Palazz ta' Eggenberg

Il-Palazz ta' Eggenberg (bil-Ġermaniż: Schloss Eggenberg) fi Graz huwa l-iżjed kumpless ta' palazz Barokk sinifikanti fl-istat Awstrijaku ta' Styria.[1] Bit-tiżjin ippreservat, il-ġonna xeniċi estensivi, kif ukoll uħud mill-kollezzjonijiet speċjali mill-Universalmuseum Joanneum li jinsabu fil-palazz u fil-park tal-madwar, il-Palazz ta' Eggenberg huwa fost l-iżjed teżori kulturali ta' valur fl-Awstrija. Il-Palazz ta' Eggenberg jinsab f'elevazzjoni ta' 381 metru fit-tarf tal-Punent tal-belt ta' Graz.[2] Id-disinn arkitettoniku tiegħu u l-impronta li għadha viżibbli ta' sekli ta' storja għadhom jixhdu l-ġrajjiet u l-patroċinju ta' waħda mill-iżjed dinastiji setgħana fi Styria, il-familja Eggenberg.
Fl-2010, l-importanza tal-Palazz ta' Eggenberg ġiet rikonoxxuta permezz ta' estensjoni taċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Graz bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]
Il-palazz huwa mdawwar bil-ħitan u għandu portal enormi li jħares lejn il-Punent. Il-palazz jinsab fid-distrett ta' Eggenberg fi Graz u wieħed jista' jasal għalih bit-tramm. Fin-naħa tat-Tramuntana tal-palazz hemm il-Ġnien tal-Planetarju u Lapidarju ta' opri tal-arti tal-ġebel tar-Rumani, kif ukoll id-daħla għall-Mużew il-ġdid tal-Arkeoloġija, li jospita l-Karru tal-Bronż ta' Strettweg. Fil-pjan terran, il-palazz jospita kollezzjoni ta' muniti (Sala tal-Muniti)[4] li tinsab fl-eks kmamar ta' Balthasar Eggenberger, sid il-liċenzja u l-operazzjonijiet taz-zekkar imperjali fil-Medju Evu Aħħari. Fis-sular ta' fuq, l-Alte Galerie[5] fiha firxa wiesgħa ta' pitturi, skulturi u opri tal-arti oħra minn żmien il-Medju Evu saż-żminijiet moderni bikrin, li jkopru 5 sekli ta' storja tal-arti Ewropea.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Mal-ewwel daqqa t'għajn, il-Palazz ta' Eggenberg jidher qisu kostruzzjoni ġdida u uniformi tas-seklu 17. Minkejja dan, partijiet kbar mill-binja jmorru lura għall-Medju Evu Aħħari u l-kostruzzjoni baqgħet għaddejja saż-żminijiet moderni bikrin.

