn Berawan jismu Tama Nilong skopra l-fondoq tal-Lbiċ qrib il-muntanja, li eventwalment instab li twassal sal-quċċata. Fl-1932, Tama Nilong wassal lil Edward Shackleton sal-quċċata tal-Muntanja Mulu waqt Spedizzjoni tal-Università ta' Oxford. Din kienet l-ewwel darba li xi ħadd kien irnexxielu jasal sal-quċċata tal-Muntanja Mulu. Fl-1961, G.E. Wilford, tal-Istħarriġ Ġeoloġiku Brittaniku tal-Borneo, żar l-Għerien ta' Mulu. Huwa stħarreġ l-Għar taċ-Ċriev u l-Għar tal-Irjieħ. Huwa bassar ukoll li iktar għerien kienu se jiġu skopruti fil-ġejjieni.

Fl-1974, il-Muntanja Mulu u l-inħawi ta' madwarha ġew iddikjarati bħala park nazzjonali mill-gvern ta' Sarawak. Fl-1978, is-Soċjetà Ġeografika Rjali organizzat spedizzjoni xjentifika lejn il-Park Nazzjonali ta' Mulu, l-ikbar spedizzjoni ta' dik ix-xorta li qatt intbagħtet mir-Renju Unit. L-ispedizzjoni damet għal 15-il xahar, u matulhom sottogrupp żgħir esplora u stħarreġ 50 kilometru (31 mil) ta' għerien, inkluż l-Għar tal-Ilma Ċar, l-Għar l-Aħdar, Għar tal-Għaġeb u l-Għar tat-Tbassir. Dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda ajruport u l-ebda triq għall-qtugħ tas-siġar għall-injam disponibbli f'Mulu. Ġie stabbilit kamp bażi f'Long Pala. Il-bażi kienet vjaġġ ta' tlett ijiem min-naħa ta' fuq tax-xmara Miri. B'hekk bdiet l-esplorazzjoni tal-għerien fix-xaqliba tal-Punent tal-Muntanja Api. F'Diċembru 1980, intbagħat tim ieħor ta' spedizzjoni Brittanika lejn l-Għerien ta' Mulu għal 4 xhur. F'din l-ispedizzjoni ġiet skoperta s-Sala ta' Sarawak, li tinsab f'Gua Nasib Bagus. Fl-1984, Gunung Mulu ġie ddeżinjat bħala Park tal-Wirt tal-ASEAN. Fl-1985, il-park fetaħ uffiċjalment għall-pubbliku. Matul spedizzjoni Brittanika fl-1988, ġie stabbilit kollegament bejn l-Għar tal-Ilma Ċar u l-Għar tal-Irjieħ, li estenda l-Għar tal-Ilma Ċar għal 58 kilometru (36 mil), u b'hekk jingħad li huwa l-itwal passaġġ ta' għar fix-Xlokk tal-Asja. L-Għar tal-Blat Iswed ġie skopert ukoll matul din l-ispedizzjoni. Fl-1991, passaġġ ta' kollegament ġie skopert bejn l-Għar tal-Blat Iswed u l-Għar tal-Ilma Ċar, u b'hekk il-passaġġ tal-Għar tal-Ilma Ċar ġie estiż għal 102 kilometri (63 mil) u b'hekk sar is-seba' l-itwal passaġġ ta' għar fid-dinja. Bejn l-1993 u s-sena 2000, it-timijiet tal-ispedizzjonijiet Brittaniċi esploraw ix-xaqliba tal-Lvant tal-Muntanja Api i għamlu diversi skoperti fil-Wied Moħbi.

Bejn l-1995 u s-sena 2000, tim ta' spedizzjoni Amerikana mis-Soċjetà Speleoloġika Nazzjonali stħarreġ Gunung Buda (il-Muntanja Buda). Matul dawn l-ispedizzjonijiet, ġie skopert l-Għar tal-Liberazzjoni. Fis-sena 2000, il-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. B'erja ta' 52,864 ettaru (528.64 km2; 130,630 akru), huwa l-ikbar park nazzjonali miftuħ għat-turisti f'Sarawak. Fl-2001, il-Park Nazzjonali ta' Gunung Buda ġie stabbilit mill-gvern ta' Sarawak.

