Pajsaġġ Kulturali ta' Budj Bim

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Budj Bim, magħruf ukoll bħala l-Muntanja ta' Eccles jew sempliċement bħala Budj Bim, huwa vulkan rieqed qrib Macarthur fil-Lbiċ ta' Victoria, l-Awstralja. Jinsab fi ħdan iż-żona ddefinita ġeoloġikament bħala l-Provinċja Vulkanika l-Ġdida, li hija l-iżjed żona vulkanika żagħżugħa fl-Awstralja u hija estiża mill-Punent ta' Victoria sax-Xlokk tan-Nofsinhar tal-Awstralja.
Il-pajsaġġ kulturali jinsab fi ħdan il-Park Nazzjonali ta' Budj Bim. Budj Bim huwa l-isem bil-Gunditjmara, li jfisser "Ras Għolja". Il-quċċata pjuttost konika hija 178 metru (584 pied) 'il fuq mill-inħawi tal-madwar. Il-quċċata hija għolja ta' scoria li nbeżqet maġenb grupp ta' tliet krateri vulkaniċi ħdejn xulxin li issa jinkludu l-Lag ta' Surprise. Linja ta' krateri iżgħar u koni ta' scoria tinsab lejn ix-Xlokk. Il-flussi tal-lava huma estiżi u jiffurmaw vulkan "tarka" u jiġu alimentati minn diversi kanali tal-lava. Dan il-fluss tal-lava, magħruf bħala l-fluss tal-lava ta' Tyrendarra, biddel il-mudell tad-drenaġġ tar-reġjun, u ħoloq artijiet mistagħdra kbar.
Żoni kbar lejn il-Punent u l-Lbiċ tal-muntanja ġew inklużi fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Dawn jinkludu ż-Żona Protetta tal-Indiġeni Tyrendarra (li tniżżlet f'Diċembru 2003), il-Pajsaġġ tal-Wirt Nazzjonali ta' Budj Bim (li tniżżel fil-Lista tal-Wirt Nazzjonali Awstraljan f'Lulju 2004), u l-Pajsaġġ Kulturali ta' Budj Bim (li tniżżel f'Lulju 2019).
Formazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-vulkan jinsab fi ħdan il-Provinċja Vulkanika l-Ġdida, żona ddefinita mill-karatteristiċi ġeoloġiċi tagħha. Din tkopri erja ta' 15,000 kilometru kwadru (5,800 mil kwadru), b'iktar minn 400 vulkan "tarka" żgħar u xaftijiet vulkaniċi, u fiha l-iżjed vulkani reċenti fl-Awstralja.[2]
Stimi inizjali tal-età tal-iżbroff ta' Budj Bim kienu kollha "etajiet minimi", ibbażati fuq l-artijiet imtajna li ffurmaw xi żmien wara l-iżbroff, jiġifieri bejn 6,000 u 27,000 sena qabel il-preżent. Evidenza li ġiet wara ssuġġeriet li l-iżbroff seħħ mill-inqas 30,000 sena qabel il-preżent (bl-użu tas-sedimenti datati fil-qiegħ tal-krater tal-Lag ta' Surprise) u l-fluss tal-lava ta' Tyrendarra jaf seħħ saħansitra 40,000 sena ilu.[3] Skont ir-riċerka ppubblikata fi Frar 2020 bl-użu tad-datazzjoni tal-argon, li huwa metodu ta' datazzjoni radjometrika, l-iżbroff seħħ madwar 36,900 sena ilu. Speċifikament Budj Bim ġie datat b'marġni ta' żball ta' 3,100 sena qabel jew wara 36,900 sena qabel il-preżent, u l-Għolja tat-Torri ġiet datata b'marġni ta' żball ta' 3,800 sena qabel jew wara 36,800 sena qabel il-preżent. B'mod sinifikanti, minħabba l-preżenza ta' artefatti umani li nstabu taħt l-irmied vulkaniku fl-Għolja tat-Torri, dan jindika l-preżenza umana f'Victoria, u jista' jiġi interpretat ukoll bħala evidenza tal-ġrajjiet bil-fomm tal-poplu Gunditjmara li jsemmu żbroffi vulkaniċi u li huma l-eqdem tradizzjonijiet bil-fomm fid-dinja.[4][5]
L-iżbroffi pproduċew il-fluss tal-lava ta' Tyrendarra, li nixxa f'direzzjoni ġeneralment lejn in-Nofsinhar fl-oċean f'Tyrendarra, 50 kilometru (31 mil) 'il bogħod.[6][7] Il-fluss fixkel is-sistema bikrija tad-drenaġġ; lejn il-Lvant, ix-xmara Fitzroy issa tnixxi sew bejn il-blat tal-fluss tal-lava u l-art imħarbta tal-Muntanja ta' Clay; lejn il-Punent, it-tributarja tagħha tal-Qala ta' Darlot tnixxi minn pajsaġġ iktar kumpless ta' artijiet imtajna, artijiet mistagħdra u artijiet baxxi biswithom li spiss jiġu mgħerrqa.
