Aqbeż għall-kontentut

Palazz ta' Eggenberg

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Palazz ta' Eggenberg fix-xitwa.

Il-Palazz ta' Eggenberg (bil-Ġermaniż: Schloss Eggenberg) fi Graz huwa l-iżjed kumpless ta' palazz Barokk sinifikanti fl-istat Awstrijaku ta' Styria.[1] Bit-tiżjin ippreservat, il-ġonna xeniċi estensivi, kif ukoll uħud mill-kollezzjonijiet speċjali mill-Universalmuseum Joanneum li jinsabu fil-palazz u fil-park tal-madwar, il-Palazz ta' Eggenberg huwa fost l-iżjed teżori kulturali ta' valur fl-Awstrija. Il-Palazz ta' Eggenberg jinsab f'elevazzjoni ta' 381 metru fit-tarf tal-Punent tal-belt ta' Graz.[2] Id-disinn arkitettoniku tiegħu u l-impronta li għadha viżibbli ta' sekli ta' storja għadhom jixhdu l-ġrajjiet u l-patroċinju ta' waħda mill-iżjed dinastiji setgħana fi Styria, il-familja Eggenberg.

Fl-2010, l-importanza tal-Palazz ta' Eggenberg ġiet rikonoxxuta permezz ta' estensjoni taċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Graz bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Il-palazz huwa mdawwar bil-ħitan u għandu portal enormi li jħares lejn il-Punent. Il-palazz jinsab fid-distrett ta' Eggenberg fi Graz u wieħed jista' jasal għalih bit-tramm. Fin-naħa tat-Tramuntana tal-palazz hemm il-Ġnien tal-Planetarju u Lapidarju ta' opri tal-arti tal-ġebel tar-Rumani, kif ukoll id-daħla għall-Mużew il-ġdid tal-Arkeoloġija, li jospita l-Karru tal-Bronż ta' Strettweg. Fil-pjan terran, il-palazz jospita kollezzjoni ta' muniti (Sala tal-Muniti)[4] li tinsab fl-eks kmamar ta' Balthasar Eggenberger, sid il-liċenzja u l-operazzjonijiet taz-zekkar imperjali fil-Medju Evu Aħħari. Fis-sular ta' fuq, l-Alte Galerie[5] fiha firxa wiesgħa ta' pitturi, skulturi u opri tal-arti oħra minn żmien il-Medju Evu saż-żminijiet moderni bikrin, li jkopru 5 sekli ta' storja tal-arti Ewropea.

Perspettiva ideali tal-Palazz ta' Eggenberg. Inċiżjoni tar-ram ta' Andreas Trost, ta' qabel l-1700.

Mal-ewwel daqqa t'għajn, il-Palazz ta' Eggenberg jidher qisu kostruzzjoni ġdida u uniformi tas-seklu 17. Minkejja dan, partijiet kbar mill-binja jmorru lura għall-Medju Evu Aħħari u l-kostruzzjoni baqgħet għaddejja saż-żminijiet moderni bikrin.

Inċiżjoni tar-ram b'ritratt tal-Prinċep Hans Ulrich von Eggenberg, is-seklu 17.

Qabel l-1460, Balthasar Eggenberger, il-finanzier ta' Federiku III, l-Imperatur Ruman Sagru, xtara proprjetà fil-Punent ta' Graz li saret residenza nobbli fissa f'isem il-familja. Fis-snin ta' wara, ir-residenza tal-familja nbniet u tkabbret. Sal-1470 inbniet kappella Gotika fit-torri. Indulġenza Papali tat-30 ta' Mejju 1470 tirreferi għall-"Capella Beate Marie Virginis Sita in Castro Eckenperg", il-Kappella ta' Marija Verġni fil-Kastell ta' Eggenberg, li saret il-qalba tal-palazz il-ġdid li nbena mill-proneputi ta' Balthasar, Hans Ulrich von Eggenberg.[6]

