Pajsaġġi Militari tal-Imperu Maratha fl-Indja

Il-Pajsaġġi Militari tal-Imperu Maratha fl-Indja huma grupp ta' 12-il forti fl-Indja li ġew okkupati u żviluppati mill-mexxejja tal-Imperu Maratha bejn is-seklu 17 u s-seklu 19. Dawn jinkludu Salher, il-Forti ta' Shivneri, Lohagad, Khanderi, il-Forti ta' Raigad, il-Forti ta' Rajgad, Pratapgad, Suvarnadurg, il-Forti ta' Panhala, il-Forti ta' Vijaydurg, il-Forti ta' Sindhudurg, li kollha jinsabu f'Maharashtra, u l-Forti ta' Gingee f'Tamil Nadu. Dawn il-fortijiet huma mifruxa fuq diversi artijiet ġeografiċi u joħorġu fid-dieher il-qawwa militari tal-Imperu Maratha. Tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1]
Sfond
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2021, il-Pajsaġġi Militari tal-Imperu Maratha fl-Indja tniżżlu bħala sit indikattiv biex fil-futur isiru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Imbagħad ġew innominati b'mod uffiċjali mill-Indja biex jitniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024-25, kif imħabbar mill-Ministeru għall-Kultura f'Jannar 2024. L-istat ta' Maharashtra fih iktar minn 390 forti, li minnhom intgħażlu 11-il forti biss flimkien ma' forti wieħed mill-istat ta' Tamil Nadu. Dawn il-fortijiet jinsabu f'varjetà ta' topografiji tal-Katina Muntanjuża ta' Sahyadri, tal-Promontorju ta' Decca, tal-Kosta Konkana, u tal-Ghats tal-Lvant. L-istrateġija militari tal-Imperu Maratha li kienet tinvolvi dawn il-fortijiet ġiet żviluppata matul ir-renju tal-mexxej Chhatrapati Shivaji Maharaj fis-seklu 17 u kompliet sat-tmexxija tal-Peshwa fil-bidu tas-seklu 19.
Il-proċess tan-nominazzjoni ġie segwit minn stħarriġ dwar il-fortijiet mit-tim tal-UNESCO f'Ottubru 2024. Fi Frar 2025, delegazzjoni ta' erba' membri minn Maharashtra mmexxija minn Ashish Shelar, żaret Pariġi biex tipprovdi preżentazzjonijiet tekniċi u diplomatiċi f'tentattiv li n-nominazzjoni ta' dawn il-fortijiet tibqa' sejra 'l quddiem. Matul is-47 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji li saret f'Lulju 2025, il-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u s-Siti (ICOMOS) kien ta rakkomandazzjoni li n-nominazzjoni tal-Indja tiġi differita minħabba li “ma jirnexxilhiex turi b'konvinzjoni kif it-tnax-il forti sparpaljati ġeografikament... kienu jiffunzjonaw bħala sistema tad-difiża militari integrata". Madankollu, ir-rispons diplomatiku tal-Indja flimkien mal-appoġġ mingħand id-delegati internazzjonali, għenu biex in-nominazzjoni titniżżel uffiċjalment fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġi Militari tal-Imperu Maratha fl-Indja ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Maratha Military Landscapes of India". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.