Park Arkeoloġiku ta' Champaner-Pavagadh

Il-Park Arkeoloġiku ta' Champaner-Pavagadh huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jinsab fid-distrett ta' Panchmahal f'Gujarat, l-Indja. Jinsab madwar il-belt storika ta' Champaner li ġiet stabbilita minn Vanraj Chavda, l-iżjed re prominenti tad-dinastija Chavda, fis-seklu 8 W.K. Huwa taha isem il-ħabib tiegħu, il-Ġeneral Champa, iktar 'il quddiem magħruf ukoll bħala Champaraj. Is-sit huwa mimli fortijiet u bastjuni mill-għoljiet ta' Pavagadh sal-belt ta' Champaner. Il-pajsaġġ tal-park jinkludi monumenti ta' wirt arkeoloġiku, storiku u kulturali ħaj, fosthom siti Ċalkolitiċi, fortizza fuq għolja ta' belt kapitali Induista bikrija, u fdalijiet tal-belt kapitali tas-seklu 16 tal-istat ta' Gujarat. Hemm palazzi, daħliet u ħnejjiet, moskej, oqbra u tempji, kumplessi residenzjali, strutturi agrikoli u faċilitajiet tal-ilma, bħal bjar imtarrġin u tankijiet, li jmorru lura għas-sekli 8 sa 14. It-Tempju ta' Kalika Mata, li jinsab fil-quċċata tal-Għolja ta' Pavagadh f'elevazzjoni ta' 800 metru (2,600 pied), huwa santwarju Induist importanti fir-reġjun, u jattira għadd kbir ta' pellegrini matul is-sena kollha.
It-tranżizzjoni bejn il-kultura u l-arkitettura Induista u Musulmana fl-aħħar tas-seklu 15 u fil-bidu tas-seklu 16 toħroġ fid-dieher fil-park, b'mod partikolari fil-belt Iżlamika bikrija u ta' qabel il-Mugal li baqgħet kif kienet. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]

Il-Park Arkeoloġiku ta' Champaner-Pavagadh huwa mifrux fuq erja ta' iktar minn 1,329 ettaru (3,280 akru), b'żona ta' lqugħ ta' 2,812-il ettaru (6,950 akru). Minbarra l-qalba tal-wirt ta' 983.27 ettaru (2,429.7 akru), hemm diversi siti oħra, fosthom: Kabutarkhana, Maqbara, Maqbara Mandvi, Maqbara qrib il-villaġġ ta' Patidar, Malik Sandal Ni Vav, Hathikhana, Sindh Mata, Sikander Ka Reuza, Babakhan Ki Dargah, Nau Kuan Sat Vavdi, u Chandrakala Vav. Is-sit jinsab 50 kilometru (31 mil) fil-Lvant ta' Baroda u 68 kilometru (42 mil) fin-Nofsinhar ta' Godhra, u l-istorja tiegħu ġiet irreġistrata mis-seklu 2 W.K., b'bosta monumenti reliġjużi tas-Slaten ta' Gujarat (ta' dixxendenza Torka), Rajputs, u Ġain. Jinkludi l-Palazz ta' Mahmud Begada, in-neputi ta' Ahmed Shah, li stabbilixxa l-belt ta' Ahmedabad, Jama Masjid u moskej oħra. Il-pajsaġġ tas-sit huwa miżgħud għoljiet żgħar u promontorji. Hemm ukoll meded weqfin esposti tal-blat li ffurmaw minn żbroffi vulkaniċi u flussi tal-lava ta' żmien il-qedem.
