Aqbeż għall-kontentut

Palazzi Minojċi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Portiku tat-Tramuntana tal-Palazz ta' Knossos.

Il-Palazzi Minojċi kienu kumplessi ta' binjiet enormi li nbnew fi Kreta, il-Greċja, matul Żmien il-Bronż. Spiss jitqiesu bħala emblematiċi taċ-ċivilizzazzjoni Minojka u huma destinazzjonijiet turistiċi moderni.[1] L-arkeologi u l-UNESCO ġeneralment jirrikonoxxu sitt strutturi bħala palazzi, jiġifieri dawk fi Knossos, Phaistos, Malia, Zominthos, Zakros u Kydonia. Il-palazzi Minojċi kienu jikkonsistu f'sezzjonijiet b'diversi sulari madwar bitħa ċentrali rettangolari u miftuħa. Kienu jikkondividu vokabularju u organizzazzjoni arkitettoniċi komuni, inkluż tipi ta' kmamar distintivi bħall-kompartiment tar-ritwali u l-kripta bil-pilastri. Madankollu, kull palazz kien uniku, u d-dehra tagħhom inbidlet b'mod drammatiku peress li kienu jiġu mmudellati mill-ġdid b'mod kontinwu tul iż-żminijiet.

Hemm dibattitu kontinwu fl-arkeoloġija Minojka dwar il-funzjoni tal-palazzi. Minkejja t-terminu modern ta' "palazz", ġeneralment hemm qbil li primarjament ma ntużawx bħala residenzi rjali. Huwa magħruf li kien fihom santwarji, spazji miftuħa għal festini komunali, postijiet tax-xogħol industrijali, kif ukoll imħażen agrikoli kbar. L-arkivji tat-tavli Lineari A u B jissuġġerixxu li ntużaw parzjalment bħala ċentri amministrattivi lokali.

L-ewwel palazzi nbnew għall-ħabta tal-1900 Q.K., bħala l-qofol ta' xejriet soċjali u arkitettoniċi iktar fit-tul. Dawn il-palazzi tal-bidu nqerdu mit-terremoti għall-ħabta tal-1700 Q.K. iżda reġgħu nbnew fuq skala akbar, u bdew jitfaċċaw palazzi ġodda f'siti oħra. Għall-ħabta tal-1450 Q.K., mewġa ta' vjolenza qerdet il-palazzi kollha għajr dak ta' Knossos, li mbagħad inqered bejn wieħed u ieħor xi seklu wara.

It-terminu "palazz" ġie introdott minn Arthur Evans, li kien interpreta l-Palazz ta' Knossos bħala r-residenza ta' "Patri-Re".[2] B'mod ġenerali t-terminu nżamm minkejja li fil-biċċa l-kbira r-riċerkaturi sussegwenti rrifjutaw l-interpretazzjoni ta' Evans. Madankollu, ġew proposti termini alternattivi, fosthom "binja b'bitħa" u "binja b'bitħa ċentrali", li jikkaratterizzaw il-binjiet skont l-għamla tagħhom filwaqt li jibqgħu newtrali fir-rigward tal-funzjoni tagħhom.[3][4] Bosta termini oħra mill-arkeoloġija Minojka fihom sfumaturi simili. Pereżempju, it-terminu "kompartiment lustrali" spiss jintuża b'referenza għal karatteristika arkitettonika partikolari anke minn studjużi li ma jqisux li dawn intużaw għal-lustrazzjonijiet.[5]

Arkitettura inġenerali

[immodifika | immodifika s-sors]
Layout of the Palace at Knossos
Bħal palazzi oħra, il-Palazz ta' Knossos ġie organizzat madwar bitħa ċentrali miftuħa, immarkata bin-nru 1 f'din il-mappa.

Il-karatteristika li tiddefinixxi palazz Minojku hi l-arranġament ta' sezzjonijiet b'diversi sulari madwar bitħa ċentrali rettangolari. Lil hinn minn hekk, il-palazzi kellhom vokabularju arkitettoniku komuni ulterjuri ta' tipi ta' kmamar, stili ta' tiżjin, u tendenzi kondiviżi fil-konfigurazzjoni tagħhom. Il-pjanta tagħhom ġiet deskritta bħala "pjanta qisha ta' labirint", b'kurituri li spiss itawlu saħansitra biex wieħed jasal minn kamra għal oħra bl-istess ħajt diviżorju. Jikkondividu wkoll tendenzi simili bħala organizzazzjoni, pereżempju għandhom l-imħażen u ż-żoni industrijali tagħhom fin-naħa tat-Tramuntana u tal-Majjistral.[6] Tipikament il-palazzi kienu jkunu fiċ-ċentru ta' insedjament imdaqqas u mhux dejjem kienu jkunu demarkati b'mod ċar mill-bqija tal-belt.[7]

