Paquimé

Paquimé, magħruf ukoll bħala Casas Grandes (li bl-Ispanjol tfisser "Djar Kbar") huwa sit arkeoloġiku preistoriku fl-istat Messikan tat-Tramuntana ta' Chihuahua. Il-kostruzzjoni tas-sit tiġi attribwita lill-kultura ta' Mogollon.[1] Is-sit arkeoloġiku ta' Paquimé tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998[2] permezz tax-xogħol siewi tal-INAH u tniżżel bħala "Pueblo Mágico" fl-2015.
Paquimé huwa wieħed mill-ikbar u mill-iżjed siti kumplessi tal-kultura ta' Mogollon fir-reġjun. L-insedjament beda wara l-1130 W.K., u l-binjiet il-kbar żviluppaw f'abitazzjonijiet b'diversi sulari wara l-1350 W.K. Il-komunità ġiet abbandunata għall-ħabta tal-1450 W.K. Paquimé jitqies bħala waħda mill-iżjed żoni arkeoloġiċi sinifikanti tal-kultura ta' Mogollon fir-reġjun tal-Majjistral tal-Messiku, b'rabta ma' siti oħra f'Arizona u New Mexico fl-Istati Uniti, u dan juri l-kobor tal-influwenza tal-kultura ta' Mogollon.
Il-kumpless ta' Casas Grandes jinsab f'wied għammiel u wiesa' tul ix-xmara Casas Grandes jew San Miguel, bejn wieħed u ieħor 56 kilometru (35 mil) fin-Nofsinhar ta' Janos u 240 kilometru (150 mil) fil-Majjistral tal-belt kapitali statali, Chihuahua. L-insedjament kien jiddependi fuq l-irrigazzjoni biex isostni l-attivitajiet agrikoli tiegħu.
Iż-żona arkeoloġika tinsab fi ħdan il-muniċipalità jew municipio modern ta' Casas Grandes. Il-wied u r-reġjun ilhom abitati minn gruppi aboriġeni għal millenji sħaħ.
Kultura Pre-Kolombjana
[immodifika | immodifika s-sors]
Bejn l-1130 u l-1300 W.K., l-abitanti tal-inħawi bdew jinġemgħu f'insedjamenti żgħar fi ħdan dan il-wied għammiel wiesa'. L-iżjed insedjament estensiv li ġie identifikat issa huwa magħruf bħala Paquimé jew Casas Grandes. Dan oriġina bħala ġabra ta' 20 raggruppament jew iktar ta' djar, kull wieħed bi pjazza u mdawwar b'ħajt. Dawn l-abitazzjonijiet tat-tajn u tal-ħuxlief ta' sular wieħed kellhom sistema tal-ilma unika kondiviża. L-evidenza tindika li Paquimé kellu sistema kumplessa ta' ġestjoni tal-ilma, li kienet tikkonsisti minn networks tad-drenaġġ taħt l-art, ġibjuni, kanali għad-distribuzzjoni tal-ilma lejn ir-residenzi, u sistema tad-dranaġġ.[3]
Wara li ngħata n-nar għall-ħabta tal-1340, Casas Grandes inbena mill-ġdid b'binjiet residenzjali b'diversi sulari minflok il-binjiet iż-żgħar. Casas Grandes kien jikkonsisti minn madwar 2,000 kamra ħdejn xulxin li kien mibnija bit-tajn u bil-ħuxlief, kemm-il piċċ tal-logħba Mesoamerikana tal-ballun b'għamla tal-ittra I, pjattaformi b'uċuħ tal-ġebel, tumbati ddedikati, u żona tas-suq. Fl-inħawi ta' Casas Grandes instabu madwar 350 insedjament iżgħar oħra, uħud saħansitra 70 kilometru (43 mil) 'il bogħod. L-arkeologi jemmnu li ż-żona kkontrollata direttament minn Casas Grandes kienet relattivament żgħira, u kienet estiża madwar 30 kilometru (19-il mil) mill-belt.[4] Il-popolazzjoni jaf kienet tlaħħaq l-2,500 ruħ f'Casas Grandes u x'aktarx l-10,000 ruħ fi ħdan iż-żona ta' kontroll tal-madwar.