Qabel l-1460, Balthasar Eggenberger, il-finanzier ta' Federiku III, l-Imperatur Ruman Sagru, xtara proprjetà fil-Punent ta' Graz li saret residenza nobbli fissa f'isem il-familja. Fis-snin ta' wara, ir-residenza tal-familja nbniet u tkabbret. Sal-1470 inbniet kappella Gotika fit-torri. Indulġenza Papali tat-30 ta' Mejju 1470 tirreferi għall-"Capella Beate Marie Virginis Sita in Castro Eckenperg", il-Kappella ta' Marija Verġni fil-Kastell ta' Eggenberg, li saret il-qalba tal-palazz il-ġdid li nbena mill-proneputi ta' Balthasar, Hans Ulrich von Eggenberg.[6]
Il-kuġin iż-żgħir tal-Ġeneral Ruprecht von Eggenberg, Hans Ulrich, bħala diplomatiku u statista mill-aqwa, mexxa l-politika barranija tal-imperatur tiegħu, Ferdinandu II, filwaqt li l-kontroparti u l-avversarju politiku ta' Eggenberg, il-Kardinal Richelieu ta' Franza, mexxa dik tar-Re Lwiġi XIII[7][8] matul il-Gwerra ta' Tletin Sena. Bħala Prim Ministru (skont it-terminoloġija politika kontemporanja)[9] u konsulent personali u tal-qalba ta' Ferdinandu II,[10][11] Hans Ulrich ried residenza grandjuża li tirrappreżenta l-istatus il-ġdid u l-awtorità tiegħu meta sar "Gubernator" (Gvernatur) tal-Innerösterreich wara li l-imperatur għażel lil Vjenna bħala l-belt kapitali imperjali tiegħu.[12] Fl-1625, il-Prinċep Hans Ulrich von Eggenberg ikkummissjona lill-arkitett tal-qorti Giovanni Pietro de Pomis biex jippjana l-palazz il-ġdid tiegħu, ispirat mill-El Escorial fi Spanja.[13] Bħala arkitett, pittur u medailleur (disinnjatur u zekkatur tal-medalji), de Pomis, li oriġina minn Lodi qrib Milan, sar l-iżjed artist importanti fil-qorti ta' Graz.[14] De Pomis inkorpora r-residenza Medjevali oriġinali tal-familja fil-palazz il-ġdid, u ssorvelja personalment ix-xogħol tal-kostruzzjoni sa mewtu fl-1631. Il-bennej prim tal-fortizzi Laurenz van de Syppe kompla x-xogħol għal sentejn sa ma l-binja tlestiet, fl-aħħar mill-aħħar, mill-ħaddiema ewlenin ta' de Pomis fis-sit, Pietro Valnegro u Antonio Pozzo. L-involukru tal-binja jidher li tlesta sal-1635 jew sal-1636. Bejn l-1641 u l-1646 tlesta wkoll ix-xogħol tat-tiżjin.
Fl-1666, Johann Seyfried von Eggenberg, in-neputi ta' Hans Ulrich, beda jiżviluppa l-palazz skont il-ġmiel u l-kobor tal-istil Barokk u fl-1673 ir-residenza reġgħet spikkat meta l-Arċidukessa Claudia Felicitas ta' Tirol kienet mistiedna fil-palazz fl-okkażjoni tat-tieġ tagħha fi Graz ma' Leopoldu I, l-Imperatur Ruman Sagru.[15] Taħt il-Prinċep Johann Seyfried, iċ-ċiklu komprensiv ta' pitturi tas-saqaf, madwar 600 pittura b'kollox fil-kmamamr tal-piano nobile (litteralment is-"sular nobbli") tlesta f'7 snin biss. Hans Adam Weissenkircher beda jaqdi r-rwol tiegħu bħala l-pittur tal-qorti tal-familja Eggenberg fl-1678. Huwa lesta ċ-ċiklu ta' pitturi tas-sala prinċipali tal-festini, il-Kamra famuża tal-Planetarju, fl-1684-1685. B'hekk, tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħol tat-tiżjin fil-Palazz ta' Eggenberg.
Wara l-estinzjoni tal-arblu tar-razza maskili tal-familja Eggenberg, il-kmamar statali tal-familja Eggenberg tħallew nofshom vojta u fi stat ta' telqa. Ir-raġel tal-aħħar prinċipessa tal-familja Eggenberg, Johann Leopold il-Konti Herberstein, ordna li jsir tiġdid komprensiv tal-kumpless.[16] Bejn l-1754 u l-1762, il-binja u l-ġonna saritilhom it-tieni fażi ta' tiżjin, din id-darba f'konformità għalkollox mal-gosti tar-Rokokò. Barra minn hekk, it-tiżjin tal-piano nobile ġie mmodernizzat. Minkejja dan, il-Kamra tal-Planetarju u ċ-ċiklu kollu tal-pitturi tas-saqaf tħallew kważi kif kienu. B'hekk, l-opri tal-arti huma limitati għal tiżjin mal-ħitan, kenuri u għamara. Skont il-gosti taż-żminijiet, żdiedu tliet biċċiet tal-għamara tal-Lvant tal-Asja u l-kmamar statali ġew impittrin mill-ġdid. L-iżjed bidla estensiva x'aktarx li kien it-tiġrif tat-teatru tal-Palazz ta' Eggenberg, sabiex minflok tiġi stabbilita knisja Barokka tal-palazz. Is-superviżur ta' dawn ix-xogħlijiet kien l-arkitett tal-qorti ta' Graz Joseph Hueber, student ta' Johann Lukas von Hildebrandt.
