Aqbeż għall-kontentut

Papa Ljun XIV

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Papa Ljun XIV

267. Papa

8 Mejju 2025 -
Papa Franġisku
Election: konklav Papali tal-2025

Kardinal-Isqof ta' Albano

6 Frar 2025 - 8 Mejju 2025
Dioceses: Djoċesi Suburbikarjana Kattolika Rumana ta' Albano
kardinal-djaknu

30 Settembru 2023 - 6 Frar 2025
Prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet

30 Jannar 2023 - 21 April 2025
Marc Ouellet - unknown value →
President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerka Latina

30 Jannar 2023 -
Marc Ouellet
amministratur appostoliku

15 April 2020 - 26 Mejju 2021
Dioceses: Djoċesi Kattolika Rumana ta' Callao
Isqof Kattoliku Ruman ta' Chiclayo

26 Settembru 2015 - 30 Jannar 2023
Jesús Moliné Labarta (en) Translate - Edinson Edgardo Farfán Córdova (en) Translate
Dioceses: Djoċesi Kattolika Rumana ta' Chiclayo
Gran Kanċillier

2015 - 2023 - Edinson Edgardo Farfán Córdova (en) Translate
isqof titulari

3 Novembru 2014 - 26 Settembru 2015
Ernst Gutting (en) Translate - Robert P. Reed (mul) Translate
Dioceses: Sufar (en) Translate
amministratur appostoliku

3 Novembru 2014 - 26 Settembru 2015
Dioceses: Djoċesi Kattolika Rumana ta' Chiclayo
Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta' Santu Wistin

14 Settembru 2001 - 4 Settembru 2013
Miguel Angel Orcasitas (en) Translate - Alejandro Moral Anton (en) Translate
Ħajja
Isem propju Robert Francis Prevost
Twelid Chicago, 14 Settembru 1955, 1955 (69 sena)
Nazzjonalità Stati Uniti tal-Amerka
Perù
Stat tal-Belt tal-Vatikan
Residenza 212 East 141st Place (mul) Translate
Perù
Stat tal-Belt tal-Vatikan
L-ewwel lingwa Ingliż
Familja
Missier Louis Marius Prevost
Omm Mildred Agnes Martinez
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Seminarju u Skola Sekondarja ta' Santu Wistin 1973)
Università Pontificia San Tommaso d'Aquino
(unknown value - 1984) Liċenzjat tad-Dritt Kanoniku
Unjoni Teoloġika Kattolika
(unknown value - 1982) Masters tad-Divinità
Università ta' Villanova
(unknown value - 1977) Baċellerat tax-Xjenza : matematika
Università Pontificia San Tommaso d'Aquino
(unknown value - 1987) Dottorat tad-Dritt Kanoniku
Lingwi Ingliż
Spanjol
Franċiż
Taljan
Portugiż
Ġermaniż
Latin
Quechua
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni saċerdot Kattoliku
Isqof Kattoliku
fra
arċisqof
patri
kardinal-prefett
missjunarju Kattoliku
Premjijiet

Papa Ljun XIV (imwieled Robert Francis Prevost; twieled fl-14 ta' Settembru 1955) huwa l-kap attwali tal-Knisja Kattolika u tal-Vatikan. Huwa ġie elett matul il-konklav Papali fit-8 ta' Mejju 2025, wara l-mewt u l-funeral ta' Papa Franġisku.

Imwieled f'Chicago, Illinois, l-Istati Uniti, Prevost iddedika l-karriera bikrija tiegħu fil-kleru lill-Ordni ta' Santu Wistin. Is-servizz tiegħu kien jinkludi xogħol estensiv fil-Perù mill-1985 sal-1986 u mill-1988 sal-1998, fejn kien il-mexxej parrokkjali, uffiċjal djoċesan, għalliem tas-seminarju u amministratur. Ġie elett Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta' Santu Wistin mill-2001 sal-2013, u iktar 'il quddiem reġa' lura l-Perù bħala l-Isqof ta' Chiclayo (2015–2023). Fl-2023, Papa Franġisku ħatru bħala l-prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet u bħala l-President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerka Latina, u għamlu kardinal fl-istess sena. Dawn ir-rwoli elevaw il-prominenza tiegħu bħala kandidat għal Papa.