Fost l-attivitajiet artiġjanali speċjalizzati kien hemm il-produzzjoni ta' qniepen u ornamenti tar-ram, bċejjeċ estensivi tal-fuħħar, u żibeġ minn molluski tal-baħar. Dan l-artiġjanat x'aktarx li kien mifrux tul network kummerċjali estensiv. Il-bċejjeċ tal-fuħħar ta' Casas Grandes għandhom wiċċ abjad jew ħamrani, b'tiżjin bil-blu, bl-aħmar, bil-kannella jew bl-iswed. Fl-imgħoddi xi kultant il-manifattura kienet titqies aħjar minn dik kontemporanja fl-inħawi. Skutelli u reċipjenti spiss kien ikollhom għamliet differenti ta' figura umana mpittra. Il-bċejjeċ tal-fuħħar ta' Casas Grandes kienu jiġu kkummerċjalizzati fost il-popli preistoriċi lejn it-Tramuntana, saħansitra sa fejn illum hemm New Mexico u Arizona fl-Istati Uniti u fit-Tramuntana tal-Messiku.[5]
L-arkeologu Stephen Lekson innota li s-sit ta' Paquimé huwa allinjat bejn wieħed u ieħor fuq l-istess assi lonġitudinali bħall-Kanjon ta' Chaco u l-Fdalijiet tal-Azteki fl-Istati Uniti, b'marġni ta' żball ta' ftit kilometri/mili biss. Il-Kultura ta' Chaco kienet l-ewwel li laħqet il-quċċata kulturali tagħha, imbagħad l-Azteki u wara Paquimé. Ix-xebħ bejn dawn is-siti jaf jindika li l-elit fit-tmun tagħhom kellhom ukoll xi rabta ċerimonjali. Lekson ippropona li l-elit fit-tmun, ladarba tneħħew mill-kariga li kellhom fil-Kanjon ta' Chaco, reġgħu stabbilew l-eġemonija tagħhom fl-inħawi tal-Azteki u iktar 'il quddiem f'Paquime.[6] Madankollu, din l-idea għadha kontroversjali u mhix aċċettata b'mod mifrux kif spiss jiġi rrapportat (Lekson 2009). Ġie propost, u iktar ġie aċċettat b'mod wiesa', li l-oriġini ta' Paquimé jmorru lura għar-rabta mal-kultura ta' Mogollon.[7]
Fdalijiet arkeoloġiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Fi żmien il-Konkwista Spanjola, id-distrett ta' Casas Grandes kien miżgħud bit-tumbati artifiċjali, li minnhom insterqu bosta mnanar tal-ġebel, tagħmir tad-dris tal-qamħirrum jew metates, u reċipjenti tal-fuħħar ta' kull tip.
Qabel ma saret investigazzjoni arkeoloġika sinifikanti, diversi partijiet mill-binjiet taż-żminijiet pre-Kolombjani kienu jinsabu madwar 800 metru mill-komunitajiet moderni. Il-fdalijiet inbnew bi blokok tat-tajn u taż-żrar imnixxfin fix-xemx, ħoxnin madwar 56 ċentimetru (22 pulzier), u b'tul irregolari, ġeneralment ta' madwar metru (3 piedi), x'aktarx mogħtija l-forma u mnixxfin fil-post. Il-ħitan ħoxnin milli jidher kienu tkaħħlu minn ġewwa u minn barra. Struttura prinċipali kienet tkun estiża 240 metru (800 pied) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u 76 metru (250 pied) mil-Lvant għall-Punent. Ġeneralment kienet tkun rettangolari, u milli jidher kienet tkun tikkonsisti minn tliet unitajiet separati magħqudin permezz ta' galleriji jew fillieri ta' binjiet iktar baxxi.