Minkejja l-vokabularju arkitettoniku komuni tagħhom, kull palazz kien distint. Pereżempju, filwaqt li kollox ma' kollox il-palazzi jikkondividu organizzazzjoni komuni, it-tqassim speċifiku tas-sulari kien ikun uniku. B'mod simili, filwaqt li kellhom l-istess proporzjonijiet, kienu jvarjaw b'mod konsiderevoli bħala daqs. Fil-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda, il-Palazz ta' Knossos kien fih id-doppju tal-Palazzi ta' Malia u ta' Phaistos, u tliet darbiet akbar mill-Palazzi ta' Galatas u ta' Zakros. Matul iċ-ċiklu ta' ħajjithom, il-palazzi nbidlu wkoll b'mod drammatiku, u bosta mill-karatteristiċi l-iktar familjari tagħhom tfaċċaw biss fil-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda.[8]

Btieħi ċentrali

[immodifika | immodifika s-sors]
The Grandstand Fresco
Dan l-affresk milli jidher qed juri ċerimonja li qed isseħħ fil-bitħa ċentrali tal-Palazz ta' Knossos.

Il-palazzi Minojċi kienu organizzati madwar bitħa ċentrali rettangolari. F'kull palazz, il-bitħa kellha proporzjon ta' 2:1, u l-itwal naħa kienet tkun mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Din l-orjentazzjoni kienet timmassimizza d-dawl tax-xemx, u b'hekk l-iktar kmamar importanti fil-faċċata interna tas-sezzjoni tal-Punent kienu jkunu jħarsu lejn tlugħ ix-xemx. Il-btieħi ċentrali tipikament kienu jkunu allinjati mat-topografija tal-madwar, b'mod partikolari mal-muntanji sagri fil-qrib. Pereżempju, il-Palazz ta' Phaistos huwa allinjat mal-Muntanja Ida u l-Palazz ta' Knossos huwa allinjat mal-Muntanja Juktas. Il-btieħi ċentrali fil-Palazzi ta' Knossos, ta' Phaistos u ta' Malia kellhom erja kważi identika, ta' madwar 24 metru bi 52 metru. Il-Palazz ta' Zakros kellu bitħa interna iżgħar, ta' madwar 12-il metru b'29 metru.

Il-btieħi ċentrali kienu jintużaw għar-ritwali u għall-festini. Wieħed minn dawn il-festini x'aktarx li huwa rrappreżentat fl-affresk il-kbir li jinsab fil-Palazz ta' Knossos. L-artali li nstabu fil-btieħi ta' wħud mill-palazzi jissuġġerixxu tipi oħra ta' attivitajiet ritwali. Xi studjużi ssuġġerew li fil-btieħi kien jiġi pprattikat il-qbiż tal-barrin, għalkemm oħrajn sostnew li l-pavimentar ma kienx ottimali għall-annimali jew għan-nies, u li l-punti ta' aċċess ristrett kieku kienu jfissru li l-ispettaklu kien ikun wisq 'il bogħod mill-pubbliku.

Spazji pubbliċi tal-Punent

[immodifika | immodifika s-sors]
West facade of the Palace at Knossos
L-ispazju pubbliku tal-Punent fil-Palazz ta' Knossos, bil-faċċata tal-Punent fuq wara.

L-ispazji pubbliċi tal-Punent kienu jkunu spazji pubbliċi spazjużi barra d-daħla prinċipali tal-palazzi. Għad-differenza tal-bitħa ċentrali, l-ispazju pubbliku tal-Punent kien jinsab 'il barra mill-palazz, u b'hekk kien faċilment aċċessibbli mill-bqija tal-belt. Fl-Ewwel Perjodu tal-Palazzi, l-ispazji pubbliċi kien ikollhom mogħdijiiet triangolari olzati u fosos ċirkolari bil-ġebel li min wettaq l-iskavi laqqamhom bħala kouloures peress li jixbħu tip ta' ikel ċirkolari ta' Kreta. Il-kouloures ġew interpretati b'diversi modi, u tqiesu li kienu fosos tal-ħżin tal-qamħ, ċisterni u qsari għas-siġar sagri. Dawn tneħħew meta l-ispazji pubbliċi tal-Punent tkabbru fil-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda.

L-ispazji pubbliċi tal-Punent kienu biswit il-faċċati monumentali għoljin tal-Punent tal-palazzi. Bħall-anteċedenti tagħhom tal-Lvant Qarib, il-faċċati tal-Punent kellhom qishom pizzi li kienu jsebbħu l-ispettakli tal-avvenimenti pubbliċi, u kienu joħolqu dak li xi kultant jissejjaħ bħala "tieqa tal-apparenzi". L-ispazji pubbliċi tal-Punent x'aktarx li kienu jintużaw għall-festini pubbliċi, għad-differenza tal-btieħi ċentrali fejn l-avvenimenti kienu jkunu għal udjenza iżgħar tal-elit. L-Affresk tal-Għalqa Sagra donnu juri ritwal fil-Palazz ta' Knossos fejn jidher ċar l-ispazju pubbliku tal-Punent tiegħu.