Champaner tinsab fil-koordinati 22°30′N 73°30′E, madwar 1.6 kilometru (mil) lejn in-Nofsinhar tal-Għolja ta' Pavagadh. Din l-għolja għandha elevazzjoni ta' 800 metru (2,600 pied), għandha bixra ġeoloġika ta' blat ħamrani-safrani, u titqies bħala waħda mill-eqdem formazzjonijiet tal-blat fl-Indja. L-ogħla punt tal-għolja għandu topografija forestali b'għoljiet żgħar fid-direzzjoni ta' Jambughoda. L-Għolja ta' Pavagadh fiha forti storiku fejn hemm it-Tempju ta' Kalika Mata ta' żmien il-qedem. Il-mogħdija lejn il-quċċata tgħaddi minn bosta daħliet antiki, b'diversi turġien u passaġġi mħaffrin fil-blat naturali. F'nofs din il-mogħdija hemm żona ċatta mimlija ħaġar kbir. Iktar 'il fuq minn dan il-punt hemm xaqliba wieqfa ħafna b'tempju tal-irħam u żewġ torrijiet tal-lanterni.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Storja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Meta wieħed iqis il-fdalijiet arkeoloġiċi bikrin kif ukoll ir-rekords storiċi, x'aktarx li l-inħawi kienu ilhom abitati mill-perjodu Ċalkolitiku; madankollu, l-inħawi baqgħu ttraskurati sal-ħabta tal-400 W.K. Fost il-ġrajjiet storiċi hemm leġġenda lokali li d-divinità tal-għoljiet irriżultat mis-suba' tal-lemin tal-alla femminili Kalika, li milli jidher kienet waqgħet fuq l-għolja.
Il-belt ta' Champaner ingħatat isem Champa Bhil, l-aħħar re Bhil ta' Champaner. Champa Bhil bena l-Forti ta' Champaner u stabbilixxa wkoll din il-belt matul it-tmexxija ta' Vanraj Chavda ta' Anhilwad Patan (mis-746 sat-806 W.K.). Fis-seklu 11 irrenja Ram Gaur Tuar, u Champaner sfat taħt l-Anhilwad sal-1297 meta ngħelbu minn Alauddin Khalji, li għamilha l-fortizza tagħhom. Matul dan il-perjodu, iċ-Chauhan Rajput insedjaw ukoll Champaner. L-Għolja ta' Pavagadh kienet is-sit fejn ir-rejiet Solanki u l-Khichi Chauhans bnew il-fortizzi u rrenjaw minnhom. Madankollu, dawn tilfu l-awtorità tagħhom f'Champaner fl-1484.

Fl-1418 u għall-ħabta tal-1450, il-Khichis irnexxielhom jegħlbu l-ġar tagħhom, Rao ta' Idar, u l-mexxejja Musulmani ta' Ahmedabad, grazzi għall-protezzjoni pprovduta mill-għolja. Madankollu, fl-1483, meta l-kaptan ta' Mahmud Begada, Malik Asad, kien qed jisraq ir-rikkezzi ta' Champaner, dan ġie attakkat u maqtul minn Raval Jaisingh. Fis-snin ta' wara r-Rajputs ġew megħluba għalkollox mis-Sultan Begada. L-għolja ġiet iċċirkondata u l-forti ġie assedjat għal iktar minn sena sakemm fl-aħħar mill-aħħar inħataf fis-17 ta' Novembru 1484, meta Kivamul Mulk u Malik Ayaz Sultani rnexxielhom ikissru s-swar u d-daħla prinċipali, qerdu l-armata u darbu lill-mexxejja tar-Rajputs. Raval Jaisingh indarab u għal sitt xhur ingħata amnestija iżda mbagħad inqatel ladarba rrifjuta li jikkonverti għall-Iżlam.

Madankollu, iben Raval, ikkonverta għall-Iżlam u sar nobbli bit-titlu ta' "Nizam-ul-Mulk". Wara li l-forti nħatfet, Mahmud bidel isem il-belt għal "Muhmudabad Champaner". Kien matul dan il-perjodu li Mahmud stabbilixxa l-ġebla tax-xewka tal-moskea tiegħu. Huwa bena strutturi elaborati, iffortifika ż-żewġ fortijiet, ikkonverta l-forti tal-għolja fil-Mauliya (li tfisser "Mulej tal-Għolja") u ċ-ċittadella tiegħu matul perjodu ta' 23 sena u eventwalment ittrasferixxa l-belt kapitali tiegħu minn Ahmadabad għal Champaner.
Matul dan il-perjodu, Champaner kienet magħrufa għas-siġar tal-mango, għas-siġar tas-sandlu (li dak iż-żmien kienu jintużaw għall-bini tad-djar u għax-xfafar tax-xwabel), u għall-ħarir ta' kull lewn. Il-merkanti u l-artiġjani tkattru. Mahmud miet fl-1511 u s-suċċessuri tiegħu baqgħu jirrenjaw minn Champaner sal-mewt ta' Bahadur Shah (1536). Il-belt ta' Champaner kellha pjanta tajba b'diversi toroq u djar tal-ġebel imbajdin. Fl-1526, Sikander Shah miet żgħir u Bahadur Shah sar il-mexxej ta' Champaner warajh. Fl-1535, l-Imperatur Mugal Humayun invada Champaner u seraq ir-rikkezzi tagħha. Mal-mewt ta' Bahadur fl-1536, il-belt kapitali u l-qorti imperjali reġgħu marru lejn Ahmadabad. B'hekk il-belt malajr qabdet it-triq tan-niżla, fil-biċċa l-kbira ġiet abbandunata u għal diversi sekli ġiet mitluqa u kważi żvutajt għalkollox.