Il-kuġin iż-żgħir tal-Ġeneral Ruprecht von Eggenberg, Hans Ulrich, bħala diplomatiku u statista mill-aqwa, mexxa l-politika barranija tal-imperatur tiegħu, Ferdinandu II, filwaqt li l-kontroparti u l-avversarju politiku ta' Eggenberg, il-Kardinal Richelieu ta' Franza, mexxa dik tar-Re Lwiġi XIII[7][8] matul il-Gwerra ta' Tletin Sena. Bħala Prim Ministru (skont it-terminoloġija politika kontemporanja)[9] u konsulent personali u tal-qalba ta' Ferdinandu II,[10][11] Hans Ulrich ried residenza grandjuża li tirrappreżenta l-istatus il-ġdid u l-awtorità tiegħu meta sar "Gubernator" (Gvernatur) tal-Innerösterreich wara li l-imperatur għażel lil Vjenna bħala l-belt kapitali imperjali tiegħu.[12] Fl-1625, il-Prinċep Hans Ulrich von Eggenberg ikkummissjona lill-arkitett tal-qorti Giovanni Pietro de Pomis biex jippjana l-palazz il-ġdid tiegħu, ispirat mill-El Escorial fi Spanja.[13] Bħala arkitett, pittur u medailleur (disinnjatur u zekkatur tal-medalji), de Pomis, li oriġina minn Lodi qrib Milan, sar l-iżjed artist importanti fil-qorti ta' Graz.[14] De Pomis inkorpora r-residenza Medjevali oriġinali tal-familja fil-palazz il-ġdid, u ssorvelja personalment ix-xogħol tal-kostruzzjoni sa mewtu fl-1631. Il-bennej prim tal-fortizzi Laurenz van de Syppe kompla x-xogħol għal sentejn sa ma l-binja tlestiet, fl-aħħar mill-aħħar, mill-ħaddiema ewlenin ta' de Pomis fis-sit, Pietro Valnegro u Antonio Pozzo. L-involukru tal-binja jidher li tlesta sal-1635 jew sal-1636. Bejn l-1641 u l-1646 tlesta wkoll ix-xogħol tat-tiżjin.

Fl-1666, Johann Seyfried von Eggenberg, in-neputi ta' Hans Ulrich, beda jiżviluppa l-palazz skont il-ġmiel u l-kobor tal-istil Barokk u fl-1673 ir-residenza reġgħet spikkat meta l-Arċidukessa Claudia Felicitas ta' Tirol kienet mistiedna fil-palazz fl-okkażjoni tat-tieġ tagħha fi Graz ma' Leopoldu I, l-Imperatur Ruman Sagru.[15] Taħt il-Prinċep Johann Seyfried, iċ-ċiklu komprensiv ta' pitturi tas-saqaf, madwar 600 pittura b'kollox fil-kmamamr tal-piano nobile (litteralment is-"sular nobbli") tlesta f'7 snin biss. Hans Adam Weissenkircher beda jaqdi r-rwol tiegħu bħala l-pittur tal-qorti tal-familja Eggenberg fl-1678. Huwa lesta ċ-ċiklu ta' pitturi tas-sala prinċipali tal-festini, il-Kamra famuża tal-Planetarju, fl-1684-1685. B'hekk, tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħol tat-tiżjin fil-Palazz ta' Eggenberg.

Wara l-estinzjoni tal-arblu tar-razza maskili tal-familja Eggenberg, il-kmamar statali tal-familja Eggenberg tħallew nofshom vojta u fi stat ta' telqa. Ir-raġel tal-aħħar prinċipessa tal-familja Eggenberg, Johann Leopold il-Konti Herberstein, ordna li jsir tiġdid komprensiv tal-kumpless.[16] Bejn l-1754 u l-1762, il-binja u l-ġonna saritilhom it-tieni fażi ta' tiżjin, din id-darba f'konformità għalkollox mal-gosti tar-Rokokò. Barra minn hekk, it-tiżjin tal-piano nobile ġie mmodernizzat. Minkejja dan, il-Kamra tal-Planetarju u ċ-ċiklu kollu tal-pitturi tas-saqaf tħallew kważi kif kienu. B'hekk, l-opri tal-arti huma limitati għal tiżjin mal-ħitan, kenuri u għamara. Skont il-gosti taż-żminijiet, żdiedu tliet biċċiet tal-għamara tal-Lvant tal-Asja u l-kmamar statali ġew impittrin mill-ġdid. L-iżjed bidla estensiva x'aktarx li kien it-tiġrif tat-teatru tal-Palazz ta' Eggenberg, sabiex minflok tiġi stabbilita knisja Barokka tal-palazz. Is-superviżur ta' dawn ix-xogħlijiet kien l-arkitett tal-qorti ta' Graz Joseph Hueber, student ta' Johann Lukas von Hildebrandt.