Sala tal-Minojċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sala tal-Minojċi ġiet deskritta bħala "l-qofol tal-arkitettura Minojka". Din it-tip ta' sala kienet tinsab tipikament fin-naħa tat-Tramuntana tal-palazzi, u kienet tikkonsisti minn kamra prinċipali, kompartiment qabilha, u xaft għad-dawl naturali mis-saqaf. Dan tal-aħħar kien ikun isseparat mill-kamra prinċipali permezz ta' sensiela ta' bibien tal-injam immuntati f'qishom gwarniċi. B'hekk il-bibien setgħu jinfetħu jew jingħalqu, biex l-okkupanti setgħu jikkontrollaw id-dawl u l-fluss tal-arja, u jittrasformaw il-kompartiment ta' qabel il-kamra prinċipali fi spazju intern jew estern.

F'dawn it-tip ta' swali ma tantx instabu wisq artefatti, għaldaqstant ma tantx kien hemm evidenza tal-attività li kienet issir ġo fihom. Madankollu, diversi eżempji jinsabu qrib arkivji ta' tavli, u għalhekk tqajmet il-possibbiltà li kienu jintużaw bħala postijiet li fihom kienu jiltaqgħu l-burokrati.

Kompartimenti tar-ritwali

[immodifika | immodifika s-sors]
Phaistos lustral basin
Kompartiment tar-ritwali fil-Palazz ta' Phaistos.

Il-kompartimenti tar-ritwali jew tal-lustrazzjoni huma kompartimenti rettangolari żgħar ftit iktar 'l isfel fl-art tal-kamra tal-madwar. Wieħed kien jaċċessahom permezz ta' taraġ b'għamla tal-ittra L u kienu jkunu miftuħin minn fuq biex b'hekk wieħed seta' jara l-okkupanti tagħhom minn fuq. Kull palazz kellu mill-inqas kompartiment wieħed tar-ritwali, u l-Palazz ta' Phaistos għandu saħansitra erbgħa.

X'aktarx li kienu jintużaw għar-ritwali, b'mod partikolari minħabba li mill-inqas uħud minnhom kienu mżejna b'affreski b'temi reliġjużi. Madankollu, il-funzjoni preċiża tagħhom mhix magħrufa. It-terminu "kompartiment tal-lustrazzjoni" ġie vvintat minn Arthur Evans, li sab reċipjenti ta' ingwenti f'kompartiment simili fil-Palazz ta' Knossos u ssuġġerixxa li kien jintuża għar-ritwali tal-unzjoni. Riċerkaturi sussegwenti interpretawhom bħala l-predeċessuri tal-adyton tal-era klassika jew bħala l-locus ta' ritwal tal-inizjazzjoni. Ipoteżi oħra tqishom bħala banjijiet, għalkemm ma fihomx drenaġġi għat-tbattil tal-ilma u l-ebda sinjal ta' erożjoni minħabba l-ilma.

Il-kompartimenti tar-ritwali żdiedu fil-palazzi matul ir-rinnovazzjonijiet li mmarkaw il-bidu tal-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda (għall-ħabta tal-1750–1700 Q.K.). Jeżistu xi eżempji mill-Ewwel Perjodu tal-Palazzi, iżda saru komuni bl-għamla attwali tagħhom matul il-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda. Dawn ma baqgħux jintużaw u mtlew bir-radam għall-ħabta tal-1625–1470 Q.K., fl-istess żmien li fil-gżira kien hemm bidla sħiħa fil-prattika reliġjuża li wasslet ukoll għall-abbandun tas-santwarji fil-qċaċet.

Kripti bil-pilastri

[immodifika | immodifika s-sors]
Pillar Crypt at Malia
Kripta bil-pilastri fil-Palazz ta' Malia.

Il-kripti bil-pilastri kienu kmamar żgħar imdallmin b'pilastru kwadru wieħed jew iktar fiċ-ċentru. Dawn il-pilastri sikwit kellhom is-simbolu tal-mannara doppja, u xi kultant kien ikollhom ukoll kanali li jaf kienu jintużaw għal-libazzjonijiet (offerti ta' xorb lill-allat). Normalment kienu jinsabu fis-sulari t'isfel qrib l-imħażen, sikwit eżatt taħt kamra tar-ritwali. Xi drabi kienu jiġu interpretati bħala analogi artifiċjali tal-għerien sagri, fejn il-qima spiss kienet tkun iċċentrata madwar stalagtiti u stalaktiti mnaqqxin bil-mannara doppja. Bħall-kompartimenti tar-ritwali, il-kripti bil-pilastri kienu preżenti wkoll fil-vilel. Madankollu, kienu preżenti wkoll fl-oqbra, li jagħti x'jifhem li l-użu ritwali tagħhom jaf kien marbut b'xi mod mal-mejtin. Bħal fil-każ tal-kompartimenti tar-ritwali, dawn il-kripti bil-pilastri ma baqgħu jintużaw iktar għall-ħabta tal-1625–1470 Q.K.