Il-quċċata hija għolja 178 metru (584 pied).[8]
Importanza storika u kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-vulkan innifsu u l-fluss tal-lava tal-madwar huma ta' importanza storika u kulturali kbira. Il-ġrajja tal-ħolqien tal-poplu Gunditjmara lokali hija bbażata fuq l-iżbroff tal-vulkan iktar minn 30,000 sena ilu. Kien permezz ta' dan l-avveniment li ġie żvelat ħallieq anċestrali magħruf bħala Budj Bim.
Il-fluss tal-lava ta' Tyrendarra biddel il-mudell tad-drenaġġ tar-reġjun, u ħoloq artijiet mistagħdra kbar. Minn xi eluf ta' snin qabel l-insedjament Ewropew (waħda mill-ħames sistemi tan-nases tas-sallura fil-Lag ta' Condah ġiet datata bir-radjokarbonju li tmur lura għal 6,600 sena ilu), il-poplu Gunditjmara żviluppa sistema tal-akkwakultura li kienet tikkanala l-ilma tal-Qala ta' Darlot fiż-żoni iktar baxxi ta' biswit u biex is-sallura tal-pinen qosra u ħut ieħor kienu jinqabdu f'sensiela ta' devjazzjonijiet, digi u kanali.[9] L-iskoperta ta' dawn it-tekniki tal-akkwakultura fuq skala kbira u tal-manipolazzjoni tal-pajsaġġ, li ġew enfasizzati fil-ktieb ta' Bruce Pascoe fost l-iktar mibjugħa fl-2014, Dark Emu, turi li l-abitanti indiġeni ma kinux kaċċaturi-ġemmiegħa biss, iżda anke kultivaturi u bdiewa.[10]
Bosta nies Gundjitmara ġew ittrasferiti lejn il-Lag ta' Condah, li iktar 'il quddiem sar riżerva Aboriġena mmexxija mill-gvern. It-tfal ta' "nofs kasti" ġew isseparati mill-ġenituri tagħhom u saru parti mill-Ġenerazzjonijiet Misruqa.
Żoni protetti
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm diversi żoni protetti u elenkati bħala wirt li jitrikkbu f'xulxin, u tnejn minnhom jinkludu Budj Bim stess u l-flussi tal-lava:
- Żoni Protetti Indiġeni:
- iż-Żona Protetta Indiġena ta' Tyrendarra (38°12′S 141°46′E), b'erja ta' 248 ettaru (610 akri) fil-Qala ta' Darlot, ġiet iddikjarata f'Diċembru 2003.[11] Din iż-żona tinkludi s-sit ta' Peters bejn ix-xmara Fitzroy u l-Qala ta' Darlot mixtrija mill-Korporazzjoni tas-Sidien Aboriġini Tradizzjonali ta' Gunditj Mirring fl-2010 u l-artijiet mistagħdra ta' Kurtonitj lejn it-Tramuntana fl-2009;
- iż-Żona Protetta Indiġena ta' Kurtonitj, li ġiet iddikjarata fl-2009;[12]
- iż-Żona Protetta Indiġena tal-Lag ta' Condah, li tinkludi artijiet mistagħdra sinifikanti, u li ġiet iddikjarata fl-2010.