Papa Ljun XIV huwa l-ewwel Papa Amerikan u l-ewwel Papa Peruvjan; huwa t-tieni Papa mill-Amerki. Huwa wkoll l-ewwel Papa mill-Ordni ta' Santu Wistin u s-seba' wieħed mill-Ordnijiet li jsegwu r-Regoli ta' Santu Wistin.

Robert Francis Prevost twieled fl-14 ta' Settembru 1955 fl-Isptar tal-Ħniena fil-kwartier ta' Bronzeville f'Chicago, Illinois. Ommu kienet Mildred (kunjomha xebba Martínez) Prevost, librara, u missieru kien Louis Marius Prevost, veteran tal-Flotta Navali tal-Istati Uniti tat-Tieni Gwerra Dinjija u sovraintendent tad-Distrett Skolastiku ta' Brookwood Nru 167 f'Glenwood, Illinois. Missieru kien ta' dixxendenza Taljana u Franċiża. Ommu kienet bint ġenituri Kreole minn Louisiana, Joseph Martínez minn Santo Domingo, ir-Repubblika Dominicana, u Louise Baquié minn New Orleans, li kienu ta' dixxendenza Afrikana, Franċiża u Spanjola. Martínez kien ta' dixxendenza mħallta mill-Afrika u minn Ħaiti, u Baquié kienet ta' razza Kreole mħallta ta' karnaġjon sewda. Prevost għandu żewġ aħwa ikbar minnu, Louis u John.

Imrobbi f'Dolton, Illinois, subborg fil-konfini remoti tan-Nofsinhar ta' Chicago, Prevost kiber fil-parroċċa ta' Santa Marija Assunta fejn attenda l-iskola, kanta fil-kor, u kien abbatin. Huwa temm l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fl-Iskola Sekondarja tas-Seminarju ta' Santu Wistin, seminarju minuri f'Felt Mansion, Holland, Michigan, fl-1973, u kiseb Ittra ta' Tfaħħir għall-eċċellenza akkademika, u b'mod konsistenti ngħata l-unuri, serva bħala l-kap editur tal-ktieb annwali tal-iskola, kien segretarju tal-Kunsill tal-Istudenti, kif ukoll membru tas-Soċjetà tal-Unur Nazzjonali. Huwa ħa sehem ukoll f'għadd ta' diskorsi u dibattiti.[1]

Prevost kiseb Baċellerat tax-Xjenzi fil-matematika mill-Università ta' Villanova, li ġiet stabbilita mill-Awgustinjani, fl-1977. Huwa kiseb Masters tad-Divinità mill-Unjoni Teoloġika Kattolika f'Chicago fl-1982, u Lawrja fil-Liġi Kanonika (1984) u Dottorat fil-Liġi Kanonika (1987) mill-Università Pontifiċja ta' San Tumas ta' Aquino f'Ruma. It-teżi dottorali tiegħu kellha t-titlu: "Ir-Rwol tal-Pirjol Lokali fl-Ordni ta' Santu Wistin". L-Università ta' Villanova tatu Dottorat Onorarju tal-Umanitajiet fl-2014.

Karriera bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Saċerdozju bikri

[immodifika | immodifika s-sors]

Ħu Prevost, John, innota li ħuh kellu l-aspirazzjoni li jsir patri u saċerdot minn età bikrija. F'Settembru 1977, huwa ngħaqad mal-Ordni ta' Santu Wistin bħala novizzju, b'residenza fil-Knisja tal-Kunċizzjoni Immakulata f'Compton Heights, St. Louis, Missouri. Huwa sar patri f'Settembru 1978 u sar patri b'mod solenni f'Awwissu 1981.

Ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Jean Jadot għall-Awgustinajani f'Ruma fid-19 ta' Ġunju 1982. Prevost ħadem bħala għalliem tal-fiżika u tal-matematika fl-Iskola Sekondarja ta' Santa Rita ta' Cascia f'Chicago matul l-istudji tiegħu fl-Unjoni Teoloġika Kattolika.

