Aqbeż għall-kontentut

Palazz ta' Potala

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Palazz ta' Potala.

Il-Palazz ta' Potala huwa fortizza tat-tip dzong f'Lhasa, il-belt kapitali tar-Reġjun Awtonomu ta' Tibet fiċ-Ċina. Kien il-palazz tax-xitwa tad-Dalai Lama mill-1649 sal-1959, imbagħad sar mużew, u fl-1994 sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Isem il-palazz oriġina minn isem il-Muntanja Potalaka, ir-residenza mitika tal-bodhisattva Avalokiteśvara.[2] Il-ħames Dalai Lama beda l-kostruzzjoni tal-palazz fl-1645[3] wara li wieħed mill-konsulenti spiritwali tiegħu, Konchog Chophel (miet fl-1646), indika li s-sit kien ideali bħala sede tal-gvern, ladarba jinsab bejn il-monasteri ta' Drepung u ta' Sera u l-belt antika ta' Lhasa.[4] Jaf inbena fuq il-fdalijiet ta' fortizza bikrija li kienet tissejjaħ il-Palazz l-Abjad jew l-Aħmar,[5] u nbniet minn Songtsen Gampo fis-637.[6]

Il-binja fiha 400 metru (1,300 pied) mil-Lvant għall-Punent u 350 metru (1,150 pied) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, b'ħitan tal-ġebel għan-niżla bi ħxuna medja ta' 3 metri (10 piedi), u bi ħxuna ta' 5 metri (16-il pied) fil-bażi, bir-ram imferra' fil-pedamenti bħala tisħiħ kontra t-terremoti.[7] Hemm tlettax-il sular ta' binjiet, b'iktar minn 1,000 kamra, 10,000 santwarju u madwar 200,000 statwa, li jixirfu 117-il metru (384 pied) fil-quċċata ta' Marpo Ri, l-"Għolja l-Ħamra", li b'kollox tinsab iktar minn 300 metru (980 pied) 'il fuq mill-qiegħ tal-wied.[8]

Skont it-tradizzjoni, it-tliet għoljiet prinċipali ta' Lhasa jirrappreżentaw it-"Tliet Protetturi ta' Tibet". Chokpori, eżatt fin-Nofsinhar tal-Palazz ta' Potala, hija l-muntanja tar-ruħ (bil-Wylie: bla ri) ta' Vajrapani, Pongwari hija l-muntanja tar-ruħ ta' Manjusri, u Marpori, l-għolja li fuqha jinsab il-Palazz ta' Potala, tirrappreżenta lil Avalokiteśvara.[9]

Il-"Palazz ta' Potala" bil-kitba Umey Tibetana (fuq), bil-kitba Mongola tradizzjonali (xellug), bit-Tibetan Latinizzat, bil-Latinizzazzjoni Wylie tal-kitba Tibetana, bil-kitba Mongola Ċirillika, bil-kitba Lantsa sagra, bil-kitba Devanagari, bil-kitba Ċiniża tradizzjonali (isfel fuq ix-xellug), u biċ-Ċiniż simplifikat (isfel fuq il-lemin).

Is-sit li fuqu jinsab il-Palazz ta' Potala fl-imgħoddi kien palazz li nbena minn Songtsen Gampo fuq l-Għolja l-Ħamra.[10] Il-Palazz ta' Potala fih żewġ kappelli fir-rokna tal-Majjistral li jikkonservaw partijiet mill-binja oriġinali. Waħda hija dik ta' Phakpa Lhakhang, u l-oħra hija dik ta' Chogyel Drupuk, għar mistur identifikat bħala l-għar tal-meditazzjoni ta' Songtsen Gampo.[11] Lozang Gyatso, il-ħames Dalai Lama, beda l-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Potala modern fl-1645 wara li wieħed mill-konsulenti spiritwali tiegħu, Konchog Chophel (miet fl-1646), indika li s-sit kien ideali bħala sede tal-gvern, ladarba jinsab bejn il-monasteri ta' Drepung u ta' Sera u l-belt antika ta' Lhasa. L-istruttura esterna nbniet fi tliet snin, filwaqt li biex tlesta minn ġewwa strutturalment u bħala għamara, kienu meħtieġa 45 sena.[12] Id-Dalai Lama u l-gvern tiegħu marru jgħixu fil-Potrang Karpo (il-"Palazz Abjad") fl-1649. Il-kostruzzjoni baqgħet għaddejja sal-1694, xi tnax-il sena wara mewtu. Il-Palazz ta' Potala kien jintuża bħala palazz tax-xitwa mid-Dalai Lama minn dak iż-żmien. Il-Potrang Marpo (il-"Palazz Aħmar") żdied bejn l-1690 u l-1694.[13]

