Aqbeż għall-kontentut

Oqbra ta' Mozu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ritratt mill-ajru tal-Oqbra ta' Mozu b'għamla ta' toqba tas-serratura.

L-Oqbra ta' Mozu (bil-Ġappuniż: 百舌鳥古墳群, Mozu kofungun) huma grupp ta' kofun (bil-Ġappuniż: 古墳) — oqbra megalitiċi — fil-belt ta' Sakai, il-Prefettura ta' Osaka, il-Ġappun. Oriġinarjament il-grupp kien jikkonsisti minn iktar minn 100 qabar, iżda issa fadal inqas minn 50 % b'għamla ta' toqba tas-serratura, ċirkolari u rettangolari/kwadra.[1][2]

Huwa maħsub li l-Qabar ta' Daisenryo (bil-Ġappuniż: 大仙陵古墳, Daisenryō kofun), l-ikbar kofun fil-Ġappun, inbena matul perjodu ta' 20 sena f'nofs is-seklu 5 W.K.[3] matul il-Perjodu tal-Kofun. Filwaqt li dan ma jistax jiġi kkonfermat bir-reqqa, huwa aċċettat b'mod ġenerali li l-qabar inbena għall-Imperatur Nintoku. L-Aġenzija tas-Sjieda Imperjali ssostni dan il-ħsieb.[4]

Ir-Raggruppament Funebri Antik ta' Mozu jinsab fil-belt ta' Sakai li tinsab fi ħdan il-Prefettura ta' Osaka. It-tumbati funebri nbnew fuq promontorju faċċata tal-Bajja ta' Osaka qrib il-kosta tal-qedem u huma mifruxa fuq medda ta' madwar 4 kilometri mil-Lvant għall-Punent u mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Ir-Raggruppament Funebri Antik ta' Furuichi jinsab fil-bliet fil-qrib ta' Habikino u ta' Fujiidera.[5]

Fl-arċipelagu Ġappuniż, inbnew iktar minn 20,000 qabar (kofun), bħala tumbati funebri tal-ħamrija u tal-ġebel fuq l-oqbra tal-klassi mexxejja. Dawn inbnew bejn l-aħħar parti tas-seklu 3 u s-seklu 6. Kien l-eqqel perjodu ta' kostruzzjoni ta' dawn it-tipi ta' oqbra. Jirrappreżentaw tradizzjoni kulturali li hija espressjoni ta' "għamliet u disinni tal-kofun" tal-ordni ġerarkika soċjopolitika u tar-rabta li kienet prevalenti f'dak il-perjodu bejn ir-reġjuni. Dan il-perjodu huwa mlaqqam bħala l-Perjodu tal-Kofun. L-iżjed mawżolej imperjali prominenti f'dan ir-raggruppament ta' tumbati funebri huma dawk tal-Imperatur Nintoku u tal-Imperatur Richū.[6][7]

Fir-raggruppament tal-oqbra ta' Mozu hemm 44 tumbata funebri, inkluż dawk li nqerdu parzjalment.[8] Minnhom, 19 ġew iddeżinjati bħala Siti Storiċi Nazzjonali,[9][10] u separatament, l-Aġenzija tas-Sjieda Imperjali ddeċidiet li tlieta huma mawżolej imperjali, tnejn huma "Siti Funebri ta' Referenza", u 18 huma baichō jew mawżolej anċillari kkollegati ma' mawżolew imperjali. Fl-imgħoddi kien hemm iktar minn 100 tumbata funebri, iżda minħabba l-iżvilupp rapidu tal-art residenzjali wara t-Tieni Gwerra Dinjija, iktar minn nofs it-tumbati funebri nqerdu.

Fl-2010, il-gvern Ġappuniż ippropona li l-Kofun ta' Daisen u r-raggruppament kollu tal-Oqbra ta' Mozu u ta' Furuichi jiġu ddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. 9 snin wara fis-6 ta' Lulju 2019, is-sit ġie approvat u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[6]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Raggruppamenti Funebri Antiki ta' Mozu-Furuichi Kofungun ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019 u ġew estiżi fl-2023.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]

Karatteristiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Immaġni tridimensjonali tal-Kofun ta' Kamiishizu Misanzai (il-Qabar tal-Imperatur Richū) b'għamla ta' toqba tas-serratura.

Il-kofun inbnew b'bosta għamliet u daqsijiet b'disinni differenti. Uħud għandhom għamla ċirkolari jew kwadra sempliċi (empun u hōfun). Il-kbar għandhom għamla ta' toqba tas-serratura (zempō kōenfun); dawn jirrappreżentaw l-ogħla klassi ta' kofun u nbnew b'dettall kbir. It-tliet aspetti prominenti ta' dawn il-kofun huma d-daqs enormi tagħhom, li huma mdawrin b'diversi ħniedaq, u li huma mdawrin b'bosta kofun sekondarji.

Immaġni tridimensjonali tal-Kofun ta' Haze Nisanzai b'għamla ta' toqba tas-serratura.

Fil-Pjanura ta' Osaka u fil-Baċir ta' Nara, li kienu ċ-ċentru kulturali tal-Perjodu tal-Kofun, l-oqbra ttundjati b'għamla ta' toqba tas-serratura nbnew b'kobor enormi, u fosthom ir-Raggruppamenti Funebri Antiki ta' Mozu-Furuichi huma l-iżjed prominenti. Dawn huma