Is-sit kien ukoll sit ta' pellegrinaġġ tal-fidi Ġain. Kien hemm diversi tentattivi biex tinqered l-evidenza tal-wirt Ġain. Madankollu, il-qorti ordnat li l-fatti u l-wirt Ġain ma jinqeridx. L-istorja Ġain tmur lura għas-seklu 3 Q.K.
- Ir-Re Samprati, fis-seklu 3 Q.K., bena u installa l-idolu ta' Sambhavnatha li ġie kkonsagrat mill-patri Ġain Svetambara Acharya Suhastisuri.
- Fl-1055 W.K., il-patri Śvetāmbara Acharya Gunsagarsuri kkonsagra t-tempju ġdid ta' Jirawala Parshvanath u wettaq ir-rikostruzzjoni tat-tempju b'52 santwarju tal-qedem ta' Abhinandanswami.
- Fis-seklu 10 W.K., l-Achalgach tas-setta Śvetāmbara tal-Ġainiżmu ġiet stabbilita hawnhekk minn Acharya Aryarakshitsuri. Huwa ma kienx kuntent bil-prattiki ħżiena f'għemil il-patrijiet Ġain minħabba l-influwenza tal-yatis. Huwa pprova jressaq xi riformi, iżda kien kollu għalxejn. Għalhekk, huwa tela' l-għolja biex jagħmel ir-ritwal tas-Sallekhana. Skont leġġenda, is-semidivinità femminili ta' Mahakali dehritlu u talbitu biex ma jagħmilx is-Sallekhana, u qaltlu li kien l-uniku wieħed li seta' jxerred il-verità. Barra minn hekk, talbitu jibda ordni ġdid ibbażat fuq il-verità tal-Agamas u serrħitlu rasu li kienet se tissalvagwardja is-segwaċi tal-ordni l-ġdid u twasslilhom il-ġid. Għalhekk, fl-1112 W.K., Acharya Aryarakshitsuri stabbilixxa l-Achalgacch (jew Viddhipaksh) f'Pavagadh, u stabbilixxa s-semidivinità femminili ta' Mahakali bħala l-adhishthayika (divinità protettriċi) tal-gaccha. Il-fundatur Śrāvakas tal-gaccha stabbilixxa l-idolu ta' Mahakali fuq l-għolja biex kulħadd ikun jista' jagħtiha ġieħ. Dan huwa l-istess idolu u l-istess santwarju li iktar 'il quddiem ittieħed mill-Induisti.
- Hemm referenza wkoll għal tempju msejjaħ "Sarvatobhadra" (jiġifieri "li jattira s-suċċess minn kullimkien") li nbena minn Tejpal fis-seklu 12.
- Twaqqif u konsagrazzjoni ċerimonjali ta' tempju li nbena minn Jayawant Seth u Acharya Vijaysensuri fl-1581 W.K.
- Taħt il-gwida ta' Acharya Kalyansagarsuri, patri u riformista tal-Achalgacch, is-sravakas Sheth Vardhaman u Sheth Padamshin wettqu r-rikostruzzjoni tas-santwarju ta' Mahakali fis-seklu 16 W.K.
- Fl-1689 W.K., Gani Shilvijay Maharaj irrefera għall-eżistenza ta' tempju ta' Neminatha.
- F'poeżija ta' tifħir iddedikata lil Jirawala Parshvanatha u mfassla mill-patri Ġain Dipvijay Kaviraaj fl-aħħar tas-seklu 18 W.K., it-tempji li kienu jeżistu hawnhekk dak iż-żmien ġew deskritti fid-dettall.