Mis-sena 2000, it-timijiet tal-ispedizzjonijiet Brittaniċi xeħtu l-attenzjoni tagħhom iktar fuq l-esplorazzjoni tal-għerien madwar il-Muntanja Benarat. B'hekk, l-Għar tal-Blat Abjad (fil-Muntanja Api) ġie skopert fl-2003. Fl-2005, l-Għar tal-Blat Abjad ġie kkollegat mas-sistema ta' Għerien tal-Ilma Ċar, u b'hekk is-sistema ġiet estiża iktar għal 129.4 kilometru (80.4 mil); is-Sala ta' Api ġiet skoperta wkoll matul l-istess spedizzjoni. L-esplorazzjonijiet sussegwenti kienu ffukati fuq l-iskoperti ta' iktar passaġġi moħbija fl-Għar tal-Blast Abjad. Fl-2017, l-Għar tal-Blat Abjad ġie mkejjel u fih 100 kilometru (62 mil) filwaqt li l-Għar tal-Ilma Ċar ġie mkejjel mill-ġdid u fih 226.3 kilometru (140.6 mil).[4]

Il-qċaċet tal-ġebla tal-ġir tal-Muntanja Api.

Il-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu huwa l-iktar żona karstika tropikali studjata fid-dinja. Fih 295 kilometru ta' għerien esplorati li jospitaw miljuni ta' friefet il-lejl u ronduni. Il-park nazzjonali jinsab 100 kilometru (330,000 pied) mill-Brunej, u jinsab bejn l-ilmijiet ewlenin tax-xmara Tutoh u tax-xmara Mendalam fejn din tal-aħħar hija tributarja tax-xmara Limbang. In-naħa tal-Punent tal-park hija żona b'artijiet baxxi (38 % tal-park) u n-naħa tal-Lvant hija żona ta' ktajjen muntanjużi li jikkonsistu mill-ġebla tal-ġir u mill-ġebel ramli. Il-formazzjonijiet tal-art fil-park jikkonsistu minn qċaċet ippuntati, irdumijiet weqfin, ħniedaq, fniedaq, torrijiet karstiċi, għerien u artijiet imtarrġin, fawwariet termali, pjanuri tal-għargħar u kaskati.

Il-Kaskata ta' Paku.

Il-park huwa ddominat minn tliet muntanji: il-Muntanja Mulu [2,376 metru (7,795 pied)], il-Muntanja Api [1,750 metru (5,740 pied)], u l-Muntanja Benarat [1,858 metru (6,096 pied)]. Il-Muntanja Mulu hija muntanja tal-ġebel ramli; filwaqrt li l-Muntanja Api u l-Muntanja Benarat huma muntanji tal-ġebla tal-ġir. Il-quċċata tal-Muntanja Mulu hija miksija bil-foresti tal-muski, filwaqt li l-qċaċetr ippuntati tal-ġebla tal-ġir jinsbabu fil-parti ta' fuq tal-Muntanja Api. Il-Fondoq ta' Melinau jissepara l-Muntanja Benarat mill-Muntanja Api. Sadanittant, il-Muntanja Buda hija sseparata mill-Muntanja Benarat mill-Fondoq ta' Medalem. Il-Muntanja Buda hi inkluża f'park nazzjonali ieħor imsejjaħ Gunung Buda.

Id-daħla tal-Għar taċ-Ċriev.