In-nofsijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-belt kienu jinqasmu b'ħajt tal-ġebel u bil-ġibjuni. Il-monumenti fil-Lvant kienu jkunu strutturi dritti tat-tajn u tal-ħuxlief li kienu jintużaw primarjament għal skopijiet domestiċi u tal-manifattura. Il-binjiet fil-Punent, min-naħa l-oħra, kienu jkunu tumbati tal-ħamrija fil-beraħ imdawrin bil-ġebel għal wirjiet pubbliċi. Din l-istruttura viżiva kienet tiddefinixxi n-naħa tal-Lvant bħala li xxaqleb lejn il-popli Puebloani tal-Amerka ta' Fuq u n-naħa tal-Punent bħala li tagħmel referenza għall-kulturi tan-Nofsinhar tal-Mesoamerka. Dan il-motiv viżiv huwa prevalenti fis-siti l-oħra kollha tul l-istess linja lonġitudinali, u dan jindika li nbnew minn grupp komuni.[8]
Id-djar ta' Paquimé kienu djar ċirkolari u semiċirkolari bil-fosos u blokok ta' kmamar tat-tajn u tal-ħuxlief mibnija madwar pjazez. L-ispazji residenzjali kienu jvarjaw bħala daqs minn daqs ta' armadju għal btieħi estensivi. Il-ħitan fid-diversi angolaturi jaslu sa għoli ta' bejn 12 u 15-il metru (40 u 50 pied), u jindikaw elevazzjoni oriġinali ta' sitt jew seba' sulari. Il-fdalijiet madwar 140 metru (450 pied) mir-raggruppament prinċipali jikkonsistu minn sensiela ta' kmamar imdawrin madwar bitħa kwadra, b'seba' kmamar fuq kull naħa u b'appartament ikbar f'kull rokna.
L-insedjament kellu daħliet b'għamla tal-ittra T u diski tal-ġebel fil-qiegħ ta' kolonni li kienu jirfdu s-soqfa, żewġ karatteristiċi distintivi tal-arkitettura Puebloana. F'Casas Grandes kien hemm kemm-il piċċ tal-logħba Mesoamerikana tal-ballun, għalkemm kienu relattivament iżgħar meta mqabbla ma' siti ewlenin oħra. F'Paquimé dawn kellhom l-għamla klassika tal-ittra "I" bħal dawk tal-Mesoamerka, u mhux l-għamla ovali li kellhom dawk b'rabta mal-kultura ta' Hohokam fin-Nofsinhar ta' Arizona u f'Arizona ċentrali.
Meteorita tal-ħadid ta' 2,300 kilogramma (5,000 libbra) instabet f'waħda mill-kmamar, imgeżwra sew bl-għażel. Il-meteorita tinsab għall-wiri fis-Sala ta' Janet Annenberg Hooker tal-Ġeoloġija, tal-Ħaġar Prezzjuż u tal-Minerali fil-Mużew tal-Istorja Naturali ta' Smithsonian.M
Mill-iskavi f'kumpless partikolari nstabu frammenti ta' qxur tal-bajd, skeletri tal-għasafar, u traċċi ta' zkuk tal-injam. Barra minn hekk, hemm il-preżenza ta' ringiela ta' guvi tal-makaw fiċ-ċentru tas-sit.[9] L-arkeologi kkonkludew li l-komunità kienet importat popolazzjoni inizjali ta' makaws ħomor mill-Mesoamerka u rabbiethom hemmhekk peress li r-rix tagħhom kienu jitqiesu bħala sagri u importanti fir-ritwali Mesoamerikani.[10]
Kollezzjoni kbira ta' bċejjeċ tal-fuħħar ta' Casas Grandes attwalment tinsab għall-wiri fil-Mużew tal-Popli u tal-Kulturi fl-Università ta' Brigham Young fi Provo, Utah. L-Università ta' Stanford f'California għandha wkoll xi artefatti tal-fuħħar mis-sit. Ġabra ta' 23 reċipjent tal-fuħħar mis-sit ġiet akkwistata mill-Mużew Brittaniku fl-1979. Wirja permanenti ġdida msejħa "Mingħajr Fruntieri: L-Istorja Profonda ta' Paquimé", dan l-aħħar infetħet fil-Mużew ta' Amerind. Il-bqija tal-materjal kulturali li ġie rkuprat minn Paquimé jinsab f'idejn l-INAH f'Casas Grandes u fil-Belt ta' Chihuahua.
Il-fdalijiet ta' Casas Grandes huma simili għall-fdalijiet fil-qrib ta' Gila u Salinas f'New Mexico, kif ukoll f'Arizona u f'Colorado. Huwa maħsub li jirrappreżentaw gruppi kulturali relatati u kkollegati mal-kultura ta' Mogollon. L-etnologu bikri Hubert Howe Bancroft, fix-xogħol tiegħu The Native Races of the Pacific States of North America (Ir-Razez Nattivi tal-Istati tal-Paċifiku tal-Amerka ta' Fuq) tal-1874, allega li kienu relatati mal-poplu Hopi modern, magħrufa bħala "Moqui" fi żmienu. L-istudjużi kontemporanji ma identifikawx b'mod preċiż min kienu d-dixxendenti tal-poplu ta' Casas Grandes.
