Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha

Il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha, magħruf ukoll bħala l-Park Naturali ta' Tubbataha jew il-Park Naturali tal-Iskolli ta' Tubbataha (bil-Filippin: Bahurang Tubbataha), huwa żona protetta tal-Filippini f'nofs il-Baħar ta' Sulu. Is-santwarju tal-baħar u tal-għasafar jikkonsisti minn żewġ gruppi ta' gżejjer tal-qroll kbar (magħrufa bħala l-Gżejjer tal-Qroll tat-Tramuntana u l-Gżejjer tal-Qroll tan-Nofsinhar) u mill-Iskoll tal-Qroll iżgħar ta' Jessie Beazley, li flimkien ikopru erja totali ta' 97,030 ettaru (239,800 akru; 374.6 mil kwadru). Il-park jinsab 150 kilometru (93 mil) fix-Xlokk ta' Puerto Princesa, il-belt kapitali ta' Palawan. Il-gżejjer diżabitati u l-iskolli tal-qroll jagħmlu parti mill-muniċipalità ta' Cagayancillo, li tinsab bejn wieħed u ieħor 130 kilometru (81 mil) lejn il-Grigal tal-iskoll tal-qroll.
F'Diċembru 1993, il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala eżempju uniku ta' sistema ta' skolli tal-qroll b'densità kbira ħafna ta' speċijiet tal-baħar; il-Gżejra tat-Tramuntana sservi bħala sit fejn ibejtu l-għasafar u l-fkieren tal-baħar.[1] Is-sit huwa eżempju eċċellenti ta' skolli tal-qroll mhux mittiefsa b'sies perpendikolari spettakolari fond 100 metru, laguni estensivi u żewġ gruppi ta' gżejjer tal-qroll. Fl-1999, Ramsar elenkat il-Park Naturali ta' Tubbataha bħala wieħed mill-artijiet mistagħdra ta' importanza internazzjonali.[2] Fl-2008, l-iskolli tal-qroll ġew innominati bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet il-Ġodda tan-Natura.[3]
Il-park nazzjonali u l-kumplament tal-arċipelagu tal-Filippini jagħmlu parti mit-Triangolu tal-Qroll, irrikonoxxut bħala ċentru tal-bijodiversità tal-baħar li fih 75 % tal-ispeċijiet deskritti tal-qroll u 40 % tal-ħut tal-iskolli tal-qroll fid-dinja.[4] L-inħawi tal-park huma mhedda serjament mis-sajd eċċessiv u mill-prattiki qerrieda tas-sajd.[5] Ir-riċerka mwettqa mix-xjenzati li ilhom iżuru l-iskolli tal-qroll mis-snin 80 tas-seklu 20 żvelat li l-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha fih xi 600 speċi ta' ħut, 360 speċi ta' qroll, 11-il speċi ta' klieb il-baħar, 13-il speċi ta' dniefel u ta' balieni, u 100 speċi ta' għasafar. L-iskolli tal-qroll iservu wkoll bħala sit fejn ibejtu l-fkieren tal-baħar ħodor u hawksbill.
Il-park naturali jinsab f'nofs il-Baħar ta' Sulu, 150 kilometru (93 mil) fix-Xlokk ta' Puerto Princesa, u jkopri total ta' 97,030 ettaru (239,800 akru; 374.6 mil kwadru). L-Iskoll tal-Qroll iżgħar ta' Jessie Beazley jinsab madwar 20 kilometru (12-il mil) fit-Tramuntana taż-żewġ gruppi ta' gżejjer tal-qroll.