Diversi patrijiet tal-Achalgacch bħal Mahendraprabhasuri, Merutungasuri u Jaykesarisuri fost diversi oħra, u dawk tat-Tapagacch bħal Dharmaratnasuri, Hemvimalsuri, Laxmisagarsuri, Bhuvansundarsuri, eċċ., ikkonsagraw bosta tempji u idoli fuq l-għolja. Skont diversi skritturi Śvetāmbara, kien hemm żmien meta dawn is-santwarji kienu jitqiesu tal-istess livell u importanza bħal dawn fuq l-għolja ta' Palitana.
Huwa maħsub li kien hemm tempju Śvetāmbara kbir fuq l-għolja, li esperjenza diversi invażjonijiet. Il-fdalijiet ta' dan it-tempju ntużaw għall-kostruzzjoni ta' tliet tempji Digambar iżgħar.
Storja suċċessiva
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Brittaniċi żaru l-belt ta' Champaner fl-1803, u dak iż-żmien kienu jirresjedu hemmhekk xi 500 ruħ biss. Iċ-ċentru storiku tal-belt kien fi stat ta' fdalijiet u mgħotti bil-ħaxix ħażin. Huma reġgħu stabbilew il-belt u saret esportatur kbir tal-ħarir, b'faċilitajiet tal-ħasil u tat-tħejjija tal-ħarir mhux maħdum. Madankollu, epidemija tal-kolera ċekknet il-popolazzjoni għal 400 familja sal-1812. Meta l-Brittaniċi finalment ħatfu l-inħawi fit-13 ta' Lulju 1829, ma kien għad fadal kważi ħadd jgħix hemmhekk; anke l-isforzi ta' dak iż-żmien biex il-post jerġa' jiġi popolat permezz ta' inċentivi għall-kultivaturi sa total ta' Rs 1260 biex jiżviluppaw l-artijiet ma sarraf fl-ebda riżultat. Fl-1879, xi ftit tribujiet Bhil u Naikda kienu jirresjedu fil-belt, iżda matul il-ftit snin ta' wara, il-belt reġgħet saret magħruf fl-Indja bis-saħħa tal-mexxejja tagħha u l-monumenti li ħallew warajhom.
Fl-aħħar deċennju, is-sit ingħata l-attenzjoni mill-arkeologi u mill-Fondi Fiduċjarji għall-Wirt fl-inħawi biex jiġi żviluppat f'attrazzjoni turistika u f'Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-Fond Fiduċjarju għall-Wirt ta' Baroda ħa l-inizjattiva f'dan ir-rigward u wettaq studju tal-pajsaġġ tal-eks ċentru urban. Ġie żviluppat ukoll Pjan Direzzjonali għal park arkeoloġiku għall-Belt ta' Champaner u għal Pavagarh bħala santwarju kulturali, u l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, appoġġat mill-Fond Fiduċjarju għall-Wirt ta' Baroda, ippreżenta proposta lill-UNESCO biex is-sit isir Sit ta' Wirt Dinji. F'Lulju 2004, l-UNESCO approvat il-proposta u s-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tal-"importanza konġunta tiegħu bħala ċentru ta' pellegrinaġġ Induist, ir-raggruppament ta' tempji Ġain, in-nisġa urbana Medjevali tassew ippreservata, il-moskej u l-oqbra mirquma u mnaqqxa mill-ġebel ramli, u l-valuri ta' wirt intanġibbli tiegħu".[1] It-turiżmu fl-inħawi kien affettwat mir-rewwixti bejn l-Induisti u l-Musulmani ta' Godhra, li rriżultaw f'kunflitt ta' interessi fl-iżvilupp tal-infrastruttura bħal toroq, pontijiet u faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għall-pellegrini u għat-turisti li jżuru d-diversi monumenti ta' dan is-sit.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Arkeoloġiku ta' Champaner-Pavagadh ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Ippjanar tal-belt
[immodifika | immodifika s-sors]
Fis-sit wieħed isib il-kwartieri rjali mdawrin bis-swar, id-daħla tal-belt, il-moskea 'l barra mill-fortifikazzjonijiet, il-mogħdija rjali li tagħti għall-palazz, u t-tieni sett ta' swar li jikkonsistu fil-Jahanpanah mhux esplorat. L-ippjanar urban tal-belt joħroġ fid-dieher toroq imwittija u pavimentati sew li jwasslu għaċ-ċentru tal-belt. Iż-żona residenzjali tikkonsisti fi djar tal-għonja u tal-foqra; id-djar tal-għonja nbnew b'ġonna xeniċi u bil-kanali tal-ilma. Il-parks pubbliċi u l-paviljuni jinsabu madwar il-kumpless residenzjali. Madankollu, it-tempji, il-moskej u l-oqbra huma kkonċentrati l-iktar fl-Għoljiet ta' Pavagarh. Il-mixja sal-quċċata tal-għoljiet mill-pjanura tissejjaħ Patha (rotta tal-pellegrini); u titqies bħala "ruħ Champaner", b'eluf ta' tarġiet u mżejna bi strutturi ornamentali u essenzjali.
