Aqbeż għall-kontentut

Pajsaġġ Kulturali tal-Kafè tal-Kolombja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-pajsaġġ tal-kafè.

Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Kafè tal-Kolombja (bl-Ispanjol: Eje Cafetero), magħruf ukoll bħala t-Triangolu tal-Kafè (bl-Ispanjol: Triángulo del Café) jagħmel parti mir-reġjun ta' Paisa fiż-żona rurali tal-Kolombja. Huwa famuż għat-tkabbir u għall-produzzjoni tal-biċċa l-kbira tal-kafè Kolombjan. Fl-inħawi hemm erba' dipartimenti: Caldas, Quindío, Risaralda u Tolima. L-iżjed bliet li jżuruhom nies huma Manizales, Armenia, Pereira u Ibagué.

Storja tal-kafè

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kafè tkabbar għall-ewwel darba kummerċjalment fil-Kolombja f'Salazar de las Palmas, fit-Tramuntana ta' Santander, u matul is-seklu 20 kiber tant li sar l-iżjed prodott esportat tal-Kolombja. Meta l-kafè nġab għall-ewwel darba fil-pajjiż, il-mexxejja ppruvaw jagħtu spinta lit-tkabbir tal-kafena, iżda sabu reżistenza mill-poplu minħabba li l-ewwel ħsad tal-kafena jdum madwar 5 snin. Fl-1999 id-dħul mill-kafè kien jirrappreżenta 3.7 % tal-prodott domestiku gross (PDG) u 37 % tal-impjiegi fl-agrikoltura. Id-dipartimenti prinċipali tal-produzzjoni tal-kafè huma: Nariño, Norte de Santander, Antioquia, Valle del Cauca, Huila, Tolima, Caldas, Risaralda, Quindio u Cundinamarca.

Iż-żona ta' bejn id-dipartimenti ta' Caldas, Risaralda, Quindío u Tolima hija magħrufa bħala ż-Żona tal-Kafè minħabba l-iżvilupp kbir esperjenzat mill-kultivazzjoni ta' dan il-prodott. Dan ir-reġjun ġie affettwat minn terremot ta' 6.4 fuq l-iskala Richter fil-25 ta' Jannar 1999, iżda sussegwentement l-ekonomija tar-reġjun irpiljat malajr.

Ħarsa ġenerali

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Pajsaġġ Kulturali tal-Kafè tal-Kolombja.

Il-kundizzjonijiet tat-temp (b'temperaturi ta' bejn 8 °C u 24 °C), il-karatteristiċi ġeografiċi (il-foresta pluvjali tal-Andes) u r-reġjun ġeoloġiku, jiddeterminaw il-produzzjoni tal-kafè ta' kwalità għolja, b'perjodi tal-ħsad relattivament qosra. Il-bdiewa fl-inħawi żviluppaw tekniki għat-tkabbir, għall-ħsad u għall-ipproċessar manwali tal-qmugħ, u żammew din il-forma ta' industrija tal-ipproċessar minkejja t-tekniki ġodda tal-industrijalizzazzjoni agrikola tal-massa.

L-ikona famuż tar-reklamar "Juan Valdez", irrappreżentat minn bidwi ta' Paisa liebes borża tal-ġilda, kappell tal-aguadeño u ponċo, u akkumpanjat minn ħmar, sar simbolu mill-aqwa tal-komunikazzjoni tar-reklamar. Juan Valdez ġie meqjus mill-Istati Uniti bħala l-immaġni tar-reklami l-iktar famuż fost l-abitanti ta' dak il-pajjiż fl-2005.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Kafè tal-Kolombja.

Tmintax-il insedjament urban f'sitt żoni fi ħdan il-Pajsaġġ Kulturali tal-Kafè tal-Kolombja u estiżi lejn in-Nofsinhar fid-dipartiment ta' Valle del Cauca ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[1] Dawn is-siti jirrappreżentaw il-pajsaġġ kulturali kollu tal-kafè, u jippreservaw diversi forom differenti ta' tkabbir tradizzjonali tal-kafè, flimkien mal-kultura tar-reġjun u l-postijiet fejn isiru diversi festivals uniċi. Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huwa magħmul miċ-ċentri urbani fi ħdan ir-reġjun, inkluż Armenia, Calarcá, Salamina, Pereira u Riosucio, kif ukoll l-irħula iżgħar u l-artijiet rurali tal-madwar fejn jiġi prodott il-kafè.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Attrazzjonijiet turistiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Triangolu tal-Kafè.
Salento, Quindío, raħal żgħir fil-Kolombja rurali, sar waħda mid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin fir-reġjun.