L-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha jinsabu tul il-Fondoq ta' Cagayan, li huwa magħmul minn vulkan estint taħt il-baħar u ark ta' gżejjer li ffurmaw fil-Mijoċen. Huwa maħsub li l-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha ffurmaw bħala għadd ta' skolli tal-qroll mifruqa u gżejjer vulkaniċi. Dan il-ħsieb jimxi mat-teorija klassika ta' Charles Darwinli l-iskolli tal-qroll jiffurmaw madwar gżira vulkanika eżistenti. Meta l-vulkan ġie estint u l-gżejjer spiċċaw fix-xejn maż-żmien, baqa' biss il-qroll li mbagħad baqa' jikber b'mod kontinwu lejn is-superfiċe. Ix-xaqlibiet imtarrġin tal-iskoll tal-qroll modern issa huma l-prodott tal-fluttwazzjonijiet fil-livelli tal-baħar, filwaqt li l-qoxra tad-dinja ta' taħt il-Fondoq ta' Cagayan birdet u ċediet.[6]

Il-kelma tubbataha tgħaqqad flimkien żewġ kelmiet bil-lingwa tal-poplu Sama-Bajau: tubba u taha, li flimkien ifissru "skoll tal-qroll twil li jiġi espost meta l-marea tkun baxxa". Il-poplu Sama-Bajau, li għandu stil ta' ħajja nomadiku, iżuru l-iskolli tal-qroll minn żmien għal żmien. Għalkemm in-nies mill-gżejjer ta' Cagayancillo spiss iżuru l-iskolli, xorta waħda għadhom jużaw id-dgħajsa nattiva magħrufa bħala banka biex ibaħħru u biex jistadu f'"Gusong", l-isem lokali ta' Tubbataha.
Protezzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
L-iżolament tal-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha, li jinsab f'nofs il-Baħar ta' Sulu 'l bogħod mill-abitanti tal-eqreb gżejjer popolati, ippreserva r-riżorsi tal-baħar tiegħu mill-isfruttament eċċessiv matul is-snin. Iż-żewġ gruppi ta' gżejriet f'Tubbataha ma għandhomx sors ta' ilma ħelu u b'hekk huma diżabitati.
Fis-snin 80 tas-seklu 20, is-sajjieda li bdew jaslu sa Tubbataha żdiedu sew bil-wasla ta' bangkas motorizzati, minflok id-dgħajjes bil-qlugħ tradizzjonali. Il-ħut naqas f'inħawi oħra tas-sajd minħabba s-sajd eċċessiv u f'qasir żmien il-Park Naturali ta' Tubbataha sar destinazzjoni tas-sajd minħabba l-abbundanza ta' riżorsi tal-baħar tiegħu. Bosta sajjieda użaw tekniki qerrieda tas-sajd bħas-sajd biċ-ċjanur u bid-dinamite biex jimmassimizzaw il-qabdiet tagħhom.
Il-bugħaddasa u l-ambjentalisti għamlu kampanji biex l-iskolli tal-qroll isiru park nazzjonali tal-baħar. Bl-approvazzjoni tal-Gvern Provinċjali ta' Palawan, fil-11 ta' Awwissu 1988, il-President Corazon Aquino ffirmat il-Proklamazzjoni Nru 306 li stabbiliet l-iskolli tal-qroll ta' Tubbataha bħala park nazzjonali tal-baħar b'erja ta' 332 kilometru kwadru (82,000 akru). Din kienet l-ewwel darba li l-Filippini ddikjaraw żona tal-baħar bħala park nazzjonali.[7]
Fis-snin bikrin tal-infurzar tal-liġi mit-Task Force Presidenzjali, ir-rangers kienu joqogħdu f'sempliċi tinda tal-kanvas. Fl-1996 inbniet struttura tal-injam iżda ċ-ċaqliq tar-ramel wara ftit wassal biex il-pedamenti tagħha ma jkunux stabbli. Attwalment, ir-rangers tal-park tal-baħar joqogħdu fi struttura tal-konkos rinfurzat bl-istyrofoam fil-Gżejra tax-Xlokk tal-Grupp ta' Gżejjer tat-Tramuntana tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha.
