Aqbeż għall-kontentut

Pajsaġġ Kulturali tal-Wied ta' Orkhon

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Wied ta' Orkhon.

Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Wied ta' Orkhon (pronunzja: /ˈɔːrkɒn/;[1] bil-lingwa tal-Mongolja: Орхоны хөндийн соёлын дурсгал, Orkhonii khöndiin soyoliin dursgal, bil-kitba tal-lingwa tal-Mongolja:ᠣᠷᠬᠣᠨ ᠤᠬᠥᠨᠳᠡᠢᠶᠢᠨᠰᠤᠶᠤᠯ ᠤᠨᠳᠤᠷᠠᠰᠬᠠᠯ) jinsab tul ix-xtut tax-xmara Orkhon fil-Mongolja Ċentrali, xi 320 kilometru fil-Punent mill-belt kapitali ta' Ulaanbaatar. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004 minħabba li jirrappreżenta l-iżvilupp tat-tradizzjonijiet nomadiċi tar-rgħajja għal iktar minn żewġ millenji.[2]

Għal bosta sekli, il-Wied ta' Orkhon kien meqjus bħala s-sede tas-setgħa imperjali tal-isteppi. L-ewwel evidenza ta' dan tinsab fuq stele tal-ġebel bil-kitbiet imnaqqxin ta' Orkhon, li ġiet ordnata li ssir fil-wied minn Bilge Khan, mexxej tas-seklu 8 tal-Imperu Göktürk. Xi 25 mil lejn it-Tramuntana tal-istele, fl-isfond tal-foresta muntanjuża sagra ta' Ötüken, kien hemm l-Ördü jew il-belt kapitali nomadika tiegħu. Matul id-dominju Qidan tal-wied, l-istele ġie mnaqqxa mill-ġdid bi tliet lingwi, sabiex jiġu rreġistrati l-għemejjel tal-qawwa Qidan.

Il-muntanji kienu meqjusa sagri fit-Tengriżmu bħala axis mundi, iżda Ötüken kienet meqjusa speċjalment sagra minħabba li kienu jemmnu li hemmhekk kienu jirresjedu l-ispirti tal-antenati tal-khagans u tal-beys. Barra minn hekk, kien maħsub li qawwa msejħa kut kienet temana minn din il-muntanja, u kienet tagħti d-dritt divin lill-khagan biex imexxi t-tribujiet Torok.[3] Kull minn kellu l-kontroll ta' dan il-wied kienu jitqies li nħatar b'mod divin bħala l-mexxej tat-Torok u seta' jmexxi lit-tribujiet. Għaldaqstant, il-kontroll tal-Wied ta' Orkhon kien tal-ogħla importanza strateġika għal kull Stat Tork. Storikament, kull belt kapitali Torka (Ördü) kienet tiġi stabbilita hemmhekk għal din ir-raġuni.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Wied ta' Orkhon ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Il-monumenti prinċipali tal-Wied ta' Orkhon huma dawn li ġejjin:

  • Il-monumenti tal-Wied ta' Orkhon huma mfakar Torok tal-bidu tas-seklu 8 W.K. iddedikati lil Bilge Khan u lil Kul Tigin, u huma l-iżjed monumenti impressjonanti mill-ewwel Khaganat nomadiku Tork. Dawn ġew skoperti mill-arkeologi Russi fl-1889 u ġew iddeċifrati minn Vilhelm Thomsen fl-1893.
  • Il-fdalijiet ta' Ordu-Baliq fis-sit magħruf bħala Kharbalgas bil-lingwa tal-Mongolja, huma l-fdalijiet tal-belt kapitali tas-seklu 8 tal-Khaganat Uyghur, ikopru erja ta' 50 kilometru kwadru u fihom evidenza ta' palazz, ħwienet, tempji, monasteri, eċċ.
  • Il-fdalijiet tal-belt kapitali Mongola tal-qedem ta' Karakorum.
  • Il-Monasteru ta' Erdene Zuu huwa l-ewwel monasteru Buddist li ġie stabbilit fil-Mongolja. Inqered parzjalment mill-awtoritajiet Komunisti fl-1937-1940.
  • L-Eremitaġġ ta' Tuvkhun huwa monasteru spettakolari ieħor, fuq għolja ta' 2,600 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Dan ukoll inqered kważi għalkollox mill-Komunisti.
  • Il-fdalijiet tal-Palazz Mongolu tas-sekli 13 u 14 fl-Għolja ta' Doit, li kien maħsub li kien ir-residenza ta' Ögedei Khan.
  • Il-kaskata ta' Ulaan Tsutgalan hija wiesgħa għaxar metri u għolja għoxrin metru, u ġieli tinxef għalkollox jew saħansitra tiffriża fix-xitwa.
  1. ^ "Dictionary.com | Meanings & Definitions of English Words". Dictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-13.
  2. ^ a b ċ "Orkhon Valley Cultural Landscape - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-13.
  3. ^ Franke, Herbert. The Cambridge History of China. Cambridge University Press, 1994. ISBN 0-521-21447-5. p. 347.