Il-park nazzjonali fih tliet għerien notevoli: is-Sala ta' Sarawak, waħda mill-ikbar swali taħt l-art fid-dinja, l-Għar taċ-Ċriev, l-ikbar passaġġ ta' għar fid-dinja, u l-Għar tal-Ilma Ċar, l-itwal sistema ta' għerien fix-Xlokk tal-Asja. Is-Sala ta' Sarawak hija twila 600 metru (2,000 pied), wiesgħa 415-il metru (1,362 pied) u għolja mill-inqas 80 metru (260 pied), b'volum kumplessiv ta' 12,000,000 m3 (420,000,000 pied kubu) b'saqaf mhux mirfud ta' 300 metru (980 pied). Sadanittant, l-Għar taċ-Ċriev għandu dijametru ta' 120 metru (390 pied) u dijametru sa 150 metru (490 pied). Minn Ottubru 2018, l-Għar tal-Ilma Ċaer kien fih 227.2 kilometru (745,000 pied) ta' passaġġi esplorati.[5]

Għerien oħra fl-inħawi huma: Gua Nasib Bagus, l-Għar ta' Benarat, u l-Għar tal-Irjieħ.

Il-ġeoloġija tal-park tikkonsisti minn sekwenza sedimentarja tal-Paleoċen-Mijoċen. Il-Muntanja Mulu tinsab fil-Lbiċ tal-park. Ġiet iffurmata fil-Paleoċen-Eoċen Superjuri bid-depożiti tal-ġebel ramli u tax-shale. Il-muntanji l-oħra (il-Muntanja Api, il-Muntanja Benarat u l-Muntanja Buda) jinsabu max-xaqliba tal-Punent tal-Muntanja Mulu. Dawn it-tliet muntanji inqas antiki ġew iffurmati minn medda ta' 40 kilometru ta' ġebel tal-ġir karstiku matul l-Eoċen Superjuri-Mijoċen Inferjuri. Is-sistema estensiva ta' għerien żviluppat f'din il-medda. Il-formazzjoni tal-għerien kienet ir-riżultat ta' olzar tettoniku karstiku madwar 2 sa 5 miljun sena ilu. L-għerien huma tipiċi tal-għerien tax-xmajjar tropikali, b'karatteristiċi bħal tubi elliptiċi li jikkollegaw livelli differenti tal-għerien, u speleotemi li jinkludu labar tal-aragonit u tal-kalċit. Il-ġebla tal-ġir tal-post hija bajda silġ jew griża. Il-qċaċet tal-Muntanja Api huma r-riżultat ta' erożjoni estrema tal-ġebel tal-ġir. Il-ħamrija fil-park nazzjonali tvarja bejn ħamrija bil-pit-podzolika għal ħamrija organika ħamra-safra.

Il-klima tal-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu tiġi affettwata mill-monsuni tal-Grigal (minn Diċembru sa Marzu) u mill-monsuni tal-Lbiċ (minn Mejju sa Ottubru). L-ammont ta' xita li tinżel tvarja saħansitra minn 4,000 millimetru (160 pulzier) sa 5,000 millimetru (200 pulzier). Fl-artijiet baxxi, it-temperatura tvarja bejn 23 °C (73 °F) għal 26 °C (79 °F). Fil-quċċata tal-Muntanja Mulu, it-temperatura tvarja minn 14 °C (57 °F) għal 18 °C (64 °F). Id-data klimatika murija hawn taħt hija tal-villaġġ ta' Mulu qrib l-ajruport u tad-daħla tal-park. Il-partijiet iktar 'il ġewwa u fl-għoli tal-park ikollhom klima iktar bierda u b'iktar xita.

Data klimatika tal-villaġġ ta' Mulu
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Medja massima kuljum °C (°F) 29.8
(85.6)
29.8
(85.6)
30.4
(86.7)
31.0
(87.8)
31.1
(88.0)
31.1
(88.0)
30.9
(87.6)
30.8
(87.4)
30.9
(87.6)
30.6
(87.1)
30.5
(86.9)
30.4
(86.7)
30.6
(87.1)
Medja kuljum °C (°F) 26.5
(79.7)
26.5
(79.7)
26.9
(80.4)
27.4
(81.3)
27.5
(81.5)
27.4
(81.3)
27.2
(81.0)
27.1
(80.8)
27.2
(81.0)
27.0
(80.6)
27.0
(80.6)
26.9
(80.4)
27.1
(80.7)
Medja minima kuljum °C (°F) 23.3
(73.9)
23.3
(73.9)
23.5
(74.3)
23.9
(75.0)
23.9
(75.0)
23.8
(74.8)
23.5
(74.3)
23.5
(74.3)
23.5
(74.3)
23.5
(74.3)
23.5
(74.3)
23.5
(74.3)
23.6
(74.4)
Medja tax-xita cm (pulzieri) 347
(13.7)
257
(10.1)
294
(11.6)
307
(12.1)
351
(13.8)
277
(10.9)
240
(9.4)
284
(11.2)
346
(13.6)
370
(14.6)
371
(14.6)
395
(15.6)
3,839
(151.2)
Sors: Climate-Data.org