Il-park nazzjonali tal-baħar tkabbar fl-2006 biex jinkludi l-Iskoll tal-Qroll ta' Jessie Beazley. Il-President Gloria Macapagal Arroyo ffirmat il-Proklamazzjoni Nru 1126 fit-23 ta' Awwissu 2006, u b'hekk il-konfini tal-park żdiedu b'200 % għal 970.30 kilometru kwadru (239,770 akru). Imbagħad, il-park nazzjonali ġie kklassifikat mill-ġdid bħala park naturali. Jiġi mgħasses minn rangers armati 24 siegħa kuljum, il-ġimgħa kollha.[8]
Fl-2013, matul il-25 anniversarju tad-dikjarazzjoni tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha bħala park nazzjonali, il-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi (WWF) ħabbar pjanijiet biex tinbena faċilità mmodernizzata tar-rangers f'sit differenti biex ikunu jistgħu jimmonitorjaw u jindirizzaw l-attivitajiet illegali tal-insib b'mod effettiv. Dan il-proġett sewa PHP50 miljun.
Rikonoxximenti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Diċembru 1993[1] u jaqa' taħt il-ġestjoni protettiva tad-Dipartiment tad-Difiża Nazzjonali tal-Filippini. Attwalment jinsab taħt is-superviżjoni teknika tal-Kunsill ta' Palawan għall-Iżvilupp Sostenibbli u tad-Dipartiment tal-Ambjent u r-Riżorsi Naturali.
Fl-1999, Ramsar elenkat il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha bħala waħda mill-Artijiet Mistagħdra ta' Importanza Internazzjonali minħabba l-varjetà ta' speċijiet tal-baħar u r-rwol siewi bħala ħabitat ta' diversi annimali.[2]
Il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha ġie nnominat mill-Fondazzjoni New7Wonders fl-2007 bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Naturali l-Ġodda iżda ma ntgħażilx.[3]
F'Novembru 2015, il-Park Naturali ta' Tubbataha ġie ddikjarat bħala ċ-Ċentru għall-Bijodiversità tal-ASEAN u l-35 Park ta' Wirt tal-ASEAN.[9]
Fil-25 ta' Lulju 2017, l-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha ġew iddeżinjati bħala Żona tal-Baħar Partikolarment Sensittiva — u bħala "żona li trid tiġi evitata" — mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.[10]
Ġestjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm l-iskolli tal-qroll ġeografikament jagħmlu parti mill-muniċipalità ta' Cagayancillo, Palawan, li tinsab bejn wieħed u ieħor 130 kilometru (81 mil) lejn il-Grigal tal-iskolli tal-qroll, il-park jiġi ġestit mill-Uffiċċju tal-Ġestjoni ta' Tubbataha f'Puerto Princesa. Il-gżejjer huma diżabitati għajr għall-10–12-il ranger tal-park fil-faċilità tar-rangers li tinsab fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Grupp ta' Gżejjer tal-Qroll tat-Tramuntana. It-tim kollu mill-Flotta Navali tal-Filippini, mill-Gwardja Kostali tal-Filippini, mill-Muniċipalità ta' Cagayancillo u mill-Uffiċċju tal-Ġestjoni ta' Tubbataha jiġi stazzjonat għal xahrejn b'rotazzjoni, u x-xogħol tiegħu hu li jipproteġi l-park mill-attivitajiet illegali bħas-sajd u l-ġbir ta' ħlejqiet oħra tal-baħar.