It-tielet fażi ta' bidliet seħħet matul is-seklu 19 u kienet limitata għall-kwartieri residenzjali tal-ewwel sular tal-palazz. Il-piano nobile baqa' kif kien u ma ntużax għal seklu sħiħ. L-enfasi primarja ta' dan il-perjodu kienet fuq it-trasformazzjoni totali tal-eks ġnien Barokk f'ġnien pajsaġġistiku Romantiku skont il-moda Ingliża.

Il-kumpless kollu baqa' fil-pussess tal-familja Herberstein sal-1939. Ftit qabel il-gwerra, il-Palazz ta' Eggenberg ġie akkwistat flimkien mal-park mill-istat ta' Styria. L-eqdem mużew fl-Awstrija, il-Joanneum, li ġie stabbilit fis-26 ta' Novembru 1811 mill-Arċiduka Johann tal-Awstrija, li ħa f'idejh il-ġestjoni tal-palazz u tal-park. Il-Joanneum wettaq xogħol estensiv ta' restawr biex jagħmel tajjeb għall-ħsarat li ġġarrbu matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-okkupazzjoni sussegwenti mill-Alleati, u fl-1953 il-Palazz u l-Park ta' Eggenberg finalment reġgħu nfetħu għall-pubbliku.

Permezz tar-residenza l-ġdida tiegħu, Hans Ulrich von Eggenberg, il-moħħ wara l-ispirazzjoni tal-kumpless, wettaq kunċett arkitettoniku influwenzat ferm min-nozzjonijiet umanistiċi tal-maġija bħala l-prassi tal-filosofija naturali u l-ordni razzjonali tad-dinja. Fuq kollox, l-astronomija, l-astroloġija u l-alkimija kienu komponenti ewlenin tal-edukazzjoni ta' prinċep dinji. Minbarra li jirrappreżentaw l-istatus il-ġdid tal-prinċep, dawn l-aspetti kollha ddaħħlu fil-viżjoni tal-binja l-ġdida bħala simbolu tal-kożmoloġija, bħala sistema ġerarkika, loġika, matematika u organizzata sew.

Il-Palazz ta' Eggenberg jiddependi fuq il-kalendarju Gregorjan bħala l-bażi ta' dan l-univers mibni. Il-palazz fih 365 tieqa fuq barra, waħda għal kull ġurnata tas-sena. Minnhom, 52 tieqa jinsabu fl-24 kamra tal-piano nobile u jirrappreżentaw il-ġimgħat ta' sena. It-tieni sular fih dawn l-24 kamra statali f'arranġament b'għamla ta' ċurkett, li jissimbolizzaw is-sigħat f'jum. Kull sular fil-binja fih 31 kamra eżatt, li huwa l-għadd massimu ta' jiem f'xahar kalendarju. It-52 tieqa tal-piano nobile bit-tmien twieqi tal-Kamra tal-Planetarju jammontaw għal 60 tieqa, li jirrappreżentaw kemm l-għadd ta' sekondi f'minuta, kif ukoll l-għadd ta' minuti f'siegħa.

Il-palazz inbena skont pjanta rettangolari biċ-ċentru ġeometriku ffurmat bit-torri tan-nofs bil-kappella Gotika tiegħu. F'kull rokna hemm qisu torri. Kull wieħed minnhom jirrappreżenta wieħed mill-erba' staġuni u n-naħa ta' barra ta' kull wieħed hija mmirata eżatt lejn direzzjoni kardinali.