- Ħżin tal-ilma tax-xita
Waħda mill-karatteristiċi innovattivi taż-żewġ monumenti storiċi hija ċċentrata fuq l-iżvilupp ta' metodi għall-ħżin tal-ilma tax-xita, fl-għamla ta' tankijiet jew vaski fl-Għoljiet ta' Pavagadh (imsejħa "l-għolja tal-mitt vaska") u bosta bjar fil-belt ta' Champaran, li hija mlaqqma bħala l-"belt tal-elf bir". Ix-xmara Vishamitri hija l-unika nixxiegħa mill-Għoljiet ta' Pavgadh, u ntużat biex talimenta l-bjar f'Champaner u t-tankijiet f'Pavagadh. It-tankijiet kienu jaqdu l-ħtiġijiet tal-pellegrini u ħtiġijiet utilitarji, rikreattivi, spiritwali u estetiċi oħra. Uħud mit-tankijiet inbnew permezz tal-kostruzzjoni ta' xtut u d-devjazzjoni tal-ilma maħżun f'ċisterni tal-ġebel. Uħud mill-istrutturi tal-ilma famużi huma: Ganga, Yamuna u Saraswathi Kunds (fil-promontorju ta' Mauliya); Wada Talao, l-ikbar tank tal-ilma alimentat minn nixxigħat fil-parti tal-Lvant tal-belt; it-tank innovattiv ta' Gaben Shah; il-bjar imtarrġa eliċi u mżejna b'mod mirqum bħal fil-ġonna pubbliċi u fid-daħla tal-belt, u l-paviljuni tas-sajf irjali. Il-kanal tal-ilma fid-dar ta' nobbli, imsejjaħ "Manzil l-Amir", huwa kkwotat bħala riflessjoni tal-"ħila tal-għaġeb fil-kostruzzjoni tal-istrutturi tal-ilma minn dawk responsabbli għall-arkitettura Palatina u reliġjuża ta' Champaner".
Monumenti
[immodifika | immodifika s-sors]
Hemm ħdax-il tip differenti ta' binjiet fil-Park Arkeoloġiku ta' Champaner-Pavagadh, fosthom moskej, tempji, fosos tal-qamħ, oqbra, bjar, swar u artijiet imtarrġa. Il-monumenti jinsabu fil-bażi tal-Għolja ta' Pavagadh u madwarha. Il-Fond Fiduċjarju għall-Wirt ta' Baroda jelenka 114-il monument fl-inħawi, li minnhom 39 monument biss huma amministrati mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, minħabba finanzjament limitat. Id-Dipartiment tal-Foresti għandu s-sjieda ta' 94 % tal-art tal-park arkeoloġiku, filwaqt li l-fondi fiduċjarji tat-tempji u stabbiliment oħra jipprovdu l-faċilitajiet għall-akkomodazzjoni u għas-soġġorn tal-pellegrini u tat-turisti. Fuq in-naħa tan-Nofsinhar, qrib il-bażi tal-għolja, hemm ukoll xi djar dilapidati u l-pedamenti ta' tempji Ġain.
