Aqbeż għall-kontentut

Ouro Preto

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ouro Preto
 Brażil
Amministrazzjoni
Stat sovranBrażil
Unità federali tal-BrażilMinas Gerais
Kodiċi postali 35400-000 a 35419-999
Ġeografija
Koordinati 20°23′07″S 43°30′13″W / 20.385277777778°S 43.503611111111°W / -20.385277777778; -43.503611111111Koordinati: 20°23′07″S 43°30′13″W / 20.385277777778°S 43.503611111111°W / -20.385277777778; -43.503611111111
Ouro Preto is located in Brazil
Ouro Preto
Ouro Preto
Ouro Preto (Brazil)
Superfiċjenti 1,245.865 kilometru kwadru
Għoli 1,179 m
Fruntieri ma' Belo Vale (en) Translate, Catas Altas da Noruega (en) Translate, Congonhas (en) Translate, Itabirito (en) Translate, Itaverava (en) Translate, Mariana (en) Translate, Moeda (en) Translate, Ouro Branco (en) Translate, Piranga (en) Translateu Santa Bárbara (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 74,558 abitanti (1 Lulju 2020)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni L-ErbgħaambUTCL-Erbgħa
Kodiċi tat-telefon 31
bliet ġemellati Tordesillas (mul) Translateu São Bernardo do Campo
ouropreto.mg.gov.bru cmop.mg.gov.br

Ouro Preto (pronunzja bil-Portugiż: [ˈo(w)ɾu ˈpɾetu], li litteralment tfisser "Deheb Iswed"), li qabel kienet Vila Rica (pronunzja bil-Portugiż: [ˈvilɐ ˈʁikɐ], li litteralment tfisser "Villaġġ Għani"), huwa muniċipalità fl-istat ta' Minas Gerais, il-Brażil. Il-belt, eks belt kolonjali tal-estrazzjoni li tinsab fil-muntanji tas-Serra do Espinhaço, tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tal-arkitettura kolonjali Barokka tagħha.[1] Ouro Preto kienet il-belt kapitali ta' Minas Gerais mill-1720 sal-istabbiliment ta' Belo Horizonte fl-1897.

Il-muniċipalità saret waħda mill-iżjed bliet popolati tal-Amerka Latina, b'madwar 40,000 ruħ fl-1730, u 80,000 ruħ fl-1750. Dak iż-żmien, il-popolazzjoni ta' New York kienet inqas minn nofs dak l-għadd ta' abitanti u l-popolazzjoni ta' São Paulo ma kinitx taqbeż it-8,000 ruħ. Uffiċjalment, 800 tunnellata ta' deheb intbagħtu lejn il-Portugall fis-seklu 18, mingħajr ma jitqies dak li ġie ċċirkolat b'mod illegali jew dak li baqa' fil-kolonja, bħad-deheb li ntuża fit-tiżjin tal-knejjes.

Bliet storiċi oħra f'Minas Gerais huma São João del-Rei, Diamantina, Mariana, Tiradentes, Congonhas u Sabará.

Vila Rica de Ouro Preto fis-seklu 19.

Ouro Preto ġiet stabbilita fl-aħħar tas-seklu 17 u oriġinarjament kienet tissejjaħ Vila Rica. Kienet il-punt ewlieni tal-ferneżija tad-deheb u tal-era tad-deheb tal-Brażil fis-seklu 18 taħt it-tmexxija tal-Portugiżi. Bejn l-1695 u l-1696, f'Itacolomi ġiet skoperta nixxiegħa bid-deheb li bdiet tissejjaħ Gualacho do Sul. Fl-1711, diversi insedjament żgħar ġew magħqudin bħala muniċipalità msejħa Vila Rica, li iktar 'il quddiem ġiet imsejħa Ouro Preto. Dan l-isem ġie adottat fl-20 ta' Mejju 1823, meta Vila Rica ġiet elevata minn villaġġ għal belt. L-isem "Ouro Preto" (Deheb Iswed) ġej mid-deheb miksi b'saff ta' ossidu tal-ħadid li jinsab fil-belt.

Iċ-ċentru tal-belt fih arkitettura kolonjali Portugiża ppreservata sew, bi ftit sinjali ta' żvilupp urban modern. Il-kostruzzjonijiet il-ġodda jridu jżommu mal-estetika storika tal-belt. Bis-saħħa tal-knejjes tas-seklu 18 u 19 imżejnin bid-deheb u bl-iskulturi ta' Aleijadinho, Ouro Preto hija destinazzjoni turistika.