Bijodiversità

[immodifika | immodifika s-sors]
Miljuni ta' friefet il-lejl itiru mill-Għar taċ-Ċriev filgħaxija biex ifittxu l-ikel.

Fl-inħawi tal-park ġew identifikati 20,000 speċi ta' invertebrati, 81 speċi ta' mammiferi, 270 speċi ta' għasafar, 55 speċi ta' rettili, 76 speċi ta' anfibji u 48 speċi ta' ħut.

Tmien speċijiet ta' buċeri ġew osservati f'Mulu, inkluż il-buċeru rinoċeront (Buceros rhinoceros), il-buċeru tat-tikmix (Aceros corrugatus) u l-buċeru tal-elmu (Rhinoplax vigil) bil-biċċa mkabbra fuq il-munqar li qisha elmu.

Tmienja u għoxrin speċi ta' friefet il-lejl ġew irreġistrati fil-park. L-Għar taċ-Ċriev fiha tnax-il speċi ta' friefet il-lejl. Jospita madwar tliet miljun farfett il-lejl tax-xoffa mkemmxa (Chaerephon plicatus). Miljuni ta' friefet il-lejl joħorġu mill-għar kważi kull filgħaxija biex ifittxu l-ikel f'eżodu spettakolari, filwaqt li qtajja' ta' ħuttaf u ta' ronduni jidħlu fl-għar. Filgħodu mbagħad jiġri bil-kontra.

Buqar (Nepenthes faizaliana) fil-Muntanja Api. Din l-ispeċi hija endemika għall-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu.

Mammiferi oħra jinkludu l-pangolin ta' Sunda pangolin (Manis javanica), l-iskojjattlu tal-art tat-toppu (Rheithrosciurus macrotis), il-gibbun fiddien (Hylobates moloch), l-ors tal-Malażja (Helarctis malayanus euryspilos), ix-xadina tal-weraq (Presbytis rubicunda), u l-marten ta' sidru isfar (Martes flavigula).

Hemm 25 speċi ta' sriep, fosthom il-pitun retikolat (Malayopython reticulatus), is-sriep Calamaria, u s-serp tal-istrixxi tal-Malażja (Calliophis intestinalis).

Għadd ta' anfibji huma endemiċi għall-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu, inkluż iż-żrinġ tal-Borneo (Calluella flava) u r-rospi tan-nixxigħat ta' Gunung Mulu (Ansonia torrentis).

Il-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu fih għadd kbir ta' speċijiet ta' pjanti. Il-park fih 17-il żona ta' veġetazzjoni, b'3,500 speċi ta' pjanti vaskulari, u 1,500 speċi ta' pjanti li jarmu l-fjuri. Hemm 109 speċijiet f'20 ġeneri ta' palm, iktar minn 1,700 muski u epatiki, 8,000 speċi ta' fungi, u 442 speċi ta' pterodofiti li jipproduċi l-ispori. Eżempji ta' żoni ta' veġetazzjoni fil-park huma: il-foresta bassasa bil-pit, is-sies tal-ħaxix, il-foresta dipterokarpa mħallta, il-foresta bil-muski, u l-ekosistemi muntanjużi. Il-foresti tal-artijiet baxxi jokkupaw 40 % tal-erja tal-park, filwaqt li l-foresti muntanjużi jokkupaw 20 % tal-erja tal-park.