Linear A tablet from the Palace at Zakros
Tavla Lineari A mis-sezzjoni tal-Punent tal-Palazz ta' Zakros.

Tradizzjonalment il-palazzi jitqiesu bħala s-sede ta' xi awtorità politika, ekonomika u reliġjuża li kienet tippresjedi f'ekonomija redistributtiva. Għalhekk, l-iżvilupp tagħhom spiss jitqies bħala sinjal ta' stratifikazzjoni soċjali u ta' formazzjoni ta' soċjetajiet fil-livell statali f'Kreta. Filwaqt li dan il-ħsieb għadu mifrux fost l-istudjużi, ġie ddubitat ukoll. B'mod partikolari, il-funzjonijiet tal-palazzi jidher li varjaw skont iż-żmien u skont is-sit, u bosta funzjonijiet li kienu jsiru fil-palazzi kienu jsiru wkoll f'tipi oħra ta' binjiet. Għaldaqstant, ir-rwol tal-palazzi fis-soċjetà Minojka għadu dibattitu miftuħ fost l-istudjużi.

Il-kitba u s-siġilli spiss tqiesu bħala evidenza li l-palazzi kienu ċentri amministrattivi reġjonali. Pereżempju, xi dokumenti mill-Palazz ta' Knossos jissuġġerixxu li kien jamministra merħliet kbar tan-nagħaġ fl-Ewwel Perjodu tal-Palazzi, u milli jidher ġew irreġistrati wkoll tranżazzjonijiet li jinvolvu t-tin, iż-żebbuġ, iċ-ċereali u prodotti oħra. Tavli Lineari B oħra jirreġistraw ħsad agrikolu ferm iktar mill-ħtiġijiet lokali għall-għajxien, inkluż 960,000 litru ta' qmuħ minn palazz imsejjaħ Da-wo. Madankollu, kemm il-kitba kif ukoll is-siġilli jmorru lura għal qabel żmien il-kostruzzjoni tal-palazzi u qatt ma kienu esklużivi għalihom. Pereżempju, hemm inqas evidenza ta' burokrazija amministrattiva fil-Palazz ta' Phaistos milli f'binjiet mhux ta' palazzi f'Ayia Triada fil-qrib. B'mod simili, saħansitra f'eri meta hemm evidenza ċara ta' redistribuzzjoni abbażi tal-palazzi, xorta waħda kien hemm attività ekonomika li ma kinitx taħt il-kontroll tal-palazzi.

Għad-differenza tal-binjiet tal-Lvant Qarib li influwenzawhom, il-palazzi Minojċi ma kinux fortizzi siguri, u kienu mill-inqas parzjalment aċċessibbli għar-residenti tal-bliet biswithom. B'mod simili, filwaqt li s-soċjetajiet tal-Lvant Qarib kellhom binjiet separati li kienu jintużaw bħala palazzi u tempji, l-arkitettura Minojka ma tagħmilx din id-distinzjoni ċara. Xi studjużi ddubitaw jekk dawn il-funzjonijiet kinux tassew raggruppati taħt saqaf wieħed, jew jekk b'xi mod l-użu tal-palazzi ġiex interpretat ħażin.

B'mod simili, ma jidhirx li kienu s-sede ta' xi awtorità ċentralizzata jew tar-rejiet. Kulma jmur l-evidenza tissuġġerixxi li l-palazzi primarjament kienu konsumaturi iktar milli produtturi ta' bosta prodotti assoċjati magħhom, pereżempju l-bċejjeċ tal-fuħħar ta' Kamares, għalkemm hemm evidenza limitata rigward il-produzzjoni fil-post fil-palazzi. Eċċezzjoni ewlenija huma l-piżijiet tal-għażil li nstabu fil-Palazzi ta' Knossos u ta' Phaistos.

Il-btieħi tal-palazzi ġeneralment jitqiesu li ntużaw għar-ritwali pubbliċi, għalkemm in-natura ta' dawn ir-ritwali mhix magħrufa. Ipoteżi tissuġġerixxi li l-ispazji pubbliċi tal-Punent kienu jintużaw għal festin tal-ħsad. Din hija bbażata l-iktar fuq l-interpretazzjoni tal-kouloures bħala repożitorji tal-qamħ. Madankollu, din l-interpretazzjoni ġiet iddubitata peress li l-kouloures ma kellhomx xi tip ta' għata jew inforra meħtieġa biex il-qamħ jibqa' niexef.