Il-ġid kbir mill-estrazzjoni tad-deheb fis-seklu 18 ħoloq belt li attirat l-intellettwali mill-Ewropa. Il-filosofija u l-arti ffjorixxew, u evidenza ta' tiġdid Barokk imsejjaħ "Barroco Mineiro" toħroġ fid-dieher fl-arkitettura kif ukoll fl-iskulturi ta' Aleijadinho, fil-pitturi ta' Manoel da Costa Ataíde, fil-kompożizzjonijiet ta' Lobo de Mesquita, u fil-poeżiji ta' poeti bħal Tomás António Gonzaga. Dak iż-żmien, Vila Rica kienet l-ikbar belt fil-Brażil, b'100,000 abitant.

Fl-1789, f'Ouro Preto ġiet stabbilita l-Inconfidência Mineira, tentattiv fallut biex tinkiseb l-indipendenza mill-Portugall. L-esponent ewlieni, Joaquim José da Silva Xavier, magħruf bħala Tiradentes, ġie mgħallaq bħala theddida għal kwalunkwe rivoluzzjonarju futur.

Fl-1876 inħolqot l-Escola de Minas (l-Iskola tal-Minjieri). Din l-iskola stabbiliet il-pedament teknoloġiku għal diversi skoperti ta' minerali fil-Brażil.

Ouro Preto kienet il-belt kapitali ta' Minas Gerais mill-1720 sal-1897, meta l-ħtiġijiet tal-gvern saru ikbar minn din il-belt f'wied. Il-gvern statali ġie ttrasferit lejn il-belt ippjanat il-ġdida ta' Belo Horizonte.

Data importanti

[immodifika | immodifika s-sors]

Popolazzjoni: data miċ-ċensiment tal-2010 (IBGE)

  • Popolazzjoni residenti: 70,227 ruħ
  • Żona urbana: 56,293 ruħ
  • Żona rurali: 9,985 ruħ
  • Erja tal-muniċipalità: 1,245 km2
  • Temperatura: bejn 6 u 28 grad Celsius; f'Ġunju u f'Lulju t-temperatura tilħaq -2 gradi Celsius
  • Elevazzjoni medja: 1,116-il metru; l-ogħla punt huwa Pico de Itacolomi f'għoli ta' 1,722 metru
  • Il-belt għandha tnax-il distrett: Amarantina, Antônio Pereira, Cachoeira do Campo, Engenheiro Correia, Glaura, Lavras Novas, Miguel Burnier, Santa Rita, Santo Antônio do Leite, Santo Antônio do Salto, São Bartolomeu u Rodrigo Silva
  • Xmajjar: sorsi għal Velhas, Piracicaba, Gualaxo do Norte, Gualaxo do Sul, Mainart u Ribeirão Funil.
  • Introjtu Pro Capita: R$23,622 (US$6,270.16)
  • HDI: 0.741 (għoli)

Il-belt hija kkollegata permezz ta' toroq iserrpu u mhux imdawla mal-awtostradi lejn:

Il-muniċipalitajiet konfinanti huma:

  • Fit-Tramuntana: Itabirito u Santa Bárbara;
  • fin-Nofsinhar: Ouro Branco, Catas Altas da Noruega, Piranga u Itaverava;
  • fil-Lvant: Mariana;
  • fil-Punent: Belo Vale u Congonhas.

Ouro Preto tinsab 1,179 metru (3,868 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar u għandha klima tropikali tal-artijiet għoljin (Cwa skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), bi sjuf sħan u umdużi, u bi xtiewi miti u nexfin. Okkażjonalment ikun hemm il-ġlata f'Ġunju u f'Lulju. Il-borra ġiet irrapportata fil-belt fl-1843.