Xogħol missjunarju fil-Perù

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa ngħaqad mal-missjoni Awgustinjana fil-Perù fl-1985, fejn serva bħala kanċillier tal-Prelat Territorjali ta' Chulucanas (1985–1986). Huwa reġa' lura fil-Perù fl-1988 u qatta' deċennju bħala kap tas-seminarju Awgustinjan fi Trujillo, fejn għallem il-liġi kanonika fis-seminarju djoċesan, serva bħala prefett tal-istudji, ħadem bħala mħallef fil-qorti ekkleżjastika reġjonali, u mexxa kongregazzjoni fil-periferiji tal-belt.

Pirjol provinċjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1998, Prevost ġie elett pirjol provinċjali tal-Provinċja tal-Madonna tal-Kunsill Tajjeb tal-Ordni ta' Santu Wistin ibbażata f'Chicago, u ngħata r-rwol ta' pirjol provinċjali fit-8 ta' Marzu 1999. Fis-sena 2000, huwa ta l-permess lill-patri Awgustinjan James Ray, li kien ġie sospiż mis-saċerdozju pubbliku mill-1991 minħabba akkużi kredibbli ta' abbuż sesswali fil-konfront ta' minorenni, biex jirresjedi fil-Monasteru ta' San Ġwann ta' Stone f'Chicago taħt superviżjoni, wara li residenza preċedenti ġiet irrifjutata mill-bord ta' rieżami arċidjoċesan minħabba li kienet tinsab qrib skola parrokkjali fil-Knisja ta' San Tumas. Ray ġie rilokat fl-2002 wara l-implimentazzjoni ta' regoli iktar stretti mill-isqfijiet tal-Istati Uniti.

Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta' Santu Wistin

[immodifika | immodifika s-sors]
Prevost bħala l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta' Santu Wistin fl-2012, jistieden liż-żgħażagħ jattendu l-ġabra internazzjonali taż-żgħażagħ Awgustinjani tal-2013.

Elett Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta' Santu Wistin fl-2001, Prevost serva għal żewġ mandati ta' sitt snin sal-2013. Matul il-mandati tiegħu, tressqu ilmenti ta' abbuż kontra minorenni min-naħa tal-eks President tal-Iskola Sekondarja Kattolika tal-Provvidenza Richard McGrath, li tneħħa minn President fl-2017 wara investigazzjoni għal każ ta' pedopornografija. Tpaċija ta' $2 miljun intlaħqet fl-2018 bejn id-Djoċesi ta' Joliet u eks student li allegatament ġie stuprat minn McGrath fis-snin 90 tas-seklu 20. Mill-2013 sal-2014, Prevost serva bħala Direttur tat-Tagħlim fil-Kunvent ta' Santu Wistin f'Chicago u bħala l-ewwel kunsillier u vikarju provinċjali tal-Provinċja tal-Madonna tal-Kunsill Tajjeb.

Isqof ta' Chiclayo (2014–2023)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fit-3 ta' Novembru 2014, Papa Franġisku ħatar lil Prevost bħala amministratur appostoliku tad-Djoċesi ta' Chiclayo u bħala isqof titolari ta' Sufar. Huwa ġie kkonsagrat fit-12 ta' Diċembru 2014 fil-Katidral ta' Santa Marija f'Chiclayo. Fis-26 ta' Settembru 2015 huwa sar l-Isqof ta' Chiclayo. F'konformità mat-trattat diplomatiku, Prevost sar ċittadin Peruvjan naturalizzat qabel ma sar isqof.

Fit-13 ta' Lulju 2019, Prevost inħatar bħala membru tal-Kongregazzjoni għall-Kleru, u fil-15 ta' April 2020 huwa sar amministratur appostoliku ta' Callao. Fil-21 ta' Novembru 2020 huwa ngħaqad mal-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet. Fi ħdan il-Konferenza Episkopali tal-Perù, huwa serva fil-kunsill permanenti (2018–2020) u ġie elett President tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura tagħha fl-2019, fejn ta kontribut ukoll f'Caritas Perù. Prevost kellu udjenza privsta ma' Papa Franġisku fl-1 ta' Marzu 2021, li qanqlet spekulazzjoni dwar rwol ġdid f'Chicago jew f'Ruma.