Il-palazzi fihom faċilitajiet estensivi tal-ħżin li kienu jintużaw għall-prodotti bażiċi agrikoli kif ukoll għall-pożati. Settijiet enormi ta' pożati ta' kwalità għolja kienu jinħażnu fil-palazzi, u sikwit dawn kienu jiġu prodotti banda oħra. Pereżempju, il-bċejjeċ tal-fuħħar ta' Kamares li nstabu fil-Palazz ta' Knossos x'aktarx li kienu magħmula f'Mesara.

L-ewwel palazzi ġeneralment imorru lura għall-ħabta tal-1925–1875 Q.K. Dawn tfaċċaw f'salt bħala l-qofol ta' xejriet soċjali u arkitettoniċi li ħadu ħafna żmien, u jimmarkaw il-bidu tal-Ewwel Perjodu tal-Palazzi. Dawn l-ewwel palazzi nqerdu għall-ħabta tal-1700 Q.K., x'aktarx minn xi terremoti. Warajhom inbnew palazzi ġodda għall-ħabta tal-1750–1700 Q.K., u dawn immarkaw il-bidu tal-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda, li spiss jitqies bħala l-fażi matura taċ-ċivilizzazzjoni Minojka. Dawn il-palazzi nqerdu bħala parti minn mewġa ta' vjolenza li qerdet il-gżira għall-ħabta tal-1470 Q.K. Imbagħad, il-Palazz ta' Knossos biss baqa' jintuża fil-perjodu meta l-elit ta' Mycenae kellhom il-kontroll tal-gżira, u ffurmaw kultura ibrida "Miċenojka". Il-Palazz ta' Knossos inqered fi żmien mhux magħruf madwar seklu wara, li mmarka t-tmiem tal-palazzi Minojċi.

Anteċedenti bikrin

[immodifika | immodifika s-sors]
Peak Sanctuary at Petsophas
Is-santwarji tal-qċaċet bħal dan f'Petsophas inbnew għall-ħabta tas-siti tal-palazzi, b'hekk x'aktarx li l-forom bikrin ta' qima kienu għadhom qed jiġu formalizzati u istituzzjonalizzati.

Il-palazzi nbnew f'siti li qabel kienu spazji komunali importanti għal żmien twil ħafna. B'mod partikolari, il-festini komunali ġew attestati fl-inħawi tal-btieħi ċentrali u tal-ispazji pubbliċi tal-Punent tal-palazzi saħansitra fin-Neolitiku. Matul il-perjodu bikri tal-Minojċi, dawn l-inħawi kienu parzjalment imtarrġin u madwarhom inbnew binjiet monumentali. Dawn il-binjiet bikrin ftit għandna informazzjoni dwarhom peress li l-biċċa l-kbira tal-fdalijiet tagħhom inqerdu mill-kostruzzjoni suċċessiva. Madankollu, hemm traċċi ta' kostruzzjoni bikrija fil-Palazz ta' Knossos fl-inħawi kollha tal-palazz li nbena wara, inkluż segment ta' ħajt twil li jmur lura għall-ħabta tal-2200–2100 Q.K., li potenzjalment jissuġġerixxi li fis-sit sar żvilupp kumplessiv. F'Malia, hemm fdalijiet bikrin sostanzjali biżżejjed, tant li xi arkeologi sostnew li kien hemm palazz sħiħ għall-ħabta tal-2200–2100 Q.K. u x'aktarx saħansitra predeċessur tiegħu għall-ħabta tal-2650–2200 Q.K.

Dawn l-iżviluppi bikrin fis-siti tal-palazzi seħħew fl-istess żmien ta' kostruzzjoni simili fis-santwarji tal-qċaċet u tal-għerien sagri. Dawn l-iżviluppi jissuġġerixxu li l-palazzi nbnew bħala parti minn xejra usa' ta' tradizzjonijiet iktar bikrin li ġew istituzzjonalizzati, u gruppi partikolari fi ħdan is-soċjetà Minojka kisbu l-kontroll fuq spazji importanti u fuq l-attivitajiet li kienu jsiru fihom. Proposta ta' Stuart Manning issostni li dawn l-iżviluppi soċjali seħħew minħabba tkabbir u tnaqqis sussegwenti fil-kummerċ internazzjonali. Għall-ħabta tal-2650–2200 Q.K., il-Minojċi kellhom rabtiet ekonomiċi mal-Lvant tal-Mediterran, u b'hekk inħolqot kultura lokali ta' kompetizzjoni tal-elit permezz ta' oġġetti prestiġjużi importati. Meta l-kummerċ internazzjonali kkrolla għall-ħabta tal-2200–2100 Q.K., dawn l-oġġetti saru skarsi, u b'hekk għola l-istatus ta' dawk li kellhom u li żammew il-kontroll fuq l-aċċess għalihom.

L-Ewwel Perjodu tal-Palazzi

[immodifika | immodifika s-sors]
View of the Palace at Phaistos
Il-Palazz ta' Phaistos jipprovdi l-iżjed evidenza ċara tal-Ewwel Perjodu tal-Palazzi.