It-tielet fażi ta' bidliet seħħet matul is-seklu 19 u kienet limitata għall-kwartieri residenzjali tal-ewwel sular tal-palazz. Il-piano nobile baqa' kif kien u ma ntużax għal seklu sħiħ. L-enfasi primarja ta' dan il-perjodu kienet fuq it-trasformazzjoni totali tal-eks ġnien Barokk f'ġnien pajsaġġistiku Romantiku skont il-moda Ingliża.
Il-kumpless kollu baqa' fil-pussess tal-familja Herberstein sal-1939. Ftit qabel il-gwerra, il-Palazz ta' Eggenberg ġie akkwistat flimkien mal-park mill-istat ta' Styria. L-eqdem mużew fl-Awstrija, il-Joanneum, li ġie stabbilit fis-26 ta' Novembru 1811 mill-Arċiduka Johann tal-Awstrija, li ħa f'idejh il-ġestjoni tal-palazz u tal-park. Il-Joanneum wettaq xogħol estensiv ta' restawr biex jagħmel tajjeb għall-ħsarat li ġġarrbu matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-okkupazzjoni sussegwenti mill-Alleati, u fl-1953 il-Palazz u l-Park ta' Eggenberg finalment reġgħu nfetħu għall-pubbliku.
Skema
[immodifika | immodifika s-sors]Permezz tar-residenza l-ġdida tiegħu, Hans Ulrich von Eggenberg, il-moħħ wara l-ispirazzjoni tal-kumpless, wettaq kunċett arkitettoniku influwenzat ferm min-nozzjonijiet umanistiċi tal-maġija bħala l-prassi tal-filosofija naturali u l-ordni razzjonali tad-dinja. Fuq kollox, l-astronomija, l-astroloġija u l-alkimija kienu komponenti ewlenin tal-edukazzjoni ta' prinċep dinji. Minbarra li jirrappreżentaw l-istatus il-ġdid tal-prinċep, dawn l-aspetti kollha ddaħħlu fil-viżjoni tal-binja l-ġdida bħala simbolu tal-kożmoloġija, bħala sistema ġerarkika, loġika, matematika u organizzata sew.
Il-Palazz ta' Eggenberg jiddependi fuq il-kalendarju Gregorjan bħala l-bażi ta' dan l-univers mibni. Il-palazz fih 365 tieqa fuq barra, waħda għal kull ġurnata tas-sena. Minnhom, 52 tieqa jinsabu fl-24 kamra tal-piano nobile u jirrappreżentaw il-ġimgħat ta' sena. It-tieni sular fih dawn l-24 kamra statali f'arranġament b'għamla ta' ċurkett, li jissimbolizzaw is-sigħat f'jum. Kull sular fil-binja fih 31 kamra eżatt, li huwa l-għadd massimu ta' jiem f'xahar kalendarju. It-52 tieqa tal-piano nobile bit-tmien twieqi tal-Kamra tal-Planetarju jammontaw għal 60 tieqa, li jirrappreżentaw kemm l-għadd ta' sekondi f'minuta, kif ukoll l-għadd ta' minuti f'siegħa.