Isem il-palazz il-ġdid oriġina minn isem għolja fuq il-Kap ta' Comorin fil-ponta tan-Nofsinhar tal-Indja — ponta bil-blat meqjusa sagra għall-bodhisattva tal-kompassjoni, li huwa magħruf bħala Avalokitesvara jew Chenrezi. It-Tibetani stess qajla jitkellmu dwar il-post sagru bħala l-"Palazz ta' Potala", iżda iktar isejħulu bħala l-"Quċċata ta' Potala" (Tse Potala), jew sempliċement "il-Quċċata".[14]

Iċ-ċerimonja ta' Sertreng, ritratt ta' Hugh Edward Richardson tat-28 ta' April 1949 bl-istrixxun ġgantesk tat-thangka fuq il-faċċata bajda tal-palazz.

Il-palazz ġarrab ħsarat moderati matul ir-rewwixta Tibetana kontra ċ-Ċiniżi fl-1959, meta balal Ċiniżi ġew sparati lejn it-twieqi tal-palazz. Qabel ma Chamdo Jampa Kalden ma ntlaqat b'tir u ttieħed bħala priġunier mis-suldati tal-Armata tal-Liberazzjoni tal-Poplu, huwa stqarr li kien ra "balal tal-kanuni Ċiniżi neżlin fuq il-Palazz ta' Norbulingka wara nofsillejl tad-19 ta' Marzu 1959... Is-sema beda jiddi malli l-balal Ċiniżi laqtu l-Kulleġġ Mediku ta' Chakpori u l-Palazz ta' Potala". Il-palazz ħelisha ħafif ukoll matul ir-Rivoluzzjoni Kulturali fl-1966 permezz tal-intervent personali ta' Zhou Enlai, li dak iż-żmien kien il-Premier tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Skont l-istoriku Tibetan Tsering Woeser, il-palazz, li kellu fih "iktar minn 100,000 volum ta' skritturi u ta' dokumenti storiċi" u "bosta mħażen oħra ta' oġġetti prezzjużi, oġġetti artiġjanali, pitturi, oġġetti ta' mal-ħitan, statwi, u armaturi tal-qedem", "insteraqlu kważi kollox".

Il-Palazz ta' Potala tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1] Fis-sena 2000 u fl-2001, it-Tempju ta' Jokhang u l-Palazz ta' Norbulingka żdiedu mas-sit bħala estensjonijiet. Madankollu, il-modernizzazzjoni rapida hija tħassib għall-UNESCO, li esprimiet l-inkwiet tagħha rigward il-kostruzzjoni ta' strutturi moderni biswit il-palazz li jaf jheddu l-atmosfera unika tal-palazz. Il-gvern Ċiniż wieġeb billi ppromulga regola li tipprojbixxi l-kostruzzjoni ta' kwalunkwe struttura ogħla minn 21 metru fl-inħawi. L-UNESCO kienet imħassba wkoll rigward il-materjali użati matul ir-restawr tal-palazz, li beda fl-2002 b'kost ta' RMB180 miljun (US$22.5 miljun), għalkemm id-direttur tal-palazz, Qiangba Gesang, iċċara li ntużaw materjali u artiġjanali tradizzjonali biss. Il-palazz sarlu xi restawr ukoll bejn l-1989 u l-1994, b'kost ta' RMB55 miljun (US$6.875 miljun).

L-eks kwartieri tad-Dalai Lama. Il-figura fuq it-tron tirrappreżenta lil Tenzin Gyatso, id-Dalai Lama attwali.