Is-siġar tat-tin huwa komuni fil-foresta bassasa tal-pit. Il-foresti dipterokarpi mħallta huma preżenti sa altitudni ta' 800 metru. Xi eżempji ta' siġar li jinstabu f'dawn il-foresti huma: Shorea, Durian, Garcinia, Calophyllum u Eugenia. Bejn 800 u 1,200 metru, ifeġġu l-foresti muntanjużi inferjuri. Il-Quercus subsericea jiddominaw dawn il-foresti. Il-foresti muntanjużi superjuri jinstabu f'altitudni ta' bejn 1,200 u 2,170 metru. L-epifiti huma abbundanti f'dawn il-foresti. Is-siġar jikbru sa għoli ta' bejn 10 u 20 metru. Il-foresti muntanjużi superjuri jistgħu jinqasmu f'siġar qosra, f'siġar twal u f'siġar tal-quċċata. Fost is-siġar żgħar u l-arbuxxelli hemm ir-Rhododendron u l-Vaccinium, u buqari bħan-Nepenthes lowii, in-Nepenthes tentaculata, u n-Nepenthes muluensis li kollha huma endemiċi għall-Muntanja Mulu.

Hemm ukoll il-foresti tal-ġebla tal-ġir li fil-biċċa l-kbira huma magħmulin minn speċijiet ta' pjanti li jikbru fil-ġebla tal-ġir. Dawn il-foresti jinkludu l-foresti taż-żrar, il-veġetazzjoni tal-irdumijiet, il-veġetazzjoni tal-għerien u l-foresti muntanjużi. Fost l-ispeċijiet li jistgħu jinsabu fihom hemm dawn li ġejjin: il-Monophyllae beccarii, il-Calamus neilsonii, u l-palma endemika Salacca rupicola.

Demografija u kultura

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-villaġġ ta' Penan max-xmara Melinau qrib il-park nazzjonali.

Il-popolazzjoni lokali fil-park u fil-madwar hija magħmula mill-Orang Ulu, mill-Kiput, mill-poplu Kenyah, mill-poplu Kayan, mill-Mulut u mill-poplu Penan. Il-poplu Penan oriġinarjament kellu stil ta' ħajja nomadika, iżda issa huma nofshom insedjati madwar in-naħa tal-Lbiċ tal-park f'Batu Bungan u f'Long Iman. Għadd żgħir minnhom insedjaw in-naħa tal-Lvant tal-park u 300 minnhom għandhom id-dritt li jikkaċċjaw il-ħnieżer u ċ-ċriev f'postijiet apposta tal-kaċċa. Il-poplu Berawan żammew ukoll il-privileġġi tal-kaċċa fl-inħawi. Normalment dawn it-tribujiet jilbsu xedd ir-ras tradizzjonali bir-rix, biċċa drapp ma' qaddhom u jkollhom tpinġijiet tal-ġisem mad-dirgħajn, ma' sidirhom u ma' għonqhom. Xi nisa jkollhom tpinġijiet tal-ġisem żgħar, filwaqt li oħrajn ikollhom il-qarquċa ta' widnejhom imtawla sal-ispallejn.

L-iskavi mill-Għar tal-Irjieħ żvelaw ukoll artefatti u fdalijiet umani li jmorru lura għal bejn 500 sa 3,000 sena ilu.

Mogħdijiet għall-mixi

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kamp Nru 5 fl-2003.