Il-palazz inbena skont pjanta rettangolari biċ-ċentru ġeometriku ffurmat bit-torri tan-nofs bil-kappella Gotika tiegħu. F'kull rokna hemm qisu torri. Kull wieħed minnhom jirrappreżenta wieħed mill-erba' staġuni u n-naħa ta' barra ta' kull wieħed hija mmirata eżatt lejn direzzjoni kardinali.
Kamra tal-Planetarju
[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċiklu tal-24 kamra statali jilħaq il-qofol tiegħu fis-sala prinċipali tal-festini, il-Kamra tal-Planetarju, u sservi kemm bħala l-bidu kif ukoll it-tmiem taċ-ċurkett ta' kmamar statali. Iċ-ċiklu ta' pitturi biż-żejt fuq it-tila f'din is-sala nħoloq minn Hans Adam Weissenkircher, u fih jidhru l-erba' elementi, it-12-il simbolu taż-żodjaku tal-Punent, u ovvjament is-seba' "pjaneti" klassiċi (planetes asteres: pjaneti stilel) magħrufa fil-qedem. Iċ-ċiklu ta' pitturi ta' Weissenkircher iżewweġ il-programm arkitettoniku mat-tiżjin tal-palazz u b'hekk joħloq allegorija tal-"Epoka tad-Deheb" taħt it-tmexxija tal-familja Eggenberg.
Piano nobile
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċiklu ta' xi 600 pittura tas-saqaf fl-24 kamra statali tal-piano nobile jfakkar l-istorja tad-dinja b'xeni mill-mitoloġija Griega u mill-mitoloġija Rumana, b'xeni reliġjużi mit-Testment il-Qadim, u leġġendi storiċi mill-Punent tal-Ewropa. Dan iċ-ċiklu ta' pitturi tas-saqaf b'gwarniċi tal-istukko jmur lura għall-ewwel perjodu ta' tiżjin fis-seklu 17.

Taħt il-koppja miżżewġa Eggenberg-Herberstein, l-24 kamra tal-piano nobile ġew rinnovati skont il-gosti tar-Rokokò minn nofs is-seklu 18. Minbarra l-biċċiet ġodda tal-għamara, il-linef u l-kandilabri, u l-kenuri ta' kwalità għolja tal-fajjenza, kważi l-kmamar kollha ġew miksijin bid-damask ġdid u monokromatika tal-ħarir mal-ħitan. Ħames kmamar fin-naħa tat-Tramuntana tal-piano nobile ġew mgħammra b'tili kbar impittrin. L-artist ta' Styria Johann Anton Baptist Raunacher iddedika suġġett differenti għal kull kamra; il-logħob tar-rgħajja, xeni teatrali u xeni tal-logħob tal-azzard jinsabu biswit xeni soċjetali u xeni tal-kaċċa fil-Palazz ta' Eggenberg. Kien matul din il-fażi li t-teatru tal-Palazz ta' Eggenberg ġie kkonvertit fi knisja Barokka tal-palazz. Barra minn hekk, tliet armadji tal-Lvant tal-Asja ġew integrati fis-sekwenza ta' kmamar. L-ewwel tnejn huma mżejna bi platti u bi skutelli tal-porċellana ta' Imari ta' valur kif ukoll b'pitturi Ċiniżi fuq il-ħarir. Fit-tielet armadju mal-ħajt, intużaw tmien panewijiet diviżorji Ġappuniżi prezzjużi. Dawn il-panewijiet diviżorji tradizzjonali juru l-palazz u l-belt iffortifikata ta' Osaka qabel l-1615, u b'hekk jista' jiġi ddeterminat li dawn il-panewijiet twettqu ftit wara. Mill-era moderna bikrija, fadal ftit panewijiet diviżorji li juru l-belt qabel ma nqerdet, għaldaqstant dawn l-opri huma tassew notevoli u uniċi.[17]
Is-sejba tal-panewijiet diviżorji ħolqu għagħa kbir fil-Ġappun, peress li kwalunkwe fdal viżiv ta' żmien Hideyoshi kien rari. Matul iż-żjara statali tal-President tal-Awstrija fl-2009, ġie ffirmat memorandum ta' qbil li ħoloq partenarjat bejn il-Palazz ta' Eggenberg u l-Kastell ta' Osaka.[18]
Ġonna
[immodifika | immodifika s-sors]
Id-diversi sidien u sidien-bennejja dejjem ħarsu lejn il-palazz u l-ġonna ta' madwaru bħala elementi korrispondenti. B'hekk, kull ġenerazzjoni wara l-oħra wettqet bidliet sinifikanti.