Fl-2022, vittmi allegati ta' abbuż fl-2007 mill-patrijiet Ricardo Yesquén u Eleuterio Vásquez Gonzáles sostnew li Prevost naqas milli jinvestiga l-każ tagħhom. Id-Djoċesi ta' Chiclayo stqarret li Prevost iltaqa' ma' Ana María Quispe u ħutha f'April 2022, fejn ħeġġeġ li jieħdu azzjoni ċivili, filwaqt li beda investigazzjoni kanonika. L-aħwa allegaw fl-2024 li ma twettqet l-ebda investigazzjoni kanonika penali sħiħa, u artiklu ta' América Televisión qabel li l-investigazzjoni tal-knisja ma kinitx saret b'mod rigoruż.

Dikasteru għall-Isqfijiet u elevazzjoni għal kardinal (2023–2025)

[immodifika | immodifika s-sors]
In-novizjat tal-Papa Ljun XIV bħala Awgustinjan twettaq fil-Knisja tal-Kunċizzjoni Immakulata f'St. Louis, Missouri.

Fit-30 ta' Jannar 2023, Papa Franġisku ħatar lil Prevost bħala prefett tad-Dikasteru għall-Isqfijiet bit-titlu ta' arċisqof-isqof emeritu ta' Chiclayo. Fit-30 ta' Settembru 2023, huwa sar kardinal-djaknu ta' Santa Monika tal-Awgustinjani f'Ruma. Bħala prefett, huwa kellu rwol kritiku fl-evalwazzjoni u fir-rakkomandazzjoni tal-kandidati episkopali madwar id-dinja, u b'hekk kellu iktar viżibbiltà fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Fis-6 ta' Frar 2025, Papa Franġisku ppromwovih għal kardinal-isqof, u għamlu isqof titolari tad-Djoċesi Suburbikarjana ta' Albano. Prevost kien attiv fil-Kunsill Episkopali tal-Amerka Latina u tal-Karibew, u ħa sehem f'laqgħat u ċċelebra l-quddies f'Aguadilla, Puerto Rico, f'Mejju 2023.

Papa (2025–preżent)

[immodifika | immodifika s-sors]

Prevost ġie elett Papa fit-8 ta' Mejju 2025 matul il-konklav Papali tal-2025, u b'hekk sar l-ewwel Papa Amerikan u Peruvjan. Huwa ma kienx meqjus fost l-iktar kandidati papabili prominenti, iżda kien alleat ta' Papa Franġisku u b'hekk kien meqjus bħala kandidat ta' kompromess. Dawk li appoġġawh sostnew li huwa kien jirrappreżenta "kompromess dinjituż". Wara li aċċetta l-elezzjoni tiegħu, li seħħet fir-raba' rawnd ta' votazzjonijiet, Prevost ħaddan il-kardinali malli ħareġ mill-Kappella Sistina.

Il-Kardinal Dominique Mamberti, il-protodjaknu, ħabbar l-Habemus papam mil-loġġa ċentrali tal-Bażilika ta' San Pietru, u pproklama isem Prevost u t-titlu Papali bħala Ljun XIV. Prevost tfaċċa liebes l-ilbies Papali aħmar tradizzjonali u l-mozzetta, ilbies li ma kienx intlibes minn Papa Franġisku meta ġie elett fl-2013. Imbagħad ta l-ewwel diskors Papali tiegħu bit-Taljan u bl-Ispanjol, u ta l-barka tal-Urbi et Orbi bil-Latin. Il-Vatikan iddeskrivih bħala l-ewwel Papa mill-Ordni ta' Santu Wistin u t-tieni Papap mill-Amerki (wara Papa Franġisku). Prevost huwa wkoll l-ewwel Papa mill-Amerka ta' Fuq, l-ewwel Papa mwieled fl-Istati Uniti, l-ewwel Papa b'ċittadinanza doppja kemm tal-Perù kif ukoll tal-Istati Uniti, l-ewwel Papa minn pajjiż li fih jiġi mitkellem l-Ingliż minn żmien Adrijanu IV fis-seklu 12, l-ewwel Papa bl-isem ta' Ljun minn żmien Ljun XIII (1878–1903), l-ewwel Papa mwieled wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u kumplessivament il-267 Papa.