Il-monumenti jinkludu:
- Champaner
- Il-Bir imtarraġ eliku;
- id-Dargah ta' Sakar Khan;
- id-Daħla qrib Kasbin Talao;
- is-Swar taċ-ċittadella;
- is-Swar fin-naħa tax-Xlokk taċ-ċittadella int u tiela' l-għolja;
- id-Daħliet ta' Bhadra tal-Lvant u tan-Nofsinhar;
- il-Moskea ta' Sahar ki Masjid (Bohrani);
- it-tliet ċelel fi ħdan is-swar taċ-ċittadella bejn il-moskea ta' Sahar ki Masjid u l-fond lokali ta' Dharmashala;
- il-Mandvi jew il-Faċilità Doganali;
- il-Moskea ta' Jami Masjid;
- il-Bir imtarraġ fit-Tramuntana tal-Moskea ta' Jama Masjid;
- il-Moskea u l-Mawżolew ta' Kevda Masjid;
- il-Qabar b'koppla kbira fin-nofs u koppliet żgħar fil-kantunieri lejn il-Moskea ta' Khajuri Masjid qrib il-Wada Talao;
- il-Mawżolew ta' Kevda Masjid;
- il-Moskea ta' Nagina Masjid;
- il-Mawżolew ta' Nagina Masjid;
- il-Moskea ta' Lila Gumbaz ki Masjid;
- il-Paviljun ta' Kabutarkhana max-xatt tat-Tramuntana tal-Wada Talao qrib il-Moskea ta' Khajuri Masjid;
- il-Moskea ta' Kamani Masjid;
- il-Moskea ta' Bawaman.
- Għolja ta' Pavagadh
- Id-Daħla Nru 1 tal-Għolja ta' Pavagarh (id-Daħla ta' Atak);
- Id-Daħla Nru 2 (bi tliet portali, id-Daħla ta' Budhiya);
- Id-Daħla Nru 3 (id-Daħla ta' Moti, id-Daħla ta' Sadanshah);
- Id-Daħla Nru 4 b'bastjun kbir biċ-ċelel fuq ġewwa;
- Is-Sat Manzil bejn id-Daħliet Nri 4 u 5 sal-bastjuni fil-quċċata;
- Iz-Zekka fuq id-Daħla Nru 4;
- Id-Daħla Nru 5 qrib il-Machi (id-Daħla ta' Gulan Bulan);
- Id-Daħla Nru 6 (Buland Darwaza);
- il-Makai Kothar;
- il-Palazz ta' Patai Rawal bit-tankijiet;
- Id-Daħla Nru 7 qrib il-pont tal-ħadid (id-Daħla ta' Makai);
- Id-Daħla Nru 8 (id-Daħla ta' Tarapore);
- Il-forti ta' Pavagad u l-fdalijiet tat-tempji Induisti u Ġain fil-quċċata tal-Għoljiet ta' Pavagad;
- in-Navlakha Kothar;
- is-Swar tal-Forti fil-quċċata.
Fortizzi u swar
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fortizza li nbniet mir-rejiet Solanki ta' Gujarat ġiet iffortifikata iktar mill-Khichi Chauhans. Fl-1484, is-Sultan Mahmud Begadah ħataf il-forti u tah l-isem ġdid ta' Muhammadabad Champaner. Il-fortifikazzjonijiet jibdew fil-promontorju ta' Mauliya, li jinsab fuq l-għolja u jintemm fil-pjanuri. Huma kbar ħafna u nbnew bil-ġebel ramli u ġew ikkollegati bejniethom b'bastjuni f'intervalli b'gallariji eleganti. Hemm diversi daħliet fil-fortifikazzjonijiet u fl-inħawi fi ħdanhom hemm ukoll il-barrakki u l-ħabs. Id-Daħla tal-Punent fiha fortifikazzjonijiet mill-irdum fit-Tramuntana mibnija bil-brikks u s-siment, segwiti minn ħajt tal-ġebel mingħajr tkaħħil għal madwar mil, segwit imbagħad minn ħajt antik ieħor (għoli 30 pied (9.1 metri)) estiż fuq 220 jarda (200 metru) u jibqa' sejjer sal-ewwel linja (magħrufa bħala atak) ta' fortifikazzjonijiet fuq l-għolja. Il-ħajt enormi tal-ġebel mingħajr tkaħħil huwa magħruf bħala l-ħajt ta' Bigada, u jħaddan fih il-Jahapanah (ix-xelter dinji) u l-Bhadar jew iċ-ċittadella ta' Mahmudabad Champaner; iż-żona fi ħdan dawn il-fortifikazzjonijiet hija twila mil (1.6 kilometru) u wiesgħa 280 jarda (260 metru). Binja rettangolari malli wieħed jasal fiċ-ċittadella kienet tintuża bħala kamra tal-għassa u fiha 150 pied (46 metru) b'1,120 pied (37 metru) b'daħliet doppji, bi twieqi tal-ġebel imżejnin b'tinqix elaborat. Ix-Shikari Kot jew il-Forti tal-Kaċċaturi jinsab lejn il-Lvant taċ-ċittadella. Il-Bada Talao jew il-Lag il-Kbir jinsab qrib il-fdalijiet tal-palazz.