L-ikbar espansjoni tal-ġnien seħħet wara t-tlestija tal-palazz. Fl-aħħar terz tas-seklu 17, il-ġnien ġie estiż b'mod ġeneruż madwar il-binja. Segwa l-mudell tal-ġnien Taljan b'suddiviżjonijiet stretti, b'parterres, boskijiet, funatini, guvi u ġonna bil-faġani.
Johann Leopold il-Konti Herberstein ippermetta li l-arranġament kollu tal-ġonna ta' madwar il-palazz jissawwar mill-ġdid fi ġnien Franċiż. Diġà fis-snin 70 tas-seklu 18, il-Ġonna tal-Palazz ta' Eggenberg kienu attrazzjoni miftuħa għall-pubbliku ta' Graz.

Madankollu, bil-wasla tal-Illuminiżmu u l-liberalizzazzjoni tal-ideat taħt Ġużeppi II, l-Imperatur Ruman Sagru, sal-aħħar tas-seklu 18, il-ġonna Barokki bdew jitqiesu bħala koroh peress li kellhom isegwu normi wisq stretti. Jérôme il-Konti Herberstein, bħala fanatiku li kien iħobb ħafna l-ġonna, kien ta' din il-fehma wkoll u fl-1802 qanqal it-trasformazzjoni stilistika tal-Park tal-Palazz ta' Eggenberg f'ġnien Ingliż pittoresk.[19] Il-labrinti, il-funtani, il-mogħdijiet dritti u l-mudelli ġerarkiċi kollha kellu jitwarrbu favur ir-"ritorn tan-natura" fis-sens ta' Jean-Jacques Rousseau. Apparti l-mogħdija dritta tad-daħla li ġiet ippreservata, l-għan kien li jinħolqu veduti artifiċjali bil-mogħdijiet iserrpu ġodda u l-illużjoni li wieħed jinsab f'pajsaġġ pittoresk Arkadjan bħal dak ta' Claude Lorraine, li x-xogħlijiet tiegħu ispiraw lil Stourhead kif ukoll bosta oħrajn. L-Għolja tal-Ward li ġiet irrestawrata dan l-aħħar iffurmat il-qofol ta' dan il-park pajsaġġistiku tas-seklu 19.[20]
Fil-bidu tas-seklu 20 l-interess fil-ġonna tal-palazz batta u l-Park tal-Palazz ta' Eggenberg ma baqax jimpjega ġardinar. Dan wassal għall-konsegwenzi fejn elementi individwali tal-ġnien inqerdu, u wara deċennji, il-kumplament imtela' ħaxix ħażin; b'hekk l-arranġament kollu tal-park sar bejn wieħed u ieħor qisu sempliċi park tal-belt.
Fl-1993, f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju Federali tal-Awstrija għall-Ġestjoni tal-Wirt Kulturali (Bundesdenkmalamt), inbeda proġett ta' rinnovazzjoni tal-ġonna bl-għanijiet ta' preservazzjoni u ta' rikostruzzjoni tal-ġonna bħala monument kulturali tar-Romantiċiżmu. L-elementi li kienu għadhom jeżistu saru iktar rikonoxxibbli u ġew protetti, u l-elementi li ntilfu ġew rikostruwiti kemm jista' jkun. Il-fażijiet inizjali ta' dan il-proġett tlestew diġà u huma r-rikostruzzjoni tal-Ġnien tal-Kolazzjon tal-1848 wara l-palazz u r-restawr u r-rinnovazzjoni, li seħħew matul ix-xhur tax-xitwa tal-2007-2008, tal-Għolja tal-Ward, wieħed mill-iżjed komponenti importanti tal-ġnien pajsaġġistiku Ingliż Romantiku.