Ikonografija
[immodifika | immodifika s-sors]
L-ikonografija tista' tiġi ddefinita sempliċement bħala pittorika jew materjal li juri xi suġġett partikolari, ix-xbihat jew is-simboli tradizzjonali jew konvenzjonali assoċjati ma' suġġett u speċjalment suġġett reliġjuż jew leġġendarju, inkluż l-arti. Fil-każ tal-fdalijiet li nstabu f'Casas Grandes, l-ikonografija kienet ferm importanti fil-fehim tad-differenzi bejn il-ġeneri, speċjalment b'rabta mal-kummerċ, il-kompiti ta' kuljum u r-ritwali reliġjużi. L-effiġji (figurini żgħar) instabu permezz tal-iskavi madwar is-sit, u dawn juru differenzi definiti bejn il-ġeneri maskili u femminili fis-soċjetà. Il-karatteristiċi simili tal-effiġji bħall-pożi, il-proporzjonijiet tal-ġisem, l-attivitajiet u t-tiżjin mal-uċuħ ippermettew lill-arkeologi jagħmlu suppożizzjonijiet dwar kif intwerew id-differenzi bejn il-ġeneri.
L-artiġjani ta' Casas Grandes urew firxa wiesgħa ta' mġiba u twemmin, fosthom ir-regoli dwar l-imġiba soċjali (il-pożizzjonijiet bilqiegħda), kif ukoll l-attivitajiet ritwali (it-tipjip) u sovranaturali (is-sriep bil-qrejjen/bir-rix). Abbażi tal-istudji dwar l-effiġji li nstabu min-naħa tal-arkeologi, l-attivitajiet tan-nisa u tal-irġiel it-tnejn kienu siewja, u d-differenzjazzjoni soċjali kienet ibbażata iktar fuq l-istatus individwali u l-klassi soċjali milli fuq il-ġeneru. Fost ir-rappreżentazzjonijiet b'kuntrasti pittoriċi speċifiċi tal-effiġji hemm il-karatteristiċi u l-attivitajiet identifikati bħala maskili, bħall-pożizzjoni bilqiegħda bir-riġlejn lejn ġisimhom, imżejnin b'sinjali partikolari u bi xbihat ta' sriep bil-qrejjen, ipejpu, u bil-parti intima tagħhom tidher. B'kuntrast ma' dan, in-nisa jintwerew b'riġlejhom stirati, b'żaqq imdaqqsa, u mżejnin b'sinjali differenti u bi xbihat tal-għasafar, bit-tfal qribhom jew b'xi reċipjent f'idejhom, u xi kultant jidhru jindukraw lil xi ħadd. L-effiġji wrew il-mod kif il-poplu ta' Casas Grandes kien jaħseb li l-ħajja soċjali kellha tiġi implimentata abbażi tad-differenzi bejn il-ġeneri u jagħtu ħjiel dwar l-aspetti sempliċi tas-soċjetà.
Twelid u mewt ta' Casas Grandes
[immodifika | immodifika s-sors]
Jeżistu diversi teoriji dwar l-abitanti ta' Casas Grandes, iżda l-iżjed relazzjoni loġika ta' Casas Grandes mal-Erbgħin Dar li nstabu 97 kilometru (60 mil) fin-Nofsinhar u mal-Fdalijiet TJ u mal-Irdum ta' Gila li nstabu 320 kilometru (200 mil) fit-Tramuntana wasslet għal qbil komuni li s-sit jagħmel parti mill-influwenza tal-kultura ta' Mogollon.