Ir-reġjun żviluppa parks tematiċi turistiċi bħall-Park Nazzjonali Kolombjan tal-Kafè li jinsab fir-raħal ta' Montenegro f'Quindio. Fl-inħawi hemm ukoll il-Mużew tal-Kultura tal-Kafè, li juri l-proċess mill-produzzjoni tal-qmuħ għad-dewqan ta' kafè Kolombjan tradizzjonali. Dan il-mużew, bħall-parks tematiċi l-oħra, fih ir-repliki tal-belt kolonjali, fejn it-turisti jattendu għal spettakli taż-żfin u tal-mużika, u jgawdu veduti panoramiċi mill-cable cars tal-pajsaġġ.

Park tematiku uniku ieħor fil-Kolombja huwa l-Park Nazzjonali tal-Kultura tal-Agrikultura - Panaca, li jinsab ukoll fil-Muniċipalità ta' Quimbaya f'Quindio. Il-karatteristika ewlenija tiegħu hi, li għad-differenza ta' xi żu, il-viżitaturi jidħlu f'kuntatt personali u dirett mal-annimali tal-irziezet u jagħmlu wkoll attivitajiet skedati ma' dawk l-annimali.

Il-gallariji fit-triq irjali ta' Santuario, Risaralda.

Attrazzjonijiet oħra fl-inħawi jinkludu:

  • il-Ġnien Botaniku tal-Università ta' Pereira bħala wieħed mill-ikbar fil-Kolombja elenkat mill-BGCI bħala naturali, iżda anke għaliex fih waħda mill-orkidej fid-dinja;
  • Santuario huwa wieħed mill-iżjed irħula karatteristiċi tar-reġjun, u huwa magħruf għall-arkitettura u għat-toroq tradizzjonali tal-Paisa qrib Tatamá;
  • it-Thermal Santa Rosa de Cabal, li hija "spa" għall-għawm fil-fawwariet termali u għal attivitajiet differenti ta' rilassament u tal-kura tal-ġisem;
  • ir-Rafting fuq ix-xmara Rio la Vieja: traġitt tar-rafting bejn ix-xmara Rio La Vieja fil-fruntiera bejn id-dipartimenti ta' Valle del Cauca u Quindío, mir-raħal ta' Quimbaya;
  • il-Wied ta' Cocora f'Salento, fejn tikber is-siġra nazzjonali tas-siġar tal-palm tax-xama' f'Quindío u fejn hemm wieħed mill-aċċessi tal-Park Naturali Nazzjonali ta' Los Nevados fejn hemm siti tal-kampeġġi;
  • il-Ġonna Botaniċi ta' Quindío, li jinsabu fir-raħal ta' Calarcá, fejn wieħed jista' jitpaxxa b'waħda mill-ikbar wirjiet ta' friefet fil-pajjiż.
Il-Park Nazzjonali Kolombjan tal-Kafè.

Ċentri urbani prinċipali

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Pereira, id-Dipartiment ta' Risaralda;
  • Armenia, id-Dipartiment ta' Quindío;
  • Manizales, id-Dipartiment ta' Caldas;
  • Ibagué, id-Dipartiment ta' Tolima.
  • Il-Park Nazzjonali Kolombjan tal-Kafè ta' Montenegro;
  • Nevado del Ruiz, Manizales;
  • il-Park ta' PANACA;
  • il-Wied ta' Cocora, Salento, Quindío;
  • iż-Żu tal-Belt ta' Matecaña.

L-eskursjonijiet turistiċi joffru opportunitajiet ta' trekking f'uħud mill-kultivazzjonijiet ewlenin tal-kafè tal-Kolombja anke biex jaraw is-siġra tal-palm nattiva tal-pajjiż magħrufa bħala s-siġra tal-palm tax-xama', li tikber sa għoli ta' 60 metru.

  1. ^ a b "Coffee Cultural Landscape of Colombia - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-10.