Il-park nazzjonali għandu tliet mogħdijiet għall-mixi u għat-tixbit: il-Mogħdija tal-Qċaċet tal-Ġebla tal-Ġir, il-Mogħdija tal-Kaċċaturi, u l-Mogħdija tal-Quċċata ta' Gunung Mulu. Il-Mogħdija tal-Qċaċet tal-Ġebla tal-Ġir fiha mixja ta' tlett ijiem u żewġ iljieli u twassal għall-veduta tal-Qċaċet tal-Ġebla tal-Ġir ta' Gunung Mulu. Il-mogħdija normalment tibda b'mawra bid-dgħajsa mix-xmara Melinau sa Kuala Berar (id-delta ta' Berar). Il-Kamp Bażi Nru 5 jinsab 7.8 kilometri 'l bogħod bil-mixi minn Kuala Berar. Il-Kamp Bażi Nru 5 jinsab qrib il-Fondoq ta' Melinau li jissepara l-Muntanja Benarat mill-Muntanja Api. Wara l-Kamp Bażi Nru 5, hemm mixja ta' 1.2 kilometru b'elevazzjoni ta' 1,200 metru; din tgħaddi mill-foresti dipterokarpi għall-foresti bil-muski. L-aħħar sezzjoni teħtieġ it-tixbit bil-ħbula u bis-slielem.

Il-Mogħdija tal-Kaċċaturi hija r-rotta biex wieħed jidħol jew jitlaq mill-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu. Il-mogħdija ssegwi r-rotta tal-Kayan mix-xmara Melinau sal-Fondoq ta' Melinau. Il-mogħdija tibda b'mawra bid-dgħajsa sa Kuala Berar, imbagħad mixja għal sagħtejn jew tliet sigħat sal-Kamp Bażi Nru 5. Mill-Kamp Bażi Nru 5, hemm mixja ta' 11.2-il kilometru li twassal għal Kuala Terikan li jaf tieħu bejn erba' u ħames sigħat. Ix-xabbaturi jistgħu jagħżlu li jibqgħu fil-faċilità tar-rangers ta' Nanga Metawai (15-il minuta minn Kuala Terikan) jew f'dar twila msejħa Rumah Bala Lesong (li tintlaħaq b'mawra ta' tliet sigħat jew erba' sigħat bid-dgħajsa). Imbagħad, mawra oħra bid-dgħajsa iktar 'l isfel twassal sa Nanga Medamit fejn hemm triq li twassal għal Limbang.

Il-Mogħdija tal-Quċċata ta' Gunung Mulu hija l-unika mogħdija biex wieħed jasal sal-quċċata tal-Muntanja Mulu. Il-quċċata tinsab 24 kilometru 'l bogħod mill-kwartieri ġenerali tal-park. Il-mogħdija tibda mill-kwartieri ġenerali tal-park nazzjonali sal-Kamp Bażi Nru 3. Tinkludi mixja ta' 12-il kilometru qalb il-foresti primarji b'elevazzjoni ta' 1,200 metru. Il-foresti bil-muski jibdew mill-Kamp Bażi Nru 3. Il-mixja ddum xi tliet sigħat sal-Kamp Bażi Nru 4. Wara l-Kamp Bażi Nru 4, hemm xi tixbit vertikali li jeħtieġ ħbula bl-għeqiedi li eventwalment iwassal sal-quċċata. Il-Kamp Bażi Nru 1 jinsab tul il-mogħdija mill-quċċata tal-Muntanja Mulu. Ikun għad fadal 3 sigħat mixi oħra biex wieħed jasal sal-kwartieri ġenerali tal-park mill-Kamp Bażi Nru 1.

Ġestjoni u faċilitajiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Ajruplan fl-Ajruport ta' Mulu fl-1996.

L-Unità taż-Żoni Protetti u tal-Konservazzjoni tal-Bijodiversità tal-Korporazzjoni tal-Forestrija ta' Sarawak hija responsabbli għall-ġestjoni taż-Żoni Protetti Għalkollox tal-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu li jkopru 90 % tal-erja tal-park u huma magħluqa għall-pubbliku. L-10 % l-oħra tal-erja tal-park hija miftuħa għall-viżitaturi u tiġi ġestita minn Borsarmulu Park Management Sdn Bhd.

Pixxina fir-Royal Mulu Resort.

