Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Chapada dos Veadeiros

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Park Nazzjonali ta' Chapada dos Veadeiros.

Il-Park Nazzjonali ta' Chapada dos Veadeiros (bil-Portugiż: Parque Nacional da Chapada dos Veadeiros) huwa park nazzjonali tal-Brażil li jinsab fl-istat ta' Goiás, fil-quċċata ta' promontorju tal-qedem ta' madwar 1.8 biljun sena ilu.[1] Il-park inħoloq fil-11 ta' Jannar 1961 mill-President Juscelino Kubitschek, u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[2] Ikopri erja ta' 2,405 kilometri kwadri (929 mil kwadru) fil-muniċipalitajiet ta' Alto Paraíso de Goiás, Cavalcante u Colinas do Sul. Il-park jiġi amministrat mill-Istitut ta' Chico Mendes għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversità.

Ir-reġjun tal-Park Nazzjonali ta' Chapada dos Veadeiros ġie żviluppat għall-ewwel darba fi żmien il-ferneżija għad-deheb fis-seklu 18. Cavalcante kien wieħed mill-ewwel villaġġi stabbiliti fir-reġjun u fl-imgħoddi kien sar wieħed mill-ikbar postijiet ta' estrazzjoni tad-deheb fil-Brażil. Xi rapporti jsostnu li Isabel, il-Prinċipessa Imperjali tal-Brażil żaret Cavalcante, u għamlitha belt kapitali tal-imperu għal jum. Il-ħtieġa ta' skavi biex jaħdmu fil-minjieri fl-inħawi ta' Chapada dos Veadeiros tant kienet kbira li r-reġjun issa jospita wħud mill-ikbar komunitajiet Quilombo fil-Brażil.[3]

Il-Quilombo huma komunitajiet ta' Afro-Brażiljani li rnexxielhom jaħarbu mill-jasar, kemm mill-pjantaġġuni agrikoli kif ukoll mill-minjieri. Il-komunitajiet Quilombo ta' Chapada dos Veadeiros jinkludu sottogrupp magħruf bħala l-Kalunga. Il-kelma "Kalunga" kienet tfisser "xi ħaġa ta' valur inferjuri" fl-imgħoddi. It-terminu issa huwa terminu ta' kburija għall-Kalunga. Ir-reputazzjoni tagħhom fil-Brażil kibret. Bit-tmiem tal-perjodu tad-deheb tal-estrazzjoni, fl-inħawi ta' Chapada dos Veadeiros kien hemm ġabra ta' villaġġi; iktar 'il quddiem ġew skoperti mill-ġdid u ġew involuti fit-turiżmu biex isostnu l-komunitajiet Kalunga.[3]

Il-Park Nazzjonali ta' Chapada dos Veadeiros.

It-temperatura annwali medja hi ta' 24–26 °C (75–79 °F), u tvarja minn temperatura minima ta' 4–8 °C (39–46 °F) u temperatura massima ta' 40–42 °C (104–108 °F).

L-altitudni tvarja bejn 600 metru u 1,650 metru (1,970 pied u 5,410 piedi), u b'hekk il-park huwa l-ogħla pjanura fil-Brażil Ċentrali. L-ogħla punt tal-park u tal-istat ta' Goiás huwa Serra da Santana, madwar 1,691 metru (5,548 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar.[4]

Formazzjonijiet tal-blat

[immodifika | immodifika s-sors]
Qawsalla fil-Kaskata ta' Salto II tax-"Xmara Sewda".

Il-formazzjonijiet tal-blat tal-park huma fost l-eqdem fil-pjaneta. Hemm formazzjonijiet tal-kwarz b'meded tal-kristalli. Dan il-blat jiġi esportat u huwa apprezzat ferm fil-Ġappun u fl-Ingilterra, fejn għal xi deċennji kien jintuża għax-xogħol industrijali. Illum il-ġurnata t-terapisti u dawn li jħobbu n-natura jfittxu l-enerġiji u s-setgħa tal-fejqan mill-kristalli u minn postijiet bħal Alto Paraiso.

