Park Naturali ta' Korab-Koritnik

Il-Park Naturali ta' Korab-Koritnik (bl-Albaniż: Parku Natyror i Korab-Koritnikut) huwa park naturali li jinsab fil-Lvant tal-Albanija u jifforma parti minn sezzjoni tal-Medda Ħadra Ewropea, li toffri kenn għal diversi speċijiet ta' annimali u ta' pjanti fil-periklu.[1] Il-park fih 55,550 ettaru (555.5 km2) ta' art muntanjuża alpina, b'widien, bi xmajjar, b'lagi glaċjali, b'għerien, b'kanjons u b'foresti koniferi u ħorfija densi. L-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) elenkat dan il-park bħala park tal-Kategorija IV.[2][3] Iż-żewġ sezzjonijiet ta' Koritnik u ta' Korab ġew rikonoxxuti bħala Żona Importanti tal-Pjanti ta' importanza internazzjonali mill-Plantlife.[4]

Il-Park Naturali ta' Korab-Koritnik jibda fil-fruntiera mal-Kosovo fit-Tramuntana tul il-fruntiera mal-Maċedonja ta' Fuq sal-Muntanji Desha fin-Nofsinhar. Il-park naturali ngħata isem il-Muntanji Korab u Koritnik. Korab hija l-ogħla quċċata kemm tal-Albanija kif ukoll tal-Maċedonja ta' Fuq, b'elevazzjoni ta' 2,764 metru (9,068 pied). Hija wkoll waħda minn żewġ qċaċet biss fl-Ewropa, li hija l-ogħla punt ta' iktar minn pajjiż wieħed, u hija wkoll it-18-il quċċata muntanjuża l-iktar prominenti fl-Ewropa.[5][6] Il-quċċata hija magħmula minn art muntanjuża mħarbta ħafna u bil-ponot u tikkonsisti l-iktar mix-shale u mill-ġebla tal-ġir tal-perjodu Paleożojku, bi strutturi ta' blokok kif ukoll blat tal-ġipsum li ġarrab ħafna ħsarat tal-permo Triassiku. Fuq in-naħa tal-Punent, il-muntanji tinżel ħesrem fuq ħitan tal-blat, filwaqt li fuq in-naħa tat-Tramuntana tikkonsisti minn blat aħrax.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-park naturali jesperjenza klima kontinentali umduża moderata bi xtiewi kesħin u bil-preċipitazzjoni u bi sjuf sħan u nexfin. Minħabba varjabbiltà kbira fl-elevazzjoni, diversità rikka ta' klimi, flora u fawna tista' tinstab fi ħdan it-territorju. Il-park jagħmel parti mill-ekoreġjuni terrestri tal-foresti mħallta tal-Muntanji Dinariċi u tal-foresti mħallta tal-Balkani li min-naħa tagħhom jagħmlu parti mill-bijoma tal-foresti mħallta u miti tas-siġar tal-weraq wiesa' Paleartiċi.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-foresti huma magħmula minn diversità ta' speċijiet ta' siġar ħorfija u koniferi u minn varjetà kbira ta' fjuri selvaġġi. Il-livelli tal-veġetazzjoni jiġu distinti abbażi tal-altitudnijiet differenti: il-foresti tas-siġar tal-ballut minn 400 sa 900 metru (1,300–3,000 pied), il-foresti tas-siġar tal-fagu u tal-koniferi u l-foresti mħallta bis-siġar tal-weraq wiesa' minn 1,000 sa 2,000 metru (3,300–6,600 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Ix-xaqlibiet tal-mergħat muntanjużi fil-biċċa l-kbira huma miksijin bil-foresti ħorfija. L-iżjed tipi komuni ta' siġar fil-park huma l-abit fiddien, iż-żnuber tal-Awstrija, iż-żnuber tal-Bożnija, iż-żnuber tal-Maċedonja ta' Fuq u l-alnu iswed. Il-foresti tas-siġar tal-ballut jistgħu jinstabu f'altitudnijiet iktar baxxi, fosthom dawk bis-siġar tal-karpin Orjentali, tal-ballut pubexxenti tal-ballut tal-Maċedonja ta' Fuq u tal-aġġru.[2]

Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fawna tal-park naturali hija rrappreżentata b'37 speċi ta' mammiferi. Il-mammiferi kbar bħall-orsijiet suwed, il-lupi griżi, il-linċi tal-Balkani, iċ-ċriev selvaġġi, iċ-ċingjali, il-ballottri, il-martens u l-iskojjattli ħomor jgħixu fl-inħawi. Il-park naturali fih ukoll varjetà ta' ħabitats adattati li jsostnu popolazzjonijiet densi ta' għasafar bħall-ajkla rjali, il-gallozza tal-Punent, il-bies, il-kuċċarda prima, l-isparvier, il-kokka imperjali, l-avultun prim, il-ħaġla qastanija u bosta oħrajn.[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ ""RRJETI I ZONAVE TË MBROJTURA NË SHQIPËRI" (PDF). mjedisi.gov.al (bl-Albaniż). p. 2" (PDF).
- 1 2 3 "Korab - Koritnik Natural Park Management Plan".
- ↑ ""Vlerësimi Strategjik Mjedisor për Planin e Integruar Ndersektorial te Bregdetit" (PDF). planifikimi.gov.al (bl-Albaniż). p. 44" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2017-10-28. Miġbur 2026-03-26.
- ↑ "IUCN, World Wide Fund for Nature, Plantlife. "Important Plant Areas of the south and east Mediterranean region" (PDF). portals.iucn.org. p. 75" (PDF).
- ↑ ""The King of the Mountains" (PDF). dmwcorg.tk. p. 24" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2019-04-02. Miġbur 2026-03-26.
- ↑ "Europe Ultra-Prominences: peaklist.org". www.peaklist.org. Miġbur 2026-03-26.