Tliet teoriji oħra jikkompetu ma' xulxin biex jispjegaw l-eżistenza tas-sit. L-arkeologu Charles C. Di Peso ressaq it-teorija li Casas Grandes kien art bassasa sal-ħabta tal-1200 W.K. u mbagħad l-pochteca (kummerċjanti) mill-Imperu tal-Azteki jew minn stati Mesoamerikani oħra lejn in-Nofsinhar biddlu din l-art f'ċentru kummerċjali ewlieni. Teorija opposta hi li Casas Grandes ġie stabbilit mill-elit tal-Puebloani Anċestrali mit-Tramuntana li kienu qed jitilqu mill-Kanjon ta' Chaco u minn inħawi oħra matul id-deklin tagħhom. It-tielet teorija hi li Casas Grandes hija ħolqien lokali għalkollox, jiġifieri komunità li maż-żmien kibret, iddominat ir-reġjun u adottat xi drawwiet reliġjużi u soċjali miċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Mesoamerka. Hemm qbil akkademiku komuni li l-kummerċ kien jeżisti bejn il-kulturi tal-Mesoamerka, tal-Aridoamerka, u tal-Lbiċ tal-Amerka, għalkemm mhux fuq skala kbira jew ippjanata. Minkejja li l-ebda sistema bħal tal-pochteca ma kienet teżisti fit-Tramuntana, il-fdalijiet arkitettoniċi xorta waħda jaqsmu għarfien komuni, bħal dawk taċ-ċentri tal-popolazzjonijiet tal-qedem bħal ta' Snaketown.
Is-sit ta' Casas Grandes ġie abbandunat għall-ħabta tal-1450. Mhux ċar jekk ġiex abbandunat bil-mod il-mod matul għadd ta' snin jew malajr. L-esploratur Spanjol Francisco de Ibarra sab is-sit ta' Casa Grandes fl-1565. L-Indjani fil-qrib, li kien nomadi mhux agrikoli, x'aktarx Suma jew Jano, qalulu li gwerra mal-abitanti tal-villaġġ ta' Opata, vjaġġ ta' erbat ijiem 'il bogħod fil-Punent, kienet ikkawżat l-abbandun ta' Casas Grandes u li l-abitanti marru joqogħdu vjaġġ ta' sitt ijiem 'il bogħod lejn it-Tramuntana. Din il-ġrajja tissuġġerixxi li n-nies ta' Casas Grandes ingħaqdu mal-Pueblos tul Rio Grande f'New Mexico.
Teoriji oħra jsostnu li n-nies ta' Casas Grandes wettqu migrazzjoni fil-Punent lejn Sonora u saru jew ingħaqdu mal-Opata, li l-Ispanjoli f'nofs is-seklu 16 sabuhom jgħixu fi bliet-stati żgħar iżda organizzati. Jista' jkun ukoll li Casas Grandes ġie abbandunat minħabba li kien hemm opportunitajiet ikbar xi mkien ieħor. Huwa magħruf li komunitajiet oħra fil-Lbiċ ġew abbandunati favur postijiet oħra.
Il-lingwa li kienu jitkellmu l-abitanti ta' Casas Grandes mhix magħrufa. Minħabba l-influwenza Mesoamerikana fuq Casas Grandes, x'aktarx li n-Nahuatl kien mitkellem b'mod mifrux iżda ma kinitx il-lingwa primarja tal-poplu.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-Żona Arkeoloġika ta' Paquimé fil-belt attwali ta' Casas Grandes ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Turismo, Secretaría de. "Casas Grandes, Chihuahua". gob.mx (bl-Ispanjol). Miġbur 2025-02-05.
- ^ a b ċ "Archaeological Zone of Paquimé, Casas Grandes - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-05.
- ^ Deeds, Susan M. (2000). "Legacies of Resistance, Adaptation and Tenacity: History of the Native Peoples of Northwest Mexico". In Richard E.W. Adams; Murdo J. Macleod (eds.). The Cambridge History of the Native Peoples of the Americas, Vol. II: Mesoamerica, part 2. Cambridge, UK: Cambridge University Press. p. 49. ISBN 0-521-65204-9. OCLC 33359444.
- ^ "The Casas Grandes Community." Archaeology Southwest, Vol. 17, No. 2 (Spring 2003), p. 2.
- ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Casas Grandes". Encyclopædia Britannica. Vol. 5 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 441.
- ^ Lekson, Stephen (1999). The Chaco Meridian.
- ^ "The Chaco Meridian: A Skeptical Analysis". www.unm.edu. Miġbur 2025-02-05.
- ^ Hughes, Delain (2005). "Complementary Dualities: The Significance of East/West Architectural Difference in Paquimé". UNT Digital Library . Miġbur 2025-02-05.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ Di Peso, Charles (1974). Casas Grandes: A Fallen Trading Center of the Gran Chichimeca (Vols. 13). Flagstaff, AZ: Northland Press.
- ^ Di Peso, Charles (1974). Casas Grandes: A Fallen Trading Center of the Gran Chichimeca (Vols. 1–3). Flagstaff, AZ: Northland Press.