- Il-Pajsaġġ tal-Wirt Nazzjonali ta' Budj Bim, li jinkludi ż-Żona ta' Tyrendarra (ID tas-sit: 105678, b'erja ta' madwar 275 ettaru (680 akru), xi 2 kilometri (1.2 mil) fit-Tramuntana ta' Tyrendarra) u ż-Żona tal-Muntanja ta' Eccles u tal-Lag ta' Condah (ID tas-sit: 105673, b'erja ta' madwar 7,880 ettaru (19,500 akru), 6 kilometri (3.7 mili) fil-Lbiċ ta' Macarthur, li jinkludi l-Park Nazzjonali ta' Budj Bim, ir-Riżerva tal-Fawna Statali ta' Stones, l-Art Aboriġina ta' Muldoons, l-Art Aboriġina ta' Allambie u tal-Lag ta' Condah) żdied fil-Lista tal-Wirt Nazzjonali fl-20 ta' Lulju 2004. Dan jinkludi ż-Żona Protetti Indiġeni ta' Tyrendarra u tal-Lag ta' Condah imsemijin hawn fuq, iżda mhux Kurtonitj.
- Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Budj Bim żdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-6 ta' Lulju 2019. Hemm tliet komponenti ta' din iż-żona: il-konfini tal-Park Nazzjonali ta' Budj Bim, taż-Żona Protetta Indiġena ta' Budj Bim, taż-Żona Protetta Indiġena ta' Tyrendarra u tal-Lag ta' Condah.[13]
Tismija tal-Muntanja ta' Eccles
[immodifika | immodifika s-sors]Il-muntanja ngħatat l-isem ta' Muntanja ta' Eeles fl-1836 mill-Maġġur Thomas Mitchell f'ġieħ William Eeles tal-95 Riġment tal-Fanterija li ġġieled flimkien ma' Mitchell fil-Gwerra Peniżolari. Żball tipografiku wassal biex l-isem jinkiteb bħala Eccles mill-1845 'il quddiem.[14]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Budj Bim ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 "Budj Bim Cultural Landscape - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-24.
- ↑ "Global Volcanism Program | Newer Volcanics Province". Smithsonian Institution | Global Volcanism Program (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-24.
- ↑ Grimes, Ken (2013). "The Ages of Our Volcanoes" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-08-08. Miġbur 2025-02-24.
- ↑ Matchan, Erin L.; Phillips, David; Jourdan, Fred; Oostingh, Korien (2020). "Early human occupation of southeastern Australia: New insights from 40Ar/39Ar dating of young volcanoes". Geology. 48 (4): 390–394. Bibcode:2020Geo....48..390M. doi:10.1130/G47166.1. ISSN 0091-7613.
- ↑ "Study dates Victorian volcano that buried a human-made axe" (bl-Ingliż). 2020-02-25. Miġbur 2025-02-24.
- ↑ "Australian Heritage Database". www.environment.gov.au. Miġbur 2025-02-24.
- ↑ "Budj Bim – Mt Eccles National Park Visitor Guide" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-03-28. Miġbur 2025-02-24.
- ↑ Eussen, Dick (March 2011), "Northern Extravaganza", On the Road, p. 64.
- ↑ Magazine, Smithsonian; Machemer, Theresa. "Australian Bushfires Reveal Hidden Sections of Ancient Aquaculture System". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-24.
- ↑ McNiven, Ian J. (2017-02-07). "The detective work behind the Budj Bim eel traps World Heritage bid". The Conversation (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-24.
- ↑ "Tyrendarra Indigenous protected area". web.archive.org. 2019-05-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-05-20. Miġbur 2025-02-24.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ "Land Purchased VIC". web.archive.org. 2009-10-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-10-25. Miġbur 2025-02-24.
- ↑ "A decade of lobbying sees Indigenous site older than the pyramids get World Heritage listing" (bl-Ingliż). 2019-07-06. Miġbur 2025-02-24.
- ↑ Learmonth, Noel F. (1970). Four Towns and a Survey. Hawthorn Press: Melbourne.