Mill-1 ta' Mejju 2003, l-għadd ta' viżitaturi tal-palazz ġie ristrett għal 1,600 ruħ kuljum, u l-ħinijiet tal-ftuħ tnaqqsu għal sitt sigħat kuljum biex jiġi evitat l-iffollar. Il-palazz kien qed jilqa' medja ta' 1,500 ruħ kuljum qabel l-introduzzjoni tal-kwota, u xi kultant saħansitra iktar minn 5,000 ruħ f'jum wieħed. Iż-żjarat fuq il-bejt tal-istruttura ġew ipprojbiti wara li tlestew l-isforzi ta' restawr fl-2006 sabiex tiġi evitata iktar ħsara strutturali. Il-kwoti ta' viżitaturi żdiedu għal 2,300 ruħ kuljum sabiex jakkomodaw żieda ta' viżitaturi ta' 30 % mill-ftuħ tal-linja ferrovjarja ta' Qingzang sa Lhasa fl-1 ta' Lulju 2006, iżda l-kwota spiss tintlaħaq sa filgħodu. Il-ħinijiet tal-ftuħ ġew estiżi matul l-eqqel perjodu fix-xhur ta' Lulju sa Settembru, fejn normalment kien ikun hemm iktar minn 6,000 viżitatur.[15]

Fi Frar 2022, il-pop star Tibetan Tsewang Norbu ta n-nar lilu nnifsu quddiem il-Palazz ta' Potala u miet. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina kkontesta dan l-att.[16]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumpless Storiku tal-Palazz ta' Potala f'Lhasa ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Dettall tal-arkitettura tal-Palazz ta' Potala.

Mibni f'altitudni ta' 3,700 metru (12,100 pied), fuq ġenb ta' Ri Marpo (l-"Għolja Ħamra") fiċ-ċentru tal-Wied ta' Lhasa, il-Palazz ta' Potala, bil-ħitan enormi tiegħu għan-niżla b'bosta ringieli dritti fuq nett ta' twieqi, u b'bjut ċatti f'diversi livelli, jidher qisu fortizza. Fil-bażi tan-Nofsinhar hemm spazju kbir imdaqqar bil-ħitan u bid-daħliet, b'portiċi kbar fuq in-naħa ta' ġewwa. Sensiela ta' taraġ tollerabbli, interrotti b'intervalli ta' tlajja' ħfief, jagħtu sal-quċċata tal-għolja. Il-wisgħa kollha tal-għolja hija okkupata mill-palazz.

Il-parti ċentrali ta' dan il-grupp ta' binjiet hija olzata bħala massa kwadrangolari kbira fuq il-binjiet anċillari tagħha sa għoli kbir, u fil-qċaċet hemm kanopewijiet indurati simili għal dawk ta' fuq Jokhang. Din l-istruttura ċentrali tal-Palazz ta' Potala tissejjaħ il-"palazz aħmar" minħabba l-lewn ħamrani tagħha, li jiddistingwiha mill-bqija. Fiha s-swali, il-kappelli u s-santwarji prinċipali tad-Dalai Lama tal-imgħoddi. Fi ħdan dawn l-istrutturi hemm dekorazzjoni rikka b'pitturi, xogħol bil-ġojjellerija, tinqix u ornamentazzjoni oħra.

In-naħa bajda iktar baxxa fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-palazz kienet tintuża għall-olzar ta' żewġ thangkas ġganteski li jirrappreżentaw il-figuri ta' Tara u ta' Sakyamuni matul il-Festival ta' Sertreng fit-30 jum tat-tieni xahar Tibetan.

It-Tempju Ċiniż ta' Putuo Zongcheng, li huwa wkoll parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, inbena bejn l-1767 u l-1771, u parzjalment ġie mmudellat fuq il-Palazz ta' Potala. Il-palazz issejjaħ mill-programm televiżiv Amerikan Good Morning America u mill-gazzetta Amerikana USA Today bħala wieħed mis-"Seba' Għeġubijiet il-Ġodda".[17]

Il-Palazz ta' Leh, ta' disa' sulari, f'Leh, Ladakh, l-Indja, li nbena mir-Re Sengge Namgyal (għall-ħabta tal-1570–1642), kien prekursur tal-Palazz ta' Potala.