Kamra tal-Planetarju

[immodifika | immodifika s-sors]
Pittura ta' Merkurju fil-Kamra tal-Planetarju.

Iċ-ċiklu tal-24 kamra statali jilħaq il-qofol tiegħu fis-sala prinċipali tal-festini, il-Kamra tal-Planetarju, u sservi kemm bħala l-bidu kif ukoll it-tmiem taċ-ċurkett ta' kmamar statali. Iċ-ċiklu ta' pitturi biż-żejt fuq it-tila f'din is-sala nħoloq minn Hans Adam Weissenkircher, u fih jidhru l-erba' elementi, it-12-il simbolu taż-żodjaku tal-Punent, u ovvjament is-seba' "pjaneti" klassiċi (planetes asteres: pjaneti stilel) magħrufa fil-qedem. Iċ-ċiklu ta' pitturi ta' Weissenkircher iżewweġ il-programm arkitettoniku mat-tiżjin tal-palazz u b'hekk joħloq allegorija tal-"Epoka tad-Deheb" taħt it-tmexxija tal-familja Eggenberg.

Iċ-ċiklu ta' xi 600 pittura tas-saqaf fl-24 kamra statali tal-piano nobile jfakkar l-istorja tad-dinja b'xeni mill-mitoloġija Griega u mill-mitoloġija Rumana, b'xeni reliġjużi mit-Testment il-Qadim, u leġġendi storiċi mill-Punent tal-Ewropa. Dan iċ-ċiklu ta' pitturi tas-saqaf b'gwarniċi tal-istukko jmur lura għall-ewwel perjodu ta' tiżjin fis-seklu 17.

Eggenberg Palace courtyard Detail
Il-bitħa interna ċentrali.

Taħt il-koppja miżżewġa Eggenberg-Herberstein, l-24 kamra tal-piano nobile ġew rinnovati skont il-gosti tar-Rokokò minn nofs is-seklu 18. Minbarra l-biċċiet ġodda tal-għamara, il-linef u l-kandilabri, u l-kenuri ta' kwalità għolja tal-fajjenza, kważi l-kmamar kollha ġew miksijin bid-damask ġdid u monokromatika tal-ħarir mal-ħitan. Ħames kmamar fin-naħa tat-Tramuntana tal-piano nobile ġew mgħammra b'tili kbar impittrin. L-artist ta' Styria Johann Anton Baptist Raunacher iddedika suġġett differenti għal kull kamra; il-logħob tar-rgħajja, xeni teatrali u xeni tal-logħob tal-azzard jinsabu biswit xeni soċjetali u xeni tal-kaċċa fil-Palazz ta' Eggenberg. Kien matul din il-fażi li t-teatru tal-Palazz ta' Eggenberg ġie kkonvertit fi knisja Barokka tal-palazz. Barra minn hekk, tliet armadji tal-Lvant tal-Asja ġew integrati fis-sekwenza ta' kmamar. L-ewwel tnejn huma mżejna bi platti u bi skutelli tal-porċellana ta' Imari ta' valur kif ukoll b'pitturi Ċiniżi fuq il-ħarir. Fit-tielet armadju mal-ħajt, intużaw tmien panewijiet diviżorji Ġappuniżi prezzjużi. Dawn il-panewijiet diviżorji tradizzjonali juru l-palazz u l-belt iffortifikata ta' Osaka qabel l-1615, u b'hekk jista' jiġi ddeterminat li dawn il-panewijiet twettqu ftit wara. Mill-era moderna bikrija, fadal ftit panewijiet diviżorji li juru l-belt qabel ma nqerdet, għaldaqstant dawn l-opri huma tassew notevoli u uniċi.[17]

Is-sejba tal-panewijiet diviżorji ħolqu għagħa kbir fil-Ġappun, peress li kwalunkwe fdal viżiv ta' żmien Hideyoshi kien rari. Matul iż-żjara statali tal-President tal-Awstrija fl-2009, ġie ffirmat memorandum ta' qbil li ħoloq partenarjat bejn il-Palazz ta' Eggenberg u l-Kastell ta' Osaka.[18]

Id-daħla tal-ġonna u tal-palazz.