Mill-1974, il-gvern ta' Sarawak illimita l-aċċess għall-park nazzjonali billi ma beniex toroq. Dan sabiex jippreserva l-integrità ekoloġika u r-riżorsi tal-park. Ġiet ippromulgata leġiżlazzjoni bħall-Ordinanza tal-Parks Nazzjonali u tar-Riżervi Naturali tal-1998 u r-Regolamenti tal-Parks Nazzjonali u tar-Riżervi Naturali tal-1999 sabiex tiġi rregolata l-ġestjoni tal-park. 90 % tal-park u 95 % tal-għerien huma magħluqin għall-viżitaturi għajr għal skopijiet ta' riċerka. Hemm erba' għerien biss li huma miftuħin għall-pubbliku: l-Għar tal-Ilma Ċar, l-Għar tal-Irjieħ, l-Għar taċ-Ċriev, u l-Għar ta' Lang. Il-viżitaturi kollha jrid ikollhom permess u gwida tal-park magħhom. Barra minn hekk, jiġu organizzati f'gruppi ta' għaxra, b'intervalli ta' 20 minuta fl-erba' għerien miftuħin għall-pubbliku. Min-naħa l-oħra, hemm seba' għerien li huma disponibbli għal żjarat avventurużi f'gruppi ta' sitta jekk ikunu mgħammra sew. Hemm ukoll mogħdija f'għoli ta' 480 metru qalb il-kanopew tas-siġar. Attivitajiet oħra li jistgħu jsiru hawnhekk huma t-tixbit mal-blat, il-kayaking u l-mountain biking.

Il-kwartieri ġenerali tal-park jinsabu max-xmara Melinau, fil-Lbiċ tal-park. Hemm binja tar-reġistrazzjoni tal-viżitaturi, ċentru għall-interpretazzjoni tas-sit, sala awdjoviżiva u faċilitajiet tal-kmamar tal-banju. Ir-Royal Mulu Resort b'188 kamra fiha dar twila bl-arja kkundizzjonata, sala għall-mistednin, erba' loġoġ u hostel. Dawn il-faċilitajiet kollha jinsabu qrib id-daħla tal-park.

Wieħed jista' jaċċessa l-park bl-ajru minn Miri, Limbang u Bandar Seri Begawan permezz tal-Ajruport ta' Mulu; jew bid-dgħajsa minn Marudi permezz tax-xmajjar Tutoh u Baram. Ma hemm l-ebda aċċess bit-toroq.

L-estensjoni proposta tal-park sal-Park Nazzjonali ta' Gunung Buda u sar-Riżerva Forestali ta' Labi (fil-Brunej) kieku tgħin biex ikun hemm żona ta' lqugħ ekoloġika addizzjonali għall-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Fl-2019, it-tribujiet Penan u Berawan qrib il-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu għamlu protesta kontra kumpanija tal-qtugħ tas-siġar għall-injam li skonthom kienet qed tidħol fl-artijiet tagħhom qrib Mulu għall-qtugħ tas-siġar għall-injam u għall-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm. Il-gvern ta' Sarawak ċaħad li l-attivitajiet tal-qtugħ tas-siġar għall-injam kienu se jaffettwaw l-ekoloġija tal-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu. Fil-15 taż' Marzu 2019, it-tribujiet nattivi ddeċidew li jilmentaw b'mod uffiċjali lill-UNESCO bit-tama li jiġbdu l-attenzjoni fuq din il-kwistjoni.

Fil-mezzi tax-xandir

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu kien is-suġġett ewlieni tal-film dokumentarju tal-1991, Secrets of the Natural Wonder u ta' film dokumentarju ieħor, World's Wonder Mulu (1996), it-tnejn prodotti minn Filem Negara Malaysia.

  1. ^ a b ċ UNESCO World Heritage Centre. "Gunung Mulu National Park". whc.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-19.
  2. ^ "RGS Expedition 1977-78 – Mulu Caves Project" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-19.
  3. ^ "Mulu Caves Project » Exploration History". web.archive.org. 2018-10-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-10-29. Miġbur 2025-01-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "GUNUNG MULU NATIONAL PARK - World Heritage Datasheet". web.archive.org. 2018-10-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-10-27. Miġbur 2025-01-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ "Mulu Caves Project » The Clearwater Cave System". web.archive.org. 2018-10-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-10-29. Miġbur 2025-01-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)