Il-Pilastri ta' Lhasa Zhol

[immodifika | immodifika s-sors]
Pilastru ta' Lhasa Zhol fl-1993.

Il-villaġġ ta' Lhasa Zhol fih żewġ pilastri tal-ġebel jew rdo-rings: pilastru tal-ġebel fuq ġewwa jew doring nangma, li jinsab fi ħdan il-ħitan tal-fortifikazzjoni tal-villaġġ, u pilastru tal-ġebel fuq barra jew doring chima, li oriġinarjament kien jinsab 'il barra mid-daħla tan-Nofsinhar tal-villaġġ. Illum il-ġurnata l-pilastru huwa daqsxejn mitluq lejn il-Lvant tal-Pjazza tal-Liberazzjoni, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-Triq ta' Beijing.

Id-doring chima jmur lura saħansitra sal-ħabta tas-764, "jew kemxejn wara", kif minqux f'dik li jaf hija l-eqdem eżempju magħruf ta' kitba Tibetana.

Il-pilastru fih dediki lil ġeneral Tibetan famuż u jagħti rendikont tas-servizzi tiegħu lir-re, inkluż il-kampanji militari kontra ċ-Ċina li laħqu l-qofol tagħha bil-ħtif għal żmien qasir tal-belt kapitali preċedenti taċ-Ċina Chang'an (illum Xi'an) fis-763, u matul dan iż-żmien it-Tibetani temporanjament poġġew bħala Imperatur lil membru mill-qrabat tal-Prinċipessa Jincheng Gongzhu (Kim-sheng Kong co), il-mara Ċiniża ta' missier Trisong Detsen, Me Agtsom.

  1. 1 2 3 4 "Historic Ensemble of the Potala Palace, Lhasa". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-23.
  2. Stein, R. A. Tibetan Civilization (1962). Faber & Faber, Londra (1972). Stanford University Press (1972), p. 84.
  3. Laird, Thomas. (2006). The Story of Tibet: Conversations with the Dalai Lama, pp. 175. Grove Press, New York. ISBN 978-0-8021-1827-1.
  4. Karmay, Samten C. (2005). "The Great Fifth", p. 1.
  5. W. D. Shakabpa, One hundred thousand moons, introduzzjoni ta' Derek F. Maher, Vol.1, BRILL, 2010, p. 48.
  6. Michael Dillon, China : a cultural and historical dictionary, Routledge, 1998, p. 184.
  7. Booz, Elisabeth B. (1986). Tibet, pp. 62–63. Passport Books, Hong Kong.
  8. Buckley, Michael and Strausss, Robert. Tibet: a travel survival kit, p. 131. Lonely Planet. South Yarra, Victoria, l-Awstralja. ISBN 0-908086-88-1.
  9. Stein, R. A. (1972). Tibetan Civilization, p. 228. Tradott minn J. E. Stapleton Driver. Stanford University Press, Stanford, California. ISBN 0-8047-0806-1 (drapp); ISBN 0-8047-0901-7 (karta).
  10. Derek F. Maher f'W. D. Shakabpa, One hundred thousand moons, BRILL, 2010, Vol. 1, p. 123.
  11. Gyurme Dorje, Tibet Handbook: With Bhutan, Footprint Travel Guides, 1999, pp. 101–103.
  12. W. D. Shakabpa, One hundred thousand moons, introduzzjoni ta' Derek F. Maher, BRILL, 2010, Vol.1, pp. 48–49.
  13. Stein, R. A. Tibetan Civilization (1962). Faber & Faber, Londra (1972). Stanford University Press (1972), p. 84.
  14. Lowell Thomas, Jr. (1951). Out of this World: Across the Himalayas to Tibet. 1952, p. 181. Macdonald & Co., Londra.
  15. "中华人民共和国驻美利坚合众国大使馆". us.china-embassy.gov.cn. Miġbur 2024-08-23.
  16. "Deciphering a Tibetan pop star's self-immolation". The Economist.
  17. America, Good Morning. "GMA". Good Morning America (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-23.