Iktar minn 1,000 speċi ta' ħlejqiet tal-baħar jgħixu fl-iskolli tal-qroll u bosta minnhom jitqiesu bħala fil-periklu ta' estinzjoni. Fost l-ispeċijiet ta' annimali hemm il-manta ġganteski, il-pixxiljun, il-fkieren tal-baħar, il-pixxibuffu, u l-klieb il-baħar. Il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha sar sit popolari fost il-bugħaddasa sportivi u esperti minħabba s-sisien tal-qroll fejn l-iskolli tal-qroll baxxi jintemmu ħesrem u s-sies jinżel għal fond kbir. Dawn is-sisien jew "ħitan" huma ħabitats ukoll fejn jgħixu bosta kolonji ta' ħut. Fis-santwarju jgħixu sawrelli ġganteski, kurazzi, barrakudi, manta ġganteski, żanklidi, għarajjes ġganteski, marzpan, u morini. Ġew irrappportati wkoll klieb balieni u tawri. L-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha jospitaw ukoll ċetaċji u fkieren il-baħar hawksbill (Eretmochelys imbricata) li huma speċijiet f'periklu kritiku. Peress li l-park naturali huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, l-organiżmi ħajjin kollha huma protetti.
Il-qroll b'kuluri jgħajtu jkopri iktar minn żewġ terzi tal-inħawi u l-ilmijiet ta' madwar l-iskolli tal-qroll huma postijiet ta' refuġju għal bosta ħlejqiet tal-baħar. L-ekosistema pjuttost varjata ta' dan is-santwarju tħaqqaqha mal-Iskoll il-Kbir tal-Qroll fl-Awstralja – bi 350 speċi ta' qroll u b'500 speċi ta' ħut. F'Ġunju 2009 ġiet osservata tifqigħa ta' stilel tal-baħar imxewkin invażivi, li x'aktarx affettwaw il-funzjonament ekoloġiku ta' dawn l-iskolli tal-qroll relattivament mhux mittiefsa.[11]
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha jitqies bħala wieħed mill-aqwa siti għall-għadis fid-dinja skont CNN Travel.[12] Matul l-istaġun tal-għadis minn nofs Marzu sa nofs Ġunju jkun hemm mawriet lejn il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha minn Puerto Princesa, li huwa l-perjodu meta l-mewġ ikun l-iktar kalm, is-sema' jkun bnazzi u l-viżibbiltà tal-ilma tkun ta' madwar 30 sa 45 metru (98 sa 148 pied). Il-park jinsab madwar għaxar sigħat bogħod bid-dgħajsa mill-belt. Il-mawriet kollha jsiru b'dgħajjes tas-soġġorn abbord peress li ma hemm l-ebda faċilità ta' akkomodazzjoni. Il-viżitaturi joqogħdu fuq id-dgħajsa matul is-soġġorn kollu tagħhom fil-park. Matul l-istaġun tal-għadis, normalment id-dgħajjes għall-għadis jiġu prenotat bil-quddiem sew speċjalment matul l-Għid u l-btajjel Asjatiċi magħrufa bħala l-"Ġimgħa tad-Deheb".
Minn Marzu 2011, it-tariffa tad-dħul fil-park għall-individwi hi ta' US$75.00 jew PHP3,000.00. F'Settembru 2010, il-gvernatur ta' Palawan Abraham Kahlil Mitra ħabbar li r-residenti lokali tal-provinċja ta' Palawan jistgħu jidħlu fl-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha mingħajr ma jħallsu t-tariffa għall-konservazzjoni.[13]
Għalkemm il-meded tar-ramel madwar l-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha mhumiex aċċessibbli, it-turisti jistgħu jiżbarkaw fil-faċilità tar-rangers fejn jistgħu jixtru xi tifkiriet u jżuru l-faċilità.
Il-park jidher fuq in-naħa ta' wara tal-karta tal-flus ta' ₱1000 tal-2010 tal-Filippini.