Politika tal-Knisja

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Mejju 2023, Prevost qal li t-tmexxija episkopali għandha tagħti prijorità lill-fidi iktar milli lill-amministrazzjoni. L-ewwel prijorità hi "li tiġi kkomunikata s-sbuħija tal-fidi u l-hena tal-għarfien ta' Ġesù". L-ewwel messaġġ tiegħu bħala Papa enfasizza t-tislija tal-paċi ta' Kristu Rxoxt "li ta ħajtu għall-merħla ta' Alla", u l-għoti ta' "paċi diżarmata u diżarmanti". Huwa qal li ried ikompli l-barka ta' Papa Franġisku: "Alla jieħu ħsiebkom, Alla jħobbkom ilkoll, u l-ħażen mhux se jipprevali! Ninsabu lkoll f'idejn Alla".

It-temi fl-ewwel messaġġ tiegħu jinkludu lil Ġesù bħala d-dawl meħtieġ mid-dinja, it-twettiq ta' Knisja missjunarja permezz tad-djalogu u l-ftuħ, il-lealtà lejn il-Vanġelu, il-mixi għalenija fis-sinodalità, il-ħidma bħala Knisja magħquda għall-paċi u l-ġustizzja, il-qrubija lejn min hu batut, u t-talb lill-Madonna li dejjem tkun fil-qrib. Darbtejn semma l-ħtieġa li wieħed ma jibżax, messaġġ kostanti ta' Papa Ġwanni Pawlu II. Ljun XIV enfasizza l-għajnuna ta' Alla fil-"bini tal-pontijiet" sabiex "inkunu nistgħu jsiru poplu wieħed li jgħammar dejjem fil-paċi". Il-motto episkopali tiegħu huwa In illo uno unum ("Fi Kristu wieħed, aħna nsiru ħaġa waħda").

Prevost jopponi li n-nisa jiġu ordnati bħala djakni, u jsostni li "mhux neċessarjament issolvi l-problema" iżda anzi jaf toħloq kwistjonijiet ġodda. Huwa kkummenta l-ħatra fl-2023 ta' tliet nisa fid-Dikasteru għall-Isqfijiet mill-Papa Franġisku, u nnota li l-perspettivi tagħhom spiss jallinjaw ma' dawk ta' membri oħra iżda jistgħu jintroduċu puntidivista siewja ġodda.

Kwistjonijiet soċjali u politiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Prevost jitqies bħala moderat jew ċentrist. F'April 2025, il-gazzetta Taljana La Repubblica stqarret li Prevost kien figura "kożmopolitana" u kien "apprezzat mill-konservattivi u mill-progressivi" fi ħdan il-Knisja. Prevost jopponi l-ewtanasja, l-abort u l-piena tal-mewt. Huwa appoġġa r-refuġjati Venezwelani fil-Perù matul iż-żmien li qatta' f'Chiclayo. Fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali Twitter, huwa esprima simpatija għal George Floyd u kkritika l-politiki tal-immigrazzjoni tal-Istati Uniti taħt il-President Donald Trump u l-Viċi President JD Vance. Skont ir-rekords tar-reġistrazzjoni tal-votanti, Prevost ivvota fl-elezzjonijiet primarji tad-Demokratiċi fl-2008 u fl-2010 matul l-amministrazzjoni ta' Barack Obama, fl-elezzjonijiet primarji tar-Repubblikani f'Illinois fl-2012, fl-2014, u fl-2016, u qatt ma rreġistra ma' partit politiku.

Bħala l-isqof ta' Chiclayo, Prevost oppona l-"ideoloġija tal-ġeneri" fil-kurrikuli skolastiċi Peruvjani, u stqarr li tippromwovi "ġeneri li ma jeżistux". Fl-2012, huwa kkritika s-simpatija tal-kultura popolari għall-"istil ta' ħajja omosesswali" u għall-familji b'membri tal-istess ġeneru. Prevost esprima r-riżervi tiegħu dwar "simpatija għat-twemmin u għall-prattiki li jikkontradiċu l-Vanġelu" u ma approvax għalkollox u lanqas irrifjuta l-Fiducia supplicans, dikkjarazzjoni dottrinali li tikkonċerna l-barka għan-nies tal-istess ġeneru f'relazzjoni. Huwa ddikjara li l-konferenzi nazzjonali tal-isqfijiet għandhom "jinterpretaw u japplikaw tali direttivi fil-kuntesti lokali tagħhom, filwaqt li jitqiesu d-differenzi kulturali eżistenti".