Id-diversi sidien u sidien-bennejja dejjem ħarsu lejn il-palazz u l-ġonna ta' madwaru bħala elementi korrispondenti. B'hekk, kull ġenerazzjoni wara l-oħra wettqet bidliet sinifikanti.

L-ikbar espansjoni tal-ġnien seħħet wara t-tlestija tal-palazz. Fl-aħħar terz tas-seklu 17, il-ġnien ġie estiż b'mod ġeneruż madwar il-binja. Segwa l-mudell tal-ġnien Taljan b'suddiviżjonijiet stretti, b'parterres, boskijiet, funatini, guvi u ġonna bil-faġani.

Johann Leopold il-Konti Herberstein ippermetta li l-arranġament kollu tal-ġonna ta' madwar il-palazz jissawwar mill-ġdid fi ġnien Franċiż. Diġà fis-snin 70 tas-seklu 18, il-Ġonna tal-Palazz ta' Eggenberg kienu attrazzjoni miftuħa għall-pubbliku ta' Graz.

Pajsaġġ bl-ilma fil-ġnien Ingliż.

Madankollu, bil-wasla tal-Illuminiżmu u l-liberalizzazzjoni tal-ideat taħt Ġużeppi II, l-Imperatur Ruman Sagru, sal-aħħar tas-seklu 18, il-ġonna Barokki bdew jitqiesu bħala koroh peress li kellhom isegwu normi wisq stretti. Jérôme il-Konti Herberstein, bħala fanatiku li kien iħobb ħafna l-ġonna, kien ta' din il-fehma wkoll u fl-1802 qanqal it-trasformazzjoni stilistika tal-Park tal-Palazz ta' Eggenberg f'ġnien Ingliż pittoresk.[19] Il-labrinti, il-funtani, il-mogħdijiet dritti u l-mudelli ġerarkiċi kollha kellu jitwarrbu favur ir-"ritorn tan-natura" fis-sens ta' Jean-Jacques Rousseau. Apparti l-mogħdija dritta tad-daħla li ġiet ippreservata, l-għan kien li jinħolqu veduti artifiċjali bil-mogħdijiet iserrpu ġodda u l-illużjoni li wieħed jinsab f'pajsaġġ pittoresk Arkadjan bħal dak ta' Claude Lorraine, li x-xogħlijiet tiegħu ispiraw lil Stourhead kif ukoll bosta oħrajn. L-Għolja tal-Ward li ġiet irrestawrata dan l-aħħar iffurmat il-qofol ta' dan il-park pajsaġġistiku tas-seklu 19.[20]

Fil-bidu tas-seklu 20 l-interess fil-ġonna tal-palazz batta u l-Park tal-Palazz ta' Eggenberg ma baqax jimpjega ġardinar. Dan wassal għall-konsegwenzi fejn elementi individwali tal-ġnien inqerdu, u wara deċennji, il-kumplament imtela' ħaxix ħażin; b'hekk l-arranġament kollu tal-park sar bejn wieħed u ieħor qisu sempliċi park tal-belt.

Fl-1993, f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju Federali tal-Awstrija għall-Ġestjoni tal-Wirt Kulturali (Bundesdenkmalamt), inbeda proġett ta' rinnovazzjoni tal-ġonna bl-għanijiet ta' preservazzjoni u ta' rikostruzzjoni tal-ġonna bħala monument kulturali tar-Romantiċiżmu. L-elementi li kienu għadhom jeżistu saru iktar rikonoxxibbli u ġew protetti, u l-elementi li ntilfu ġew rikostruwiti kemm jista' jkun. Il-fażijiet inizjali ta' dan il-proġett tlestew diġà u huma r-rikostruzzjoni tal-Ġnien tal-Kolazzjon tal-1848 wara l-palazz u r-restawr u r-rinnovazzjoni, li seħħew matul ix-xhur tax-xitwa tal-2007-2008, tal-Għolja tal-Ward, wieħed mill-iżjed komponenti importanti tal-ġnien pajsaġġistiku Ingliż Romantiku.

