Ornella Vanoni
| Ornella Vanoni | |
|---|---|
![]() | |
| Ħajja | |
| Twelid | Milan, 22 Settembru 1934 |
| Nazzjonalità | Italja |
| Residenza | Milan |
| Mewt | Milan, 21 Novembru 2025 |
| Kawża tal-mewt | kawżi naturali (attakk tal-qalb) |
| Familja | |
| Konjuga/i |
Lucio Ardenzi (mul) |
| Edukazzjoni | |
| Lingwi | Taljan |
| Okkupazzjoni | |
| Okkupazzjoni |
attur kantant artist diskografiku liriċista |
|
Parteċipant | |
| Premjijiet | |
| Moviment artistiku |
mużika pop mużika ħafifa |
| Strument/i tal-mużika | vuċi |
| Tikketta tar-reġistrazzjoni |
Dischi Ricordi (en) Ariston (en) Durium (en) CGD (en) Vanilla (en) Fonit Cetra (en) |
Ornella Vanoni (pronunzja Taljana: [orˈnɛlla vaˈnoːni]; 22 ta’ Settembru 1934 – 21 ta’ Novembru 2025) kienet kantanta u kantawtriċi Taljana. B’karriera twila kważi sebgħin sena, kienet waħda mill-iktar artisti tal-mużika fl-Italja li damet għaddejja. Matul il-karriera twila tagħha, ħarġet madwar 121 biċċa xogħol li jvarjaw bejn LPs, EPs u albums bl-ikbar suċċessi mużikali tagħha, u biegħet iktar minn 65 miljun kopja, hekk kif inhi meqjusa bħala waħda mill-iktar artisti popolari tal-mużika pop Taljana.
Il-karriera artistika
[immodifika | immodifika s-sors]Vanoni bdiet il-karriera artistika tagħha fl-1960 bħala attriċi tat-teatru. Hi esegwiet l-iktar ix-xogħlijiet ta’ Bertolt Brecht, taħt id-direzzjoni ta’ Giorgio Strehler fil-Piccolo Teatro tiegħu fil-belt nattiva tagħha, Milan. Fl-istess żmien, hi bdiet il-karriera tal-mużika. Il-kanzunetti folklor u popolari li esplorat fl-ewwel rekords tagħha, speċjalment dawk dwar il-kriminalità organizzata f’Milan (Canzoni della Mala), wassluha biex titlaqqam bħala cantante della mala (il-kantanta li trattat it-tema tal-kriminalità organizzata) għall-kant tagħha bid-djalett ta’ Milan ta’ dak il-ġeneru.
Fl-1963, Vanoni kisbet suċċess kbir biż-żewġ kanzunetti tagħha “Senza fine” u “Che cosa c’è”, it-tnejn miktuba għaliha minn Gino Paoli. Fl-1964, hija rebħet il-festival tal-kanzunetta Naplitana b’“Tu si na cosa grande”. Fis-snin ta’ wara, hija ħadet sehem diversi drabi f’Sanremo bil-kanzunetti “Abbracciami forte” (1965), “Io ti darò di più” (1966), “La musica è finita” (1967), “Casa Bianca” (1968), u “Eternità” (1970). “Casa Bianca”, li fl-1968 ikklassifikat fit-tieni post, kienet is-suġġett ta’ tilwima dwar il-copyright bejn il-kompożitur tal-kanzunetta, Don Backy, u t-tikketta diskografika Clan Celentano.
Fl-aħħar tas-60ijiet, Vanoni rrekordjat “Una ragione di più”, “Un’ora sola ti vorrei”, “L’appuntamento” (interpretazzjoni tal-kanzunetta Brażiljana “Sentado à beira do caminho” ta’ Erasmo Carlos u Roberto Carlos) u “Non dirmi niente”, interpretazzjoni tal-kanzunetta ta’ Burt Bacharach, “Don’t Make Me Over”. Fl-1972, hija kantat “Quei giorni insieme a te”, is-sigla tal-film thriller misterjuż milqugħ ħafna mill-kritiċi ta’ Lucio Fulci, Don’t Torture a Duckling.

Fl-1976, Vanoni kkollaborat ma’ Vinicius de Moraes u Toquinho fuq l-album La voglia, la pazzia, l’incoscienza, l’allegria, imfakkar l-iktar għat-titlu tad-diska, “La voglia, la pazzia”. Matul it-80ijiet, hija ħarġet “Ricetta di donna”, “Uomini”, u “Ti lascio una canzone” (ma’ Gino Paoli). Fl-1989, hija pparteċipat mill-ġdid f’Sanremo bil-kanzunetta, “Io come farò”. Fl-1999, hija rrekordjat “Alberi”, dwett ma’ Enzo Gragnaniello. Fl-2004, ħarġet l-album ta’ dwetti ma’ Paoli biex tiċċelebra s-70 sena tagħha.
Apparti l-karriera tagħha tal-mużika, Vanoni kienet attiva f’oqsma kreattivi oħra fosthom fuq il-palk u fi spettakli tat-televiżjoni u l-films. F’Jannar tal-1977, hija ppużat għarwiena għall-edizzjoni Taljana tal-magażin Playboy u bħala ħlas talbet skultura tal-artist ħabib tagħha Arnaldo Pomodoro. L-inklużjoni tal-kanzunetta tagħha, “L’appuntamento” (1970) bħala s-silta mużikali għal Ocean’s Twelve ta’ Steven Soderbergh fl-2004 qajmet mill-ġdid interess mondjali fil-mużika tagħha. Is-silta mużikali tal-film Daniż, Toscana (2022, Netflix) inkludiet ukoll din il-kanzunetta.