L-ewwel palazzi ġeneralment imorru lura għall-ħabta tal-1925–1875 Q.K. F'dan iż-żmien, kien hemm tliet palazzi biss, jiġifieri dawk ta' Knossos, ta' Phaistos u ta' Malia. Fosthom, il-Palazz ta' Phaistos jipprovdi l-iżjed evidenza ċara ta' dan il-perjodu, peress li r-rinnovazzjonijiet li saru iktar 'il quddiem ċajpru l-biċċa l-kbira tal-evidenza fiż-żewġ siti l-oħra. Milli jidher ġew influwenzati mit-tradizzjoni tal-Lvant Qarib ta' tempji u palazzi monumentali, li kienu jużaw l-opus quadratum fix-xogħol tal-ġebel tal-binja biex jissinjalaw l-istatus tal-binja. Madankollu, il-Minojċi adattaw l-istil skont l-iskopijiet tagħhom stess.

Il-palazzi tal-Ewwel Perjodu tal-Palazzi kienu kisba arkitettonika ewlenija li inzertat seħħet fl-istess żmien meta seħħew proġetti ewlenin tal-bini fil-bliet ta' madwarhom. Madankollu, kienu iżgħar u inqas kumplessi mis-suċċessuri tagħhom tal-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda. Kellhom konfigurazzjoni ta' għamla kwadra ġo għamla kwadra, b'inqas diviżjonijiet interni milli kien il-każ iktar 'il quddiem, u jaf ma kellhomx ċerti karatteristiċi li ġew wara bħal l-ortostati u l-faċċati tal-opus quadratum. Il-palazzi kienu wkoll iktar distinti minn xulxin f'dan il-perjodu.

Il-palazzi tal-Ewwel Perjodu tal-Palazzi fi Knossos u f'Phaistos inqerdu għall-ħabta tal-1700 Q.K., jew minħabba t-terremoti jew inkella minħabba l-vjolenza.

Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul il-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda, il-Palazzi ta' Knossos, ta' Phaistos u ta' Malia ġew rikostruwiti u nbnew palazzi ġodda f'Zakros u f'Galatas. Fi Knossos, ir-rikostruzzjoni bdiet għall-ħabta tal-1750–1700 Q.K., ftit wara l-qerda tal-palazz ta' qabel. Madankollu, il-proġetti ewlenin tal-kostruzzjoni ta' dan il-perjodu saru għall-ħabta tal-1700–1625 Q.K., u l-Palazz ta' Phaistos b'mod partikolari jaf ġie abbandunat sa dak iż-żmien.

Il-palazzi l-ġodda kienu iktar imponenti mill-predeċessuri tagħhom, u minn ġewwa kienu iktar kumplessi. Ir-rinnovazzjonijiet introduċew iktar diviżjonijiet interni u kurituri, u ġew sostitwiti l-mases skabrużi bikrin b'konfigurazzjoni iktar artikolata. Minn ġewwa l-palazzi kienu wkoll iktar spazjużi u d-diviżjonijiet kienu iktar permeabbli, b'collondes u b'bibien diviżorji minflok il-ħitan solidi bikrin. Bosta mill-karatteristiċi tipiċi tal-palazzi attwali ġejjin minn dan il-perjodu, inkluż il-kompartimenti tar-ritwali u l-affreski. L-istil huwa ferm iktar uniformi minn dak tal-predeċessuri tagħhom, u dan wassal biex l-istudjużi jissuspettaw li nbnew mill-istess idejn.

Il-palazzi tal-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda nqerdu fl-1470 Q.K., bl-eċċezzjoni tal-Palazz ta' Knossos. Fi Knossos, il-belt ta' taħt il-palazz ingħatat in-nar iżda l-palazz ma ġiex affettwat. Din il-qerda ġiet attribwita lill-gwerer, jew minħabba rewwixti interni jew inkella minħabba xi attakk estern mill-Griegi ta' Mycenae.

Perjodu Finali tal-Palazzi

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul il-Perjodu Finali tal-Palazzi għall-ħabta tal-1470-1330 Q.K., il-Palazz ta' Knossos ġie rikostruwit filwaqt li l-palazzi l-oħra tħallew fi stat ta' fdalijiet. F'dawn l-inħawi, Knossos ġiet immexxija minn elit ta' Griegi ta' Mycenae, li adottaw taħlita ta' tradizzjonijiet kulturali Minojċi u oħrajn mill-art kontinentali. Bosta mill-iżjed kmamar famużi fil-palazz ingħataw l-għamla finali tagħhom f'dan il-perjodu, inkluż is-Sala tat-Tron u l-biċċa l-kbira tal-kwartieri residenzjali fis-sezzjoni tal-Lvant. Il-palazz ġie mżejjen mill-ġdid b'mod estensiv b'affreski ġodda li adottaw aspetti tal-ikonografija tal-art kontinentali ta' Mycenae. Dawn l-affreski l-ġodda abbandunaw suġġetti Minojċi bikrin bħal xeni naturali fantastiċi u ritwali ta' estażi, u ġew sostitwiti b'tarki dawramejt u b'purċissjonijiet ta' nies li kienu jiġu biex jagħtu ġieħ. Madankollu, il-mexxejja l-ġodda komplew l-użu tradizzjonali ta' barrin fi Knossos bħala simbolu tal-poter. Il-barrin jidhru f'terz mill-affreski eżistenti minn dan il-perjodu, u b'mod partikolari fid-daħliet u fl-iżjed kmamar lussużi.