Tempji
[immodifika | immodifika s-sors]
L-iżjed tempju bikri fuq l-Għolja ta' Pavagadh fil-promontorju ta' Mauliya jmur lura għas-seklu 10–11 u huwa ddedikat lil Lakulish. Madankollu, it-tempju issa jinsab fi stat ta' fdalijiet, bil-gudha mandapa (maqdes ewlieni) u l-Ardha mandapa (parti mill-antarala) biss li għadhom preżenti. Lakulish, Dakxinmurti, Braħma, Vixnu, Gajendramokxa, diversi forom ta' Xiva, Indra, Ambika bilqiegħda u Surasundaris huma fost ix-xbihat preżenti f'dan it-tempju. It-tempju nbena bl-istil arkitettoniku tat-tempji Induisti b'garbhagriha, mandapa u spazju miftuħ quddiem daħla. Kellu tiżjin mirqum, li fil-biċċa l-kbira kienu jikkonsistu minn tinqix fil-ġebel. Filwaqt li l-eqdem tempju jinsab f'kundizzjoni mitluqa u ma għadux jintuża, it-tempji l-oħra kollha għadhom jintużaw bħala postijiet ta' qima u lkoll għandhom tiżjin mirqum, l-iktar tinqix fil-ġebel.
It-tempji tar-reliġjon Ġain f'Pavagadh huma notevoli wkoll. Hemm tliet gruppi differenti: l-ewwel grupp jikkonsisti fit-tempji ta' Bhavanaderi qrib id-Daħla ta' Naqqarkhana u huma magħrufa wkoll bħala t-tempji ta' Navalakka; it-tieni grupp huwa ddedikat lit-Tirthankaras Suparshvanatha u Chandraprabha; u t-tielet grupp, li jinsab fix-Xlokk tal-Għolja ta' Pavagarh (l-irdum ta' Mataji), jinsab qrib it-tempju ta' Pārśva ħdejn it-tank ta' Dudhia. Dawn it-tempji x'aktarx li nbnew fis-sekli 14–15 abbażi tal-"karatteristiċi stilistiċi u arkitettoniċi [tagħhom]". Hemm xbihat bilqiegħda u bilwieqfa, imnaqqxin b'mod elaborat, tal-panteon Ġain mal-ħitan ta' barra tat-tempji. Il-Garbabrihas huma mżejna bi xbihat sbieħ tal-ġebel tat-Tirthankaras f'dawn it-tempji. Maż-żmien, it-tempji kollha ġew rinnovati.
L-iżjed tempju li jżuruh nies fuq l-għolja huwa t-Tempju ta' Kalika Mata. Fih tliet xbihat ta' divinitajiet femminili: ix-xbieha ċentrali hija ta' Kalika Mata, b'Kali fuq il-lemin u Bahuchara Mata fuq ix-xellug. Il-pinnaklu ta' dan it-tempju fih santwarju ta' Sadanandsha pir, qaddis Musulman meqjum ħafna fir-reġjun. Huwa t-tielet fost ix-Shakti Peethas ta' Gujarat u huwa magħruf għall-qima tantrika. Huwa kkollegat permezz ta' ropeway b'kejbil wieħed twil 740 metru (2,430 pied) li tista' ġġorr 1,200 ruħ fis-siegħa u jingħad li hija l-ogħla ropeway fil-pajjiż. Fiċ-Chaitra ashtami, matul in-navratri (festa li ddum disat ijiem), issir fiera fit-Tempju ta' Kalika Mata b'attendenza ta' eluf ta' devoti. Il-fdalijiet tal-Palazz ta' Patai Raval huma viżibbli fit-triq lejn it-tempju.