Barra minn hekk, il-paguni mill-Ġnien tal-Paguni ta' Graz li qabel kien jinsab bejn iċ-ċentru storiku u l-park tal-belt bdew jiġu ospitati fil-Park tal-Palazz ta' Eggenberg. L-ispeċijiet ta' paguni huma l-varjetà bajda u l-varjetà blu iktar komuni tal-pagun tal-Indja. Matul l-istaġun tan-namra tagħhom, l-għajta kbira tal-paguni maskili flimkien mar-rix ileqq tagħhom iżidu perspettiva eżotika mal-ġmiel tal-park, huma u jippruvaw jattiraw il-paguni femminili ikbar iżda inqas ikkuluriti.
Ġnien tal-Planetarju
[immodifika | immodifika s-sors]
Fin-naħa tat-Tramuntana tal-ġonna, hemm ġnien magħluq separat li għadda minn bosta trasformazzjonijiet u użi matul l-istorja tal-palazz u fl-aħħar mill-aħħar baqa' jintagħraf biss mill-istruttura spazjali tiegħu.
Minħabba n-nuqqas ta' rekords eżistenti, fis-sena 2000 ġie deċiż disinn ġdid għall-ġnien bil-fjuri minn idea tal-qedem. L-arkitett pajsaġġistiku Helga Tornquist ħadet f'idejha t-tema tal-iskema tal-Palazz ta' Eggenberg u inkorporatha fil-ħolqien ta' ġnien kontemporanju. Dan id-disinn juża s-sistema antika tas-simboli planetarji, li hija ta' importanza speċjali għall-ikonografija tal-Palazz ta' Eggenberg.[21] Il-Lapidarju ġie stabbilit fuq il-pedamenti tal-eks għalqa tas-siġar tal-larinġ bħala punt ta' interess u biex jipprovdi ambjent xieraq għall-kollezzjoni ta' opri tal-ġebel tar-Rumani tal-Joanneum.
Fil-ħarifa tal-2009, fil-Palazz ta' Eggenberg, infetħet kamra ġdida taħt l-art biswit il-Lapidarju li tospita l-kollezzjonijiet arkeoloġiċi preistoriċi u tal-istorja bikrija tal-Joanneum, u tlestiet għalkollox għaċ-ċelebrazzjonijiet biċentenarji tal-Joanneum fl-2011.

Munita kommemorattiva tal-fidda tal-ewro
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2002, iz-Zekka tal-Awstrija rrikonoxxiet l-importanza tal-Palazz ta' Eggenberg, billu użatu bħala l-motiv prinċipali ta' waħda mill-muniti kommemorattivi tal-fidda tal-ewro tagħha: il-munita kommemorattiva tal-fidda ta' 10 ewro tal-Palazz ta' Eggenberg. In-naħa ta' wara tal-munita turi xbieha ta' Johannes Kepler, li kien qrib il-familja Eggenberg u li għallem fl-eks skola Protestanta fi Graz. L-ewwel xogħol ewlieni tiegħu, Mysterium Cosmographicum li jiddeskrivi s-sistema skont Copernicus, inkiteb meta kien għadu fi Graz, u x'aktarx ġie influwenzat mis-simboliżmu tad-disinn tal-palazz.[22]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Belt ta' Graz ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999. Is-sit ġie estiż bil-Kastell ta' Eggenberg fl-2010.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Das Joanneum – Österreichs Universalmuseum [dokumentarju DVD], Günther Schilhan (direttur) & Helmut Gesslbauer (produttur), l-Awstrija: ORF Steiermark, 2006.