F'dan il-perjodu, ir-rekords amministrattivi nżammu fit-tavla Lineari B li pprovdiet ħarsa lejn l-ekonomija tal-palazz. B'kuntrast mat-tavla Lineari A, il-biċċa l-kbira tal-inċiżjonijiet tat-tavla Lineari B instabu fi Knossos, u dan jissuġġerixxi li kien hemm konċentrazzjoni tal-poter politiku u ekonomiku. It-tavli jsemmu 100 isem ta' postijiet, li milli jidher kellhom rabta ekonomika ma' Knossos. It-tavli jirreġistraw kwantitajiet enormi ta' prodotti, b'mod partikolari nagħaġ u tessuti, iżda anke qamħ u prodotti oħra. Il-kwantitajiet imorru lil hinn minn dak li kien meħtieġ għall-għajxien lokali, u dan jissuġġerixxi li l-palazz amministra ekonomija vibranti ta' esportazzjoni.

Id-data tal-qerda finali ta' Knossos mhix ċara. X'aktarx ingħatat in-nar għall-ħabta tal-1370 Q.K. u x'aktarx mill-ġdid għall-ħabta tal-1330 Q.K. Fl-aħħar snin, x'aktarx għall-ħabta tal-1330-1200 Q.K., il-palazz ġie rrestawrat parzjalment bħala binja purament utilitarja. Ma żdidux affreski, u l-kolonni u l-bibien diviżorji li waqgħu ġew sostitwiti b'sempliċi ħitan tas-sejjieħ. Il-kurituri ġew imblukkati, il-kmamar eleganti ntużaw għall-ħżin, u saħansitra l-kmamar tal-qima li kienu ġew miżjuda tpoġġew f'inħawi fejn ma kinux jitpoġġew fi żminijiet iktar bikrin.

Wara l-palazzi

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fdalijiet tal-palazzi baqgħu viżibbli ferm wara tmiem Żmien il-Minojċi. Matul Żmien il-Bronż Bikri saru postijiet ta' qima fil-beraħ, kif joħroġ fid-dieher mid-depożiti tal-offerti mogħtija bħala voti. Iktar 'il quddiem, inbnew santwarji żgħar fi ħdan il-fdalijiet, u wħud minnhom ippersistew fi Żmien ir-Rumani. Filwaqt li d-djar privati jaf inbnew f'xi siti tal-palazzi bħal f'dak tal-Palazz ta' Phaistos, il-belt tal-era klassika ta' Knossos qatt ma kibret sas-sit tal-palazz, minkejja li kibret b'mod drammatiku fl-inħawi tal-madwar. Għalkemm is-siti tal-palazzi milli jidher kienu jitqiesu bħala sagri, il-fdalijiet stess spiss kienu jintużaw għall-materjal tal-kostruzzjoni.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2025, sitt palazzi (Knossos, Phaistos, Malia, Zakros, Zominthos u Kydonia) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[9]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[9]

Arkitettura tal-palazzi

[immodifika | immodifika s-sors]
Lightwell off Minoan Hall in House A at Tylissos
Sala tal-Minojċi f'dar f'Tylissos turi l-adozzjoni ta' karatteristiċi bħal tal-palazzi fl-arkitettura domestika.

Ġeneralment, l-arkeologi Minojċi jirriżervaw it-terminu "palazz" għal ħames strutturi. Madankollu, bosta strutturi Minojċi fihom xi karatteristiċi ewlenin tal-palazzi filwaqt li ma fihomx oħrajn. Fi studju dwar l-arkitettura Minojka, John McEnroe jikkummenta li "d-distinzjoni bejn "palazz" u "mhux palazz" spiss hija kwistjoni ta' livell".

Binjiet qishom palazzi

[immodifika | immodifika s-sors]

Binjiet monumentali f'Petras, f'Zominthos, f'Makrygiallos, f'Kommos, f'Monastiraki u f'Archanes kellhom karatteristiċi tipiċi tal-palazzi bħal btieħi ċentrali iżda mbagħad ma kellhomx l-għamla jew il-funzjoni ta' palazzi.