Barra minn hekk, il-paguni mill-Ġnien tal-Paguni ta' Graz li qabel kien jinsab bejn iċ-ċentru storiku u l-park tal-belt bdew jiġu ospitati fil-Park tal-Palazz ta' Eggenberg. L-ispeċijiet ta' paguni huma l-varjetà bajda u l-varjetà blu iktar komuni tal-pagun tal-Indja. Matul l-istaġun tan-namra tagħhom, l-għajta kbira tal-paguni maskili flimkien mar-rix ileqq tagħhom iżidu perspettiva eżotika mal-ġmiel tal-park, huma u jippruvaw jattiraw il-paguni femminili ikbar iżda inqas ikkuluriti.

Ġnien tal-Planetarju

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta mill-ajru tal-Ġnien tal-Planetarju.

Fin-naħa tat-Tramuntana tal-ġonna, hemm ġnien magħluq separat li għadda minn bosta trasformazzjonijiet u użi matul l-istorja tal-palazz u fl-aħħar mill-aħħar baqa' jintagħraf biss mill-istruttura spazjali tiegħu.

Minħabba n-nuqqas ta' rekords eżistenti, fis-sena 2000 ġie deċiż disinn ġdid għall-ġnien bil-fjuri minn idea tal-qedem. L-arkitett pajsaġġistiku Helga Tornquist ħadet f'idejha t-tema tal-iskema tal-Palazz ta' Eggenberg u inkorporatha fil-ħolqien ta' ġnien kontemporanju. Dan id-disinn juża s-sistema antika tas-simboli planetarji, li hija ta' importanza speċjali għall-ikonografija tal-Palazz ta' Eggenberg.[21] Il-Lapidarju ġie stabbilit fuq il-pedamenti tal-eks għalqa tas-siġar tal-larinġ bħala punt ta' interess u biex jipprovdi ambjent xieraq għall-kollezzjoni ta' opri tal-ġebel tar-Rumani tal-Joanneum.

Fil-ħarifa tal-2009, fil-Palazz ta' Eggenberg, infetħet kamra ġdida taħt l-art biswit il-Lapidarju li tospita l-kollezzjonijiet arkeoloġiċi preistoriċi u tal-istorja bikrija tal-Joanneum, u tlestiet għalkollox għaċ-ċelebrazzjonijiet biċentenarji tal-Joanneum fl-2011.

Paguni fuq il-pont tal-palazz.

Munita kommemorattiva tal-fidda tal-ewro

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2002, iz-Zekka tal-Awstrija rrikonoxxiet l-importanza tal-Palazz ta' Eggenberg, billu użatu bħala l-motiv prinċipali ta' waħda mill-muniti kommemorattivi tal-fidda tal-ewro tagħha: il-munita kommemorattiva tal-fidda ta' 10 ewro tal-Palazz ta' Eggenberg. In-naħa ta' wara tal-munita turi xbieha ta' Johannes Kepler, li kien qrib il-familja Eggenberg u li għallem fl-eks skola Protestanta fi Graz. L-ewwel xogħol ewlieni tiegħu, Mysterium Cosmographicum li jiddeskrivi s-sistema skont Copernicus, inkiteb meta kien għadu fi Graz, u x'aktarx ġie influwenzat mis-simboliżmu tad-disinn tal-palazz.[22]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt ta' Graz ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999. Is-sit ġie estiż bil-Kastell ta' Eggenberg fl-2010.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