Il-kristalli tal-blat huma preżenti fil-ħamrija tal-mergħat fil-beraħ. Fir-reġjun għad hemm ukoll xi foresti, fejn wieħed jista' jsib iktar minn 25 speċi ta' orkidej, apparti speċijiet Brażiljani oħra bħall-pau d'arco roxo, il-copaíba (is-siġra tal-kopa), l-aroeira (is-siġra tal-bżar ta' California), it-tamanqueira (is-siġra tas-sufra), it-terivá (varjetà ta' siġra tal-palm), il-buritis (varjetà ta' siġra tal-palm) u l-babaçu (il-babassu).

Ix-xmara prinċipali tal-park hi Rio Preto, tributarja tax-xmara Tocantins. Hemm bosta kaskati tul ix-xmara bħall-Kaskati ta' Rio Preto (għolja 120 metru (390 pied) u wiesgħa 80 metru (260 pied) fil-bażi tagħha) u l-Kaskati ta' Cariocas. Il-park huwa magħruf għall-kanjons xeniċi tiegħu, b'ħitan tal-blat għoljin sa 40 metru (130 pied) u b'widien fondi sa 300 metru kwadru (3,200 pied kwadru).

Il-Park Nazzjonali ta' Chapada dos Veadeiros huwa magħruf għall-kaskati tiegħu. Fost dawk li jvarjaw minn għoli ta' 80 sa 120 metru (260 sa 390 pied) hemm Corredeiras, Cannyon I, Cannyon II, il-Kaskata ta' Carioquinhas u l-Jardim de Maitréya. F'postijiet b'aċċess ikkontrollat hemm: Águas Quentes, Morada do Sol, Banho das Crianças u Vale das Andorinhas, Salto do Raizama u Cannyon do Rio São Miguel, Vale da lua, Cachoeiras Almécegas I u Almécegas II, Cachoeira de São Bento, Cataratas do Rio dos Couros, Cachoeira do Rio Cristal, Cachoeira dos Anjos e dos Arcanjos, Água Fria, Cachoeira do Rio das Almas, Poço Encantado, Sertão Zen, Cachoeira do Rio Macaco, Território Kalunga, Lago Serra da Mesa, Bocaina do Faria, Cachoeira das Neves, Mirante do Pouso Alto, Alpes Goianos, Cachoeira do Santana, Cachoeira da Ave Maria, Morada do Sol, Pedra Escrita, Cachoeira das Pedras Bonitas, Cachoeira Santa Bárbara, Cachoeira Capivara, Cachoeira Candaru, Cachoeiras Barroco, Cachoeiras do Pratinha, Cachoeira Rei do Prata, Cachoeiras do Curriola, Cachoeira do São Bartolomeu, Cachoeiras Veredas, u Ponte de Pedra.

Il-fawna rikka tar-reġjun tinkludi speċijiet (uħud minnhom mhedda bl-estinzjoni) bħaċ-ċriev tal-pampa (lokalment magħrufa bħala veado campeiro), iċ-ċriev tal-imraġ (cervo do pantanal), il-lupu tal-kriniera (lobo guará), il-ġagwar, u oħrajn bħar-rea (ema), is-seriema, it-tapeti, l-armadillo ġgantesk (tatu canastra), il-wikkiel tan-nemel (tamanduá), il-kapibara (capivara), it-tapir (anta), it-tukan tal-munqar aħdar (tucano de bico verde), l-avultun iswed (urubu preto), u l-avultun irjali (urubu rei).

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Żoni Protetti ta' Cerrado: il-Parks Nazzjonali ta' Chapada dos Veadeiros u ta' Emas ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

  1. "Folha Online - Turismo - América do Sul - Brasil - Chapada dos Veadeiros (GO)". www1.folha.uol.com.br. Miġbur 2025-08-19.
  2. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Cerrado Protected Areas: Chapada dos Veadeiros and Emas National Parks". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-22.
  3. 1 2 Lingnau, Carina Merkle (2007). "O Livro Uma História do Povo Kalunga– Material Divulgador da Representação Social dos Quilombolas Kalunga". Linguasagem – Revista Eletrônica de Popularização Científica em Ciências da Linguagem. 15.
  4. "Chapada dos Veadeiros - Pico 1660 - Peakbagger.com". www.peakbagger.com. Miġbur 2025-08-19.