F'Gournia, binja monumentali tal-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda adottat karatteristiċi tipiċi tal-palazzi, inkluż spazju pubbliku u faċċata tal-opus quadratum, u jaf kellha funzjoni amministrattiva simili għal dik tal-palazzi. Madankollu, il-konfigurazzjoni u l-kwalità tax-xogħol tagħha fil-ġebel ivarjaw mill-palazzi tradizzjonali.

Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għal binja f'Petras, li tħallat karatteristiċi klassiċi tal-palazzi ma' karatteristiċi adottati minn tradizzjonijiet arkitettoniċi reġjonali bikrin. Il-binja fiha diversi sulari u ntużat bħala ċentru amministrattiv b'bitħa ċentrali u bl-arkivji. Ġiet iffortifikata wkoll, inkluż bit-torrijiet tal-għassa. Barra minn hekk, kellha bitħa ċentrali, għalkemm waħda ċkejna ta' 6 metri bi 13-il metru biss li tnaqqset għal 4.9 metri bi 12-il metru f'fażijiet suċċessivi.

F'Kommos, struttura grandjuża magħrufa bħala l-Binja T kellha bitħa rettangolari pavimentata mdawra b'sezzjonijiet monumentali simili ħafna għal tal-palazzi. B'daqs komparabbli ma' dak tal-Palazz ta' Phaistos, il-faċċata tagħha nbniet bl-ikbar opus quadratum użat mill-Minojċi. Minħabba li Kommos x'aktarx li kienet dipendenti politikament fuq Phaistos u Hagia Triada, il-preżenza tal-arkitettura ta' palazz hija misteru. Fi kliem l-iskavatur Joseph Shaw:

Belt relattivament żgħira u arkitettonikament mhux famuża bħal Kommos setgħet ġiet promossa u seta' kellha struttura daqstant enormi, jew ma fhimniex sew minn xiex kienu jikkonsistu l-palazzi? Forsi ma kinux daqshekk rari u forsi ma ntużawx għal reġjuni daqstant kbar bħala ġeneralment huwa maħsub. Jew inkella fil-Binja T nistgħu naraw adattament tal-għamla ta' palazz għal skopijiet kummerċjali.

Palazzizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul il-Perjodu tal-Palazzi l-Ġodda, id-djar ordinarji ħadu xi karatteristiċi tal-arkitettura tal-palazzi, inkluż Swali Minojċi, kompartimenti tar-ritwali u marki ta' dawk li kienu jaħdmu l-ġebel. Din ix-xejra ġiet imsejħa bħala "palazzizzazzjoni". Terminu oħra ġew proposti bħal "Knossosizzazzjoni" u "l-effett ta' Versailles", għalkemm mhux ċar li l-bennejja kienu qed jimitaw il-Palazz ta' Knossos b'mod partikolari. Għalkemm kienu mifruxa sew, id-djar qishom palazzi qatt ma kienu n-norma. Ġeneralment, l-insedjamenti l-kbar kien ikollhom mill-inqas residenza waħda qisha palazz, iżda l-biċċa l-kbira tad-djar ma kinux qishom palazzi.

  1. ^ Preziosi, Donald; Hitchcock, Louise (1999). Aegean. Oxford University Press. p. 63. ISBN 9780192842084.
  2. ^ Beard, Mary, "Builder of Ruins", p. 20, in Confronting the Classics: Traditions, Adventures, and Innovations, 2013, Liveright, ISBN 9780871407160
  3. ^ Schoep, Ilse (2012). "Crete". In Cline, Eric (ed.). The Oxford Handbook of the Bronze Age Aegean. Oxford University Press. pp. 113–125. doi:10.1093/oxfordhb/9780199873609.013.0008. ISBN 978-0199873609.
  4. ^ McEnroe, John C. (2010). Architecture of Minoan Crete: Constructing Identity in the Aegean Bronze Age. Austin: University of Texas Press. p. viii.
  5. ^ McEnroe, John C. (2010). Architecture of Minoan Crete: Constructing Identity in the Aegean Bronze Age. Austin: University of Texas Press. p. viii.
  6. ^ Hitchcock, Louise (2012). "Minoan Architecture". In Cline, Eric (ed.). The Oxford Handbook of the Bronze Age Aegean. Oxford University Press. pp. 189–199. doi:10.1093/oxfordhb/9780199873609.013.0014. ISBN 978-0199873609.
  7. ^ Neer, Richard (2012). Art and Archaeology of the Greek World. Thames and Hudson. p. 26. ISBN 978-0-500-05166-5.
  8. ^ Younger, John; Rehak, Paul (2008). "The Material Culture of Neopalatial Crete". In Shelmerdine, Cynthia (ed.). The Cambridge Companion to the Aegean Bronze Age. Cambridge University Press. pp. 111, 156–157. doi:10.1017/CCOL9780521814447.007. ISBN 978-0-521-89127-1.
  9. ^ a b "UNESCO".