Park Nazzjonali ta' Desembarco del Granma
Il-Park Nazzjonali ta' Desembarco del Granma (bl-Ispanjol: Parque Nacional Desembarco del Granma) huwa park nazzjonali fil-Lbiċ ta' Kuba, u huwa estiż tul il-muniċipalitajiet ta' Niquero u ta' Pilón f'dik li issa hija l-Provinċja ta' Granma. Isem il-park ifisser "l-Iżbark tal-Granma" u jirreferi għal jott li fih Fidel Castro, Che Guevara, Raúl Castro u 79 mill-partitarji tagħhom baħħru mill-Messiku sa Kuba fl-1956 u inċitaw ir-Rivoluzzjoni Kubana. Il-park nazzjonali huwa magħruf sew għat-topografija karstika u għall-irdumijiet kostali tiegħu.
Il-Park Nazzjonali ta' Desembarco del Granma fih erja totali ta' 32,576 ettaru, li minnhom 26,180 ettaru huma fuq l-art u 6,396 ettaru huma fil-baħar. Fl-1999 il-park nazzjonali tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba t-terrazzi olzati fil-baħar u l-irdumijiet mhux mittiefsa mal-baħar tiegħu.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Desembarco del Granma jinsab fit-tarf tal-Punent tal-katina muntanjuża ta' Sierra Maestra, tul iż-żona attiva tettonikament bejn il-Blata Tettonika tal-Amerka ta' Fuq u dik tal-Karibew. Il-park jikkonserva sensiela ta' terrazzi tal-ġebla tal-ġir li jvarjaw minn 180 metru taħt il-livell tal-baħar sa 360 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Dawn it-terrazzi x'aktarx li ffurmaw minħabba l-olzar tettoniku u l-fluttwazzjonijiet fil-livell tal-baħar dovuti għall-avvenimenti tat-tibdil fil-klima u l-glaċjazzjoni tal-imgħoddi matul il-Mijoċen, il-Plijoċen u l-Plejstoċen. Dawn it-terrazzi huma fost l-ikbar u l-iżjed ippreservati fid-dinja. Barra minn hekk, il-park jipproteġi bosta karatteristiċi karstiċi oħra, fosthom kaskati, irdumijiet, ċedimenti karstiċi u għerien.
Il-park għandu klima sħuna u semiarida, u fih jinżlu bejn 300 u 1,200 millimetru ta' xita fis-sena, b'temperatura medja ta' 26°C. B'hekk jinsab f'waħda mill-iżjed żoni sħan u nexfin f'Kuba.
Bijodiversità
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Desembarco del Granma fih bijodiversità u endemiżmu relattivament għoljin. Fil-park ġew osservati iktar minn 512-il speċi ta' pjanti, li minnhom 60 % huma endemiċi f'Kuba. Tnax minn dawn l-ispeċijiet instabu biss fi ħdan il-konfini tal-park. Barra minn hekk, il-park jipproteġi l-ħabitat ta' sitt speċijiet ta' bebbux impitter (Polymita spp.), inkluż diversi linji evoluzzjonarji distinti. Fil-park ġew osservati tlettax-il mammiferu, 110 għasafar, 44 rettilu, u 17-il anfibju. Iktar minn 90 % tal-ispeċijiet ta' anfibji u ta' rettili li jinstabu fil-park huma endemiċi f'Kuba, inkluż il-gremxula ta' billejl Kubana li tinsab fil-periklu ta' estinzjoni. Fost l-ispeċijiet residenti ta' għasafar hemm il-pappagall tal-Amazzonja Kuban u l-ħamiema ta' rasha blu, u fost l-ispeċijiet ta' mammiferi li jgħixu fil-park hemm il-baqra tal-baħar tal-Indì tal-Punent u l-farfett il-lejl tal-fjuri Kuban, li adatta ruħu għall-għerien sħan.[2]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Desembarco del Granma ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Desembarco del Granma National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-25.
- ^ Republic of Cuba report. "System of Marine Terraces of Cabo Cruz and Maisi" (PDF).