Ortikultura


L-ortikultura (mil-Latin: orti + kultura) hija x-xjenza u l-arti tat-tkabbir tal-frott, ħaxix, fjuri, jew pjanti ornamentali. L-ortikultura hija differenti mill-agrikultura ġenerali, l-agronomija, u l-ġardinaġġ peress li tinvolvi speċjalizzazzjoni u kultivazzjoni kkontrollata u mmaniġġjar tal-pjanti u l-ekosistemi tagħhom. Din tista’ tiġi distinta permezz tal-oqsma sekondarji tagħha u/jew espressjonijiet botaniċi uniċi. Hemm diversi diviżjonijiet tal-ortikultura minħabba li l-pjanti jitkabbru għal skopijiet varji. Dawn id-diviżjonijiet jinkludu, iżda mhux biss: il-propagazzjoni, l-arborikultura, it-tisbiħ tal-pajsaġġ, il-florikultura u l-manutenzjoni tat-terf. Għal kull wieħed minn dawn hemm diversi xogħlijiet, aspetti, għodod użati u sfidi relatati – li kollha jeħtieġu ħiliet speċjalizzati ħafna u għarfien min-naħa tal-ortikulturist.
Tipikament, l-ortikultura hija kkaratterizzata bħala kultivazzjoni ornamentali, fuq skala żgħira u mhux industrijali tal-pjanti; l-ortikultura hija distinta mill-ġardinaġġ, minħabba l-enfasi tagħha fuq il-metodi xjentifiċi, it-tnissil tal-pjanti, u l-prattiki tekniċi ta’ kultivazzjoni, filwaqt li l-ġardinaġġ, anke f’livell professjonali, għandu t-tendenza li jiffoka aktar fuq il-kura estetika u l-manutenzjoni tal-pjanti fil-ġonna jew fil-pajsaġġi. Madanakollu, xi aspetti tal-ortikultura huma industrijalizzati jew kummerċjali, bħall-produzzjoni tas-serra jew l-agrikultura f’ambjent ikkontrollat.
L-ortikultura bdiet bid-domestikazzjoni tal-pjanti madwar 10,000 sa 20,000 sena ilu. Fil-bidu, kienu jitkabbru u jinżammu biss pjanti għall-għajxien, iżda hekk kif l-umanità saret aktar sedentarja, il-pjanti bdew jitkabbru għall-valur ornamentali tagħhom. L-ortikultura żviluppat bħala qasam distint mill-agrikultura hekk kif il-bnedmin riedu jikkultivaw il-pjanti għall-pjaċir fuq skala iżgħar, iktar milli għall-fini t’għajxien biss.
It-teknoloġiji emerġenti qed imexxu ’l quddiem l-industrija, speċjalment fl-alterazzjoni tal-pjanti biex ikunu aktar reżistenti għall-parassiti, il-mard u n-nixfa. It-teknoloġiji li jimmodifikaw, bħas-CRISPR, qed itejbu wkoll in-nutrizzjoni, it-togħma u r-rendiment tal-għelejjel.
Bosta organizzazzjonijiet u soċjetajiet ortikulturali madwar id-dinja ġew imwaqqfa minn ortikulturisti u nies fl-industrija. Dawn jinkludu s-Soċjetà Rjali Ortokulturali (Royal Horticultural Society), is-Soċjetà Internazzjonali għax-Xjenza Ortokulturali (International Society for Horticultural Science), u s-Soċjetà Amerikana tax-Xjenza Ortikulturali (American Society of Horticultural Science).