Pajsaġġ Kulturali tal-Lag ta' Kenozero

Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Lag ta' Kenozero jew il-Park Nazzjonali ta' Kenozersky (bir-Russu: Кенозерский национальный парк) huwa park nazzjonali fit-Tramuntana tar-Russja, li jinsab fid-Distretti ta' Kargopolsky u ta' Plesetsky tal-Oblast ta' Arkhangelsk. Ġie stabbilit fit-28 ta' Diċembru 1991. Mill-2004, il-park nazzjonali sar Riżerva ta' Bijosfera tal-UNESCO u mill-2024 il-pajsaġġ kulturali tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Il-Lag ta' Kenozero dejjem kien post remot. Fis-seklu 19, l-inħawi ġew maqsuma bejn Pudozhsky Uyezd (il-Punent) u Kargopolsky Uyezd (il-Lvant) tal-Governorat ta' Olonets. Fl-Unjoni Sovjetika, wara għadd ta' bidliet amministrattivi, l-inħawi spiċċaw fl-Oblast ta' Arkhangelsk. Fis-snin 50 sa 80 tas-seklu 20, bħal kullimkien fit-Tramuntana tar-Russja, l-inħawi batew ferm mid-depopolazzjoni, b'mod partikolari l-villaġġi kollha bejn il-Lag ta' Lyokshmozero u l-Lag ta' Kenozero li tbattlu għalkollox.
Fl-1991 ittieħdet id-deċiżjoni li jinħoloq Park Nazzjonali fl-inħawi. Il-monumenti storiċi kollha ġew ittrasferiti lill-amministrazzjoni tal-park, u wħud minnhom ġew irrestawrati. Il-park nazzjonali nħoloq uffiċjalment fit-28 ta' Diċembru 1991. Il-persunal tal-park meta nħoloq kien jammonta għal 7 persuni.[2] Fl-1992 żdied għal 35 persuna,[3] u fl-1993 żdied għal 153 persuna.[4] Fl-2004 il-park sar Riżerva ta' Bijosfera tal-UNESCO.
Il-ġabra eċċezzjonali ta' binjiet storiċi tal-injam tal-Lag ta' Kenozero, b'diversità rikka ta' tipi u ta' funzjonijiet, hija rappreżentazzjoni importanti tat-tradizzjonijiet kulturali ta' dan ir-reġjun. Ix-xogħol tradizzjonali bl-injam u l-kostruzzjonijiet biz-zkuk huma xhieda tal-evoluzzjoni tal-istrutturi bikrin biz-zkuk f'ġabra sofistikata ta' binjiet domestiċi u reliġjużi. Il-konfigurazzjonijiet storiċi tal-insedjamenti rurali u l-evidenza tal-użu tar-riżorsi naturali f'pajsaġġ xeniku ta' lagi u ta' xmajjar huma wkoll xhieda tat-tradizzjoni kulturali fit-Tramuntana tar-Russja.[1]
Pożizzjoni u ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Park Nazzjonali ta' Kenozersky jokkupa l-parti tal-Lbiċ tad-Distrett ta' Plesetsky u l-parti tal-Majjistral tad-Distrett ta' Kargopolsky tal-Oblast ta' Arkhangelsk, fil-konfini mar-Repubblika ta' Karelia. Il-parti tat-Tramuntana tal-park hija ċċentrata mal-Lag ta' Kenozero, wieħed mill-ikbar lagi tar-reġjun. Il-kwartieri ġenerali tal-park jinsabu fil-villaġġ ta' Vershinino, max-xatt tat-Tramuntana tal-lag. Il-Lag ta' Kenozero huwa s-sors tax-xmara Kena, it-tributarja ewlenija tax-xellug tax-xmara Onega. Il-fluss ta' fuq tax-xmara Kena jinsab fil-park, flimkien max-xmara Pocha, it-tributarja ewlenija tal-Lag ta' Kenozero, li huwa s-sors tagħha, tal-Lag ta' Pochozero, u tal-fluss t'isfel tat-tributarja prinċipali tal-Lag ta' Pochozero, ix-xmara Undosha.
Il-parti tan-Nofsinhar tinkludi l-Lag ta' Lyokshmozero u l-fluss ta' fuq tax-xmara Lyokshma, tributarja tal-Lag ta' Lacha. Il-Lagi ta' Lyokshmozero u ta' Kenozero huma sseparati b'għadd ta' lagi inferjuri, inkluż il-Lag ta' Naglimozero u l-Lag ta' Vilno.
Xi żoni tul il-konfini tar-Repubblika ta' Karelia jitbattlu fil-baċir tax-xmara Vodla, u eventwalment fil-Baħar Baltiku. Għalhekk, il-park jinkludi fih il-medda li taqsam il-baċiri tal-Oċean Atlantiku u tal-Oċean Artiku.
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park fih monumenti naturali kif ukoll kulturali, u huwa orjentat ukoll lejn it-turiżmu ekoloġiku. Fil-park infetħu għadd ta' mogħdijiet għall-mixi.
Hemm diversi monumenti arkitettoniċi tal-injam. Wieħed minnhom huwa Porzhensky Pogost fil-parti tal-Punent tal-park, li jinkludi l-kumpless tal-Knisja ta' San Ġorġ bit-torri tal-kampnar (it-tnejn tas-seklu 18), imdawwar b'ħajt tal-injam li fih għadd ta' daħliet u torrijiet (1789). Il-villaġġi biswit Porzhensky Pogost tbattlu għalkollox, u ma hemm l-ebda triq li twassal għalih, għaldaqstant Porzhensky Pogost huwa aċċessibbli biss permezz ta' mogħdija għall-mixi.
Hemm żewġ toroq li jwasslu għall-park. Fil-parti tan-Nofsinhar, fin-Nofsinhar tal-Lag ta' Lyokshmozero, hemm triq mhux pavimentata li tikkollega Kargopol u Pudozh. Triq oħra fil-parti tat-Tramuntana tal-park tofroq mill-Onezhsky Trakt, u tikkollega Kargopol u Yemetsk, minn Plesetsk. Din it-triq twassal għall-villaġġ ta' Pershlakhta mal-Lag ta' Kenozero u mbagħad tikkollega ma' villaġġi oħra madwar u mal-Lag ta' Kenozero.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Lag ta' Kenozero ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d "Cultural Landscape of Kenozero Lake - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-22.
- ^ "1991 год | Кенозерский национальный парк". web.archive.org. 2016-03-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-25. Miġbur 2025-03-22.
- ^ "1992 год | Кенозерский национальный парк". web.archive.org. 2016-03-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-25. Miġbur 2025-03-22.
- ^ "1993 год | Кенозерский национальный парк". web.archive.org. 2016-08-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-03. Miġbur 2025-03-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)