Prevost tkellem favur azzjoni tal-Knisja iktar b'saħħitha kontra t-tibdil fil-klima, u f'seminar ta' Novembru 2024 stqarr li d-"dominju fuq in-natura" ma għandux ikun "tiranniku".

Ħajja personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Prevost għandu żewġ aħwa, Louis, veteran militari li attwalment jgħix fi Florida, u John, prinċipal irtirat ta' skola Kattolika. John qal lil ABC News li żewġ ġirien nisa kienu jarawh bħala Papa futur meta kien għadu fl-ewwel sena skolastika. Ommhom, Mildred, mietet fit-18 ta' Ġunju 1990, u missierhom, Louis, miet fit-8 ta' Novembru 1997. Magħruf bħala "Bob" jew "Rob" fi tfulitu u ma' sħabu, Prevost ikkonsulta lill-aħwa tiegħu rigward l-isem Papali tiegħu lejlet il-konklav. Huwa għandu ħakma tajba tal-Ingliż, tal-Ispanjol, tat-Taljan, tal-Franċiż u tal-Portugiż, u jista' jaqra bil-Latin u bil-Ġermaniż.

Prevost huwa plejer dilettant tat-tennis, u f'xi intervisti qal li jħobb jaqra u jisma' l-mużika. Prevost iżomm ukoll maċ-Chicago White Sox tal-Major League Baseball u attenda logħba fil-World Series tal-2005. Iktar 'il quddiem meta mar jgħix fil-Perù beda jżomm mal-Alianza Lima, wieħed mill-iżjed klabbs tal-futbol prominenti tal-Perù.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]

Qabel il-Papat

[immodifika | immodifika s-sors]
  • L-uffiċċju u l-awtorità tal-Pirjol lokali fl-Ordni ta' Santu Wistin. L-Università Pontifiċja ta' San Tumas ta' Aquino. 1987. OCLC 310749292.

Kotba

  • Ir-Regoli u l-Kostituzzjonijiet tal-Ordni ta' Santu Wistin. Pennsylvania: l-Istitut Storiku Awgustinjan, l-Università ta' Villanova. 2002.

Kapitli individwali

  • van Bavel, Tarsicius J., ed. (2007). "Saint Augustin, une présentation". Saint Augustin (bil-Franċiż). Mercatorfonds. ISBN 978-90-6153-732-8.
  • Delle Foglie, Anna (2011). "Introduzione". La cappella Caracciolo del Sole a San Giovanni a Carbonara (bit-Taljan). Jaca Book. ISBN 978-88-16-41107-4.
  • Marín de San Martín, Luis, ed. (2012). "Conclusion". La ripresa dell'ordine: gli agostiniani tra 1850-1920 : Congresso dell'Istituto storico Agostiniano, Ruma, il-15-19 ta' Ottubru 2012 (bit-Taljan). Institutum historicum Augustinianum.

Artikli tal-gazzetti

[immodifika | immodifika s-sors]
  • "The Office and Authority of the Local Augustinian Prior 4. The munus docendi". Augustinian heritage. 33: 187–200. 1987. ISSN 0888-2274.
  • "Grußwort des P. Generalpriors Robert Prevost". Augustiniana (bil-Ġermaniż). 56 (3/4): 199–200. 2006. ISSN 0004-8003.
  • "Homilía de la Eucaristía de clausura: parroquia Santa Rita de Madrid, 26 noviembre 2006". Revista agustiniana (bl-Ispanjol). 48 (145): 189–193. 2007. ISSN 0211-612X.
  1. ^ "(Robert Prevost) Attends State Forensic Congress in Lansing". Holland, Michigan. 1972-10-24. p. 3. Miġbur 2025-05-09.