Moskej
[immodifika | immodifika s-sors]Fost il-ħames moskej f'kundizzjoni tajba ħafna hemm il-Jami Masjid (spelluta wkoll bħala "Jama Masjid") qrib id-Daħla tal-Lvant, li nbniet mis-Sultan Begada, u hija waħda mill-iktar notevoli fost il-114-il monument elenkati mill-Fond Fiduċjarju għall-Wirt ta' Baroda. Hija taħlita ta' arkitettura Induista u Musulmana li tippreserva l-ethos Iżlamiku, u bl-ispazji eleganti fuq ġewwa tagħha, titqies bħala waħda mill-ifjen moskej fil-Punent tal-Indja. Il-moskea hija mibnija fuq bażi ta' kolonna għolja, għandha koppla ċentrali, żewġ minareti għoljin 30 metru (98 pied) kull wieħed, 172 kolonna, seba' miħrab u daħliet imnaqqxin b'mod mirqum fi ħdan jalis tal-ġebel. L-arkitettura Mugal jingħad li influwenzat ruħha mill-arkitettura tas-Sultanati, b'taħlita ta' konnotazzjonijiet reliġjużi Induisti u artiġjanat b'ethos Musulman; il-koppli l-kbar huma indikattivi ta' din it-taħlita. Fil-Jami Masjid, it-tiżjin tal-uċuħ tal-moskea u tal-qabar jikkonsisti minn simboli ta' motivi tax-xemx, djamanti, qsari u vinji, kif ukoll disinni tal-lotus li ntużaw fit-tempji ta' qabel. Din il-moskea għandha tliet plakek mal-ħajt, b'għamla rettangolari, waħda fuq il-pulptu u t-tnejn l-oħra mal-ġnub b'tinqix ta' inni mill-Koran. Miż-żewġ minareti, wieħed ġarrab ħsarat minn sparar apposta fl-1812 minn Patankar, gvernatur Scindia.

Moskej notevoli oħra fl-inħawi huma: il-Kevada Masjid, l-Ek Minarka Masjid (moskea b'koppla unika); il-Panch Mahuda ka masjid (moskea b'ħames koppli) f'żona forestali; ix-Shehrka Masjid (il-moskea tal-belt), struttura eleganti li tinsab fiċ-ċittadella; u n-Nagina Masjid (il-moskea tal-ġojjelli), madwar 0.75 mili (1.21 kilometru) fin-Nofsinhar taċ-ċittadella, li nbniet b'ġebel abjad pur; bir imtarraġ imżejjen bil-ħnejjiet jinsab qrib din il-moskea. Inbnew ukoll oqbra biswit il-moskej, bi pjanta kwadra u b'kolonni u b'koppli fuqhom, imżejnin ukoll b'dekorazzjonijiet. Il-qabar ta' Sikander Shah qrib Halol huwa binja sempliċi b'sular wieħed bi stil arkitettoniku Musulman. Is-santwarju ta' Khon pir, qaddis Musulman, huwa qabar ikkulurit, u kien post ta' qima tal-komunità tan-nissieġa (Musulmani magħrufa bħala Tais) ta' Champaner.
Palazzi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-faċilità tad-dwana x'aktarx li ntużat bħala kamra tal-għassa. Kellha pjanta kwadra sew b'ħames ringieli ta' ħnejjiet u ħames korsiji ndaqs bil-kolonni. Minn hawn sad-Daħla tal-Lvant, il-veduta attwali ta' Champaner tikkonsisti minn djar mitluqa f'triq waħedha. Il-Paviljun ta' Kabutarkhana jinsab fix-xatt tat-Tramuntana tal-Bada Talao qrib il-Khajuri Masjid. Binja oħra bil-kolonni tinsab ukoll fuq l-Għolja ta' Pavagadh, 'il fuq mill-bejt tat-Tempju ta' Mahakali.
Kwistjonijiet u kontroversji
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-16 ta' Ġunju 2024, ġie rrappurtat inċident ta' vandaliżmu kbir fuq l-għolja. Diversi idoli Tirthankara maġenb it-taraġ tal-mogħdija l-antika sas-santwarju ta' Kalika Mata ġew ivvandalizzati u mkissra. Il-patri Ġain Jinpremvijaya mexxa protesta paċifika iżda qalila quddiem l-uffiċċju tal-ġbir tat-taxxi lokali u l-Ġain ħarġu jipprotestaw bi ħġarhom. Jingħad li l-protesta bdiet lejliet is-16 ta' Ġunju 2024 u baqgħet għaddejja sas-17 ta' Ġunju 2024. Il-biċċa l-kbira tal-idoli vandalizzati kellhom iktar minn 400 sena, u wħud minnhom kienu saħansitra eqdem u kienu esklużivi tas-setta tas-Śvetāmbara.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Champaner-Pavagadh Archaeological Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-10-09.