Inċidenti ta' inkaljar tal-bastimenti
[immodifika | immodifika s-sors]Rainbow Warrior
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-31 ta' Ottubru 2005, il-bastiment tal-Greenpeace Rainbow Warrior inkalja mal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha u bi żball ikkawża ħsara lil madwar 100 metru kwadru (1,100 pied kwadru) ta' skolli tal-qroll. Greenpeace kellha tħallas multa ta' madwar $7,000 għal din il-ħsara.[14] Greenpeace sostniet li l-aċċident ġie kkawżat minħabba l-mapep mhux akkurati li ġew ipprovduti mill-gvern tal-Filippini. Il-BBC ikkwotat lill-uffiċjal tal-Greenpeace Red Constantino li qal li "l-mappa kienet tindika li kienu mil u nofs 'il bogħod" mill-iskolli tal-qroll meta l-bastiment inkalja. Madankollu, Greenpeace ħallset il-multa.[15]
USS Guardian
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-17 ta' Jannar 2013, il-bastiment militari tal-Flotta Navali tal-Istati Uniti USS Guardian inkalja mal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha.[16][17] Il-gvern tal-Istati Uniti inizjalment xeħet il-ħtija tal-inkaljar fuq il-mapep ħżiena.[18] Bejn l-2011 u Jannar 2013, qabel ma nkalja l-USS Guardian, seħħew ħdax-il inċident li kienu jinvolvu l-bastiment, inkluż żewġ bastimenti tal-Filippini.[19] Il-Flotta Navali tal-Istati Uniti kkonkludiet li l-irmonk tal-bastiment mill-iskolli tal-qroll kien se jikkawża iktar ħsara u minflok iddeċidiet li żżarma l-bastiment fil-post. Fit-30 ta' Marzu 2013, tneħħiet l-aħħar sezzjoni tal-bastiment mill-iskolli tal-qroll. Ma nstabet l-ebda evidenza ta' tnixxija tal-fjuwil mill-bastiment li nkalja.[20]
Fit-8 ta' April 2013, il-Flotta Navali tal-Istati Uniti tat il-mapep diġitali tan-navigazzjoni kif ukoll dokumenti u data rilevanti oħra tal-USS Guardian lit-Tim ta' Investigazzjoni tal-Inċidenti Marittimi tal-Filippini u wieġbet għad-diversi inkjesti tekniċi u sostantivi. It-Tim ta' Investigazzjoni tal-Inċidenti Marittimi tal-Filippini wettaq l-investigazzjoni indipendenti tiegħu u għamel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu evitati inċidenti bħal dawn fil-futur.[21]
Il-gvern tal-Istati Uniti għamel apoloġija għall-inċident u ssospenda lil ħames uffiċjali. L-investigazzjoni inizjali indikat b'mod ċar li dawn l-uffiċjali ma żammewx mal-proċeduri standard tan-navigazzjoni tal-Flotta Navali tal-Istati Uniti.[22]
Il-Fond Dinji għall-Organiżmi Selvaġġi fil-Filippini u l-Uffiċċju tal-Ġestjoni ta' Tubbataha, kejlu ż-żona fejn saret il-ħsara għal total ta' 2,345.67 metru kwadru (25,248.6 pied kwadru).[23] Il-gvern federali tal-Istati Uniti ngħata multa ta' 24,000 pesos tal-Filippini (madwar US$600) għal kull metru kwadru ta' ħsara. Fl-20 ta' Jannar 2015, il-gvern tal-Istati Uniti ħallas lill-gvern tal-Filippini total ta' 87 miljun pesos tal-Filippini jew US$1.97 miljun – 59 miljun pesos tal-Filippini għall-ħsara u 29 miljun pesos oħra bħala rimborż għas-servizzi pprovduti mill-Gwardja Kostali tal-Filippini.
F/V Min Long Yu
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-8 ta' April 2013, l-F/V Min Long Yu, bastiment tas-sajd Ċiniż, inkalja fl-iskolli tal-qroll xi 1.1 mil nawtiku (2.0 kilometri; 1.3 mil) fil-Lvant tal-faċilità tar-rangers tal-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha. Il-bastiment tas-sajd kellu 12-il membru tal-ekwipaġġ abbord u ġie ssuspettat li kienu qed jistadu b'mod illegali. Minflok, abbord instabu 400 kaxxa ta' pangolini ffriżati ta' oriġini mhux magħrufa.[24][25]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Naturali tal-Iskolli tal-Qroll ta' Tubbataha ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993 u ġie estiż fl-2009.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d "Tubbataha Reefs Natural Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-23.