  • Das Joanneum – Österreichs Universalmuseum [dokumentarju DVD], Günther Schilhan (direttur) & Helmut Gesslbauer (produttur), l-Awstrija: ORF Steiermark, 2006.
  • Schloss Eggenberg. Barbara Kaiser. Graz: Christian Brandstätter Verlag, 2006. ISBN 978-3-902510-80-8 (bl-Ingliż) or ISBN 978-3-902510-96-9 (bil-Ġermaniż).
  • Planet Eggenberg. Hermann Götz. Graz: Landesmuseum Joanneum / Leykam Medien AG, 2005.
  • Ôsaka zu byôbu: Ein Stellschirm mit Ansichten der Burgstadt Ôsaka in Schloss Eggenberg. in Joannea Neu Folge, Band 1. Franziska Ehmcke et al. Graz: Universalmuseum Joanneum, 2010. ISBN 978-3-902095-32-9.
  • The Thirty Years War. Cicely Veronica Wedgwood. Garden City, NY: Anchor Books, 1961. Maħruġ mill-ġdid minn NYRB Classics, 2005. ISBN 978-1-59017-146-2.
  • Hans Ulrich Fürst von Eggenberg: Freund und erster Minister Kaiser Ferdinand II. Hans von Zwiedineck-Südenhorst. Charleston, SC: BiblioBazaar, 2009. ISBN 978-1-113-02782-5.
  • Ein Staat in Alt-Österreich: Besitzungen der Eggenberger. Franz Kammerhofer. Graz: Franz Kammerhofer, 1998. ISBN 978-3-9500808-1-0.
  • Die Fürsten und Freiherren zu Eggenberg und ihre Vorfahren. Walther Ernest Heydendorff. Graz: Verlag Styria, 1965.
  • Alte Galerie – Masterpieces. Ulrich Becker et al. Graz: Landesmuseum Joanneum, 2005. (bl-Ingliż) ISBN 978-3-7011-7533-8.
  • Der Eggenberger Altar. Paul W. Roth et al. Vjenna, l-Awstrija: Österreichische Galerie Belvedere, 2001.
  • Schloss Eggenberg: Lernbehelf für Guides. Barbara Kaiser. Graz: Landesmuseum Joanneum, 2001.
  • Hans Adam Weissenkircher: Fürstlich Eggenbergischer Hofmaler. Barbara Ruck. Graz: Landesmuseum Joanneum, 1985.
  1. Das Joanneum – Österreichs Universalmuseum. 2006.
  2. elevationmap.net. "Eggenberg, Vorchdorf, Gmunden, Österreich on the Elevation Map. Topographic Map of Eggenberg, Vorchdorf, Gmunden, Österreich". elevationmap.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-31.
  3. 1 2 3 "City of Graz – Historic Centre and Schloss Eggenberg - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-31.
  4. "Coin Cabinet". www.museum-joanneum.at (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-31.
  5. "Alte Galerie - Permanent Collection | Alte Galerie, Schloss Eggenberg". www.museum-joanneum.at (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-10-29. Miġbur 2025-03-31.
  6. Becker, U. "The Eggenberg Altarpiece" in Schloss Eggenberg. Graz: Christian Brandstätter Verlag, 2006, p. 14.
  7. The Thirty Years War. 1961, p. 183.
  8. Schloss Eggenberg. 2006, p. 105.
  9. Die Fürsten und Freiherren zu Eggenberg und ihre Vorfahren. 1965, p. 90.
  10. Schloss Eggenberg. 2006, p. 43.
  11. The Thirty Years War. 1961, p. 60.
  12. Schloss Eggenberg. 2006, p. 97.
  13. Schloss Eggenberg. 2006, p. 98.
  14. Schloss Eggenberg. 2006, p. 86.
  15. Schloss Eggenberg. 2006, p. 68.
  16. Schloss Eggenberg. 2006, p. 204.
  17. Ôsaka zu byôbu. 2010, p. 8.
  18. "The Ôsaka Folding Screen - State Rooms | Schloss Eggenberg". web.archive.org. 2023-10-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-10-30. Miġbur 2025-03-31.
  19. Schloss Eggenberg. 2006, p. 259.
  20. Schloss Eggenberg. 2006, p. 262.
  21. Schloss Eggenberg. 2006, p. 284.
  22. "Austrian Mint - Silver Coins". web.archive.org. 2011-05-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-31. Miġbur 2025-03-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)