Data klimatika Ouro Preto, Brazil
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Medja massima kuljum °C (°F) 26.0
(78.8)
26.1
(79.0)
25.3
(77.5)
24.0
(75.2)
22.5
(72.5)
21.6
(70.9)
21.3
(70.3)
23.0
(73.4)
24.0
(75.2)
24.2
(75.6)
24.5
(76.1)
24.6
(76.3)
23.9
(75.1)
Medja minima kuljum °C (°F) 15.6
(60.1)
15.5
(59.9)
14.0
(57.2)
13.4
(56.1)
10.9
(51.6)
9.1
(48.4)
8.3
(46.9)
9.5
(49.1)
12.0
(53.6)
13.7
(56.7)
14.7
(58.5)
15.2
(59.4)
12.7
(54.8)
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) 283
(11.1)
208
(8.2)
175
(6.9)
82
(3.2)
29
(1.1)
17
(0.7)
15
(0.6)
24
(0.9)
57
(2.2)
115
(4.5)
223
(8.8)
324
(12.8)
1,552
(61)
Sors: Climatedata.org

Għalkemm Ouro Preto issa tiddependi ferm fuq l-industrija tat-turiżmu għal parti mill-ekonomija tagħha, għad hemm industriji metallurġiċi u tal-estrazzjoni fil-belt, bħal Novelis, li qabel kienet Alcan, li hija l-iżjed fabbrika importanti tal-aluminju fil-pajjiż, Vale S.A., u oħrajn. L-attivitajiet ekonomiċi prinċipali huma t-turiżmu, l-industriji tat-trasformazzjoni u r-rikkezzi minerali bħad-depożiti tal-ħadid, tal-boksajt, tal-manganiż, tat-talk u tal-irħam.

Fost il-minerali notevoli fil-belt hemm: id-deheb, l-ematit, id-dolomit, it-turmalin, il-pirit, il-muskovit, it-topaz u t-topaz imperjali, li hija ħaġra li tinstab f'Ouro Preto biss.

L-oġġetti artiġjanali tas-sapun huma tifkira komuni fost ix-xiri tat-turisti, u jistgħu jinstabu f'bosta ħwienet fiċ-ċentru storiku tal-belt u fis-swieq fit-toroq. Għall-bejgħ wieħed jista' jsib ukoll ġojjellerija magħmula minn ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż lokali (bħall-ematit).

L-Università u l-fratellanzi

[immodifika | immodifika s-sors]

Ouro Preto hija belt universitarja b'bosta studenti. L-Universidade Federal de Ouro Preto (l-Università Federali ta' Ouro Preto jew UFOP) għandha madwar 10,000 student fil-belt. Ħafna minnhom jgħixu fi djar komunali li huma kemxejn simili għad-djar tal-fratellanzi tal-kulleġġi tal-Amerka ta' Fuq. Dawn id-djar komunali jew kondiviżi jissejħu repúblicas; 66 minnhom huma proprjetà tal-università u jissejħu repúblicas federais, filwaqt li 250 minnhom għandha sjieda privata u jissejħu repúblicas particulares.

Is-sistema tar-repúblicas ta' Ouro Preto hija unika fil-Brażil. L-ebda belt universitarja oħra fil-pajjiż ma għandha l-istess karatteristiċi tal-akkomodazzjoni tal-istudenti preżenti hemmhekk. Hija simili għar-repúblicas tal-Università ta' Coimbra fil-Portugall fejn oriġinat din it-tradizzjoni. Qabel ma ġew stabbiliti l-universitajiet fil-Brażil, Coimbra kienet il-post fejn kienu jmorru l-istudenti sinjuri li kienu jifilħu jħallsu għal edukazzjoni barra mill-pajjiż. Kull república għandha l-istorja differenti tagħha. Hemm repúblicas li fihom l-istudenti ġodda, magħrufa wkoll bħala "bixos" (terminu spellut ħażin minn "bichos", li bil-Portugiż tfisser "annimali"), ikollhom jgħaddu minn perjodu ta' prova, imsejjaħ batalha (battalja), qabel ma jiġu aċċettati b'mod permanenti bħala residenti tad-djar. L-għażla finali tal-istudenti l-ġodda, imsejħa escolha, trid tkun unanima fost l-istudenti li jkunu ilhom l-iktar fid-dar.

Il-Mużew tal-Mineraloġija tal-Iskola tal-Minjieri jaf ikun ta' interess speċjali għall-viżitaturi. Jagħmel parti mill-Iskola tal-Minjieri tal-UFOP, li nfetħet fit-12 ta' Ottubru 1876. Il-mużew jinsab f'20, Pjazza Tiradentes, fiċ-ċentru storiku tal-belt, u fih ġabra rikka ta' minerali għall-wiri, inkluż ħaġar prezzjuż u semiprezzjuż, kif ukoll kristalli kbar. Madankollu, is-sigurtà hija stretta (pereżempju ma tistax iddaħħal kamera miegħek), minħabba l-valur inkalkolabbli tal-ħaġar u tal-minerali li jinsabu għall-wiri.