- ^ a b "Ramsar - Tubbataha". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-11-17. Miġbur 2025-01-23.
- ^ a b GMANews.TV, AIE BALAGTAS SEE (2008-08-14). "4 RP bets in New 7 Wonders of Nature drop in rankings". GMA News Online (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ "The Coral Triangle Nature Conservation, Environment Issues | The Nature Conservancy". web.archive.org. 2016-10-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-10-28. Miġbur 2025-01-23.
- ^ "Saving the Coral Triangle – Intelligent Travel". web.archive.org. 2011-07-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-06. Miġbur 2025-01-23.
- ^ Munar, Jeffrey C.; Aurelio, Mario A.; Dumalagan, Edwin E.; Tinacba, Erin Joy C.; Doctor, Ma. Angelique A.; Siringan, Fernando P. (2024). "Submerged reef features in Apo and Tubbataha Reefs, Philippines, revealed paleo sea-level history during the last deglaciation". Geo-Marine Letters. 44 (1): 3. Bibcode:2024GML....44....3M. doi:10.1007/s00367-024-00764-7.
- ^ Cacao, Babylyn M. "Region 4B - Protected Areas". www.pawb.gov.ph (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-12-02. Miġbur 2025-01-23.
- ^ Doyo, Ma Ceres P. (2013-01-23). "Finding Nemo in Tubbataha". INQUIRER.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ "Tubbataha Reef officially launched as 35th ASEAN Heritage Park - CNN Philippines". web.archive.org. 2015-11-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-18. Miġbur 2025-01-23.
- ^ "Tubbataha Reefs protected from international shipping impacts - World Heritage Committee". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-23.
- ^ Bos, Arthur (2009). "Crown-of-thorns Outbreak at the Tubbataha Reefs UNESCO World Heritage Site". Zoological Studies. 49 (1): 124.
- ^ Marcus, Lilit. "CNN Travel | Global Destinations, Tips & Video". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ "h". web.archive.org. 2019-11-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-11-12. Miġbur 2025-01-23.
- ^ Press, Associated (2005-11-02). "Greenpeace admits damaging coral reef" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ "Greenpeace fined for reef damage" (bl-Ingliż). 2005-11-01. Miġbur 2025-01-23.
- ^ "US minesweeper stuck on reef off Philippines" (bl-Ingliż). 2013-01-17. Miġbur 2025-01-23.
- ^ "World News: Latest International Headlines, Video, and Breaking Stories From Around The Globe". NBC News (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ France-Presse, Agence (2013-03-30). "US Navy ship removed from Tubbataha Reef". INQUIRER.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ Dizon, Jerry E. Esplanada, Nikko (2013-03-22). "US invites PH to Tubbataha probe". INQUIRER.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ "U.S. Minesweeper Runs Aground in Philippines | Defense News | defense…". archive.ph. 2013-02-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-02-15. Miġbur 2025-01-23.
- ^ "United States Navy turns over USS Guardian's data to Manila's probing team | Sun.Star". web.archive.org. 2015-02-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-02-23. Miġbur 2025-01-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Latest News & Current Event Updates | Yahoo News Singapore". Yahoo News – Latest news & headlines (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ Yap, D. J. (2013-04-07). "'Not a penny over $1.4M for Tubbataha damage'". INQUIRER.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ "AFTER USS GUARDIAN | Chinese vessel runs aground in Tubbataha - InterAksyon.com". web.archive.org. 2013-04-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-04-12. Miġbur 2025-01-23.
- ^ "PCG discovered 400 boxes of "butchered" anteaters in Tubbataha". web.archive.org. 2013-12-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-03. Miġbur 2025-01-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)