- Schloss Eggenberg. Barbara Kaiser. Graz: Christian Brandstätter Verlag, 2006. ISBN 978-3-902510-80-8 (bl-Ingliż) or ISBN 978-3-902510-96-9 (bil-Ġermaniż).
- Planet Eggenberg. Hermann Götz. Graz: Landesmuseum Joanneum / Leykam Medien AG, 2005.
- Ôsaka zu byôbu: Ein Stellschirm mit Ansichten der Burgstadt Ôsaka in Schloss Eggenberg. in Joannea Neu Folge, Band 1. Franziska Ehmcke et al. Graz: Universalmuseum Joanneum, 2010. ISBN 978-3-902095-32-9.
- The Thirty Years War. Cicely Veronica Wedgwood. Garden City, NY: Anchor Books, 1961. Maħruġ mill-ġdid minn NYRB Classics, 2005. ISBN 978-1-59017-146-2.
- Hans Ulrich Fürst von Eggenberg: Freund und erster Minister Kaiser Ferdinand II. Hans von Zwiedineck-Südenhorst. Charleston, SC: BiblioBazaar, 2009. ISBN 978-1-113-02782-5.
- Ein Staat in Alt-Österreich: Besitzungen der Eggenberger. Franz Kammerhofer. Graz: Franz Kammerhofer, 1998. ISBN 978-3-9500808-1-0.
- Die Fürsten und Freiherren zu Eggenberg und ihre Vorfahren. Walther Ernest Heydendorff. Graz: Verlag Styria, 1965.
- Alte Galerie – Masterpieces. Ulrich Becker et al. Graz: Landesmuseum Joanneum, 2005. (bl-Ingliż) ISBN 978-3-7011-7533-8.
- Der Eggenberger Altar. Paul W. Roth et al. Vjenna, l-Awstrija: Österreichische Galerie Belvedere, 2001.
- Schloss Eggenberg: Lernbehelf für Guides. Barbara Kaiser. Graz: Landesmuseum Joanneum, 2001.
- Hans Adam Weissenkircher: Fürstlich Eggenbergischer Hofmaler. Barbara Ruck. Graz: Landesmuseum Joanneum, 1985.
- Giovanni Pietro de Pomis. Kurt Woisetschläger et al. Graz: Verlag Styria, 1974. ISBN 978-3-222-10847-1.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Das Joanneum – Österreichs Universalmuseum. 2006.
- ^ elevationmap.net. "Eggenberg, Vorchdorf, Gmunden, Österreich on the Elevation Map. Topographic Map of Eggenberg, Vorchdorf, Gmunden, Österreich". elevationmap.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-31.
- ^ a b ċ "City of Graz – Historic Centre and Schloss Eggenberg - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-31.
- ^ "Coin Cabinet". www.museum-joanneum.at (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-31.
- ^ "Alte Galerie - Permanent Collection | Alte Galerie, Schloss Eggenberg". www.museum-joanneum.at (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-10-29. Miġbur 2025-03-31.
- ^ Becker, U. "The Eggenberg Altarpiece" in Schloss Eggenberg. Graz: Christian Brandstätter Verlag, 2006, p. 14.
- ^ The Thirty Years War. 1961, p. 183.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 105.
- ^ Die Fürsten und Freiherren zu Eggenberg und ihre Vorfahren. 1965, p. 90.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 43.
- ^ The Thirty Years War. 1961, p. 60.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 97.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 98.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 86.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 68.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 204.
- ^ Ôsaka zu byôbu. 2010, p. 8.
- ^ "The Ôsaka Folding Screen - State Rooms | Schloss Eggenberg". web.archive.org. 2023-10-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-10-30. Miġbur 2025-03-31.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 259.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 262.
- ^ Schloss Eggenberg. 2006, p. 284.
- ^ "Austrian Mint - Silver Coins". web.archive.org. 2011-05-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-31. Miġbur 2025-03-31.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)