Attrazzjonijiet turistiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' San Franġisk ta' Assisi.

Ouro Preto hija destinazzjoni turistika ewlenija, bis-saħħa tad-dehra kolonjali ppreservata sew tagħha kif ukoll l-arkitettura Barokka u t-toroq biċ-ċagħaq.

Il-belt fiha bosta knejjes, ħafna minnhom magħrufa għall-arti reliġjuża u għall-arkitettura Barokka tagħhom. Uħud mill-iżjed magħrufa huma:

  • Nossa Senhora do Carmo (il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu) - qrib il-Pjazza Tiradentes, viċin il-Mużew tal-Inconfidência;
  • São Francisco de Assis (il-Knisja ta' San Franġisk ta' Assisi);
  • Nossa Senhora da Conceiçao (il-Knisja tal-Kunċizzjoni Immakulata);
  • Capela do Padre Faria (il-Kappella ta' Patri Faria);
  • Nossa Senhora das Mercês (il-Knisja tal-Madonna tal-Ħniena);
  • Nossa Senhora do Pilar (il-Knisja tal-Madonna tal-Pilastru);
  • Nossa Senhora do Rosário (il-Knisja tal-Madonna tar-Rużarju).
  • Museu da Inconfidência (il-Mużew tal-Inconfidência): fl-eks palazz muniċipali fil-Pjazza Tiradentes, b'tagħrif dwar il-moviment tal-indipendenza tal-Inconfidencia;
  • Museu do Oratório (il-Mużew tal-Oratorju): qrib il-Knisja ta' Nossa Senhora do Carmo, b'bosta arti reliġjuża għall-wiri;
  • Museu de Ciência e Técnica (il-Mużew tax-Xjenza u tat-Teknoloġija): fil-binja tal-Iskola tal-Minjieri ta' Ouro Preto fil-Pjazza Tiradentes; il-mużew huwa magħruf għall-kollezzjoni tiegħu ta' eżemplari ta' minerali;
  • Casa Dos Contos: mużew storiku;
  • Capela Padre Fabio de Mello;
  • Museu do Aleijadinho: fil-Pjazza ta' Antônio Dias; mużew storiku magħruf għall-kollezzjoni ta' pitturi ta' Aleijadinho.

Għadd ta' eks minjieri tad-deheb fil-belt joffru mawriet turistiċi. Waħda fost l-iktar magħrufa hija l-Mina do Chico Rei, qrib is-Santwarju ta' Nossa Senhora da Conceição. Minjiera famuża oħra hija l-Mina da Passagem. Fil-bidu tas-seklu 19, il-Portugall ta l-użu esklużiv ta' din il-minjiera lir-Renju Unit għal 100 sena biex iħallas id-dejn sovran tiegħu. Din hija l-ikbar minjiera fid-dinja li hija miftuħa għall-pubbliku. Il-muniċipalità fiha madwar 10 % tal-31,270 ettaru (77,300 akru) tal-Park Nazzjonali ta' Serra do Gandarela, li nħoloq fl-2014.

Il-karnival fit-toroq ta' Ouro Preto jattira eluf ta' nies kull sena. L-iżjed tip tradizzjonali ta' parati jsiru fi "blokok tal-karnival", fejn il-baned idoqqu madwar il-belt, segwiti minn bosta artisti tal-parati lebsin kostumi. Il-blokka tal-karnival Zé Pereira dos Lacaios, stabbilita fl-1867, hija l-eqdem waħda li għadha attiva fil-Brażil. Barra minn hekk, ikun hemm ukoll parati tal-iskejjel tas-samba.

Il-festa fit-toroq tiġi ċċelebrata wkoll fl-irħula ġirien bħal Mariana.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Raħal Storiku ta' Ouro Preto ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1980.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]

F'Ouro Preto ġiet ambjentata l-kummiedja Moon over Parador (1988), film bl-atturi Richard Dreyfuss u Sonia Braga.

L-estrazzjoni hija s-sitt l-ikbar industrija fil-Brażil.

  1. 1 2 3 "Historic Town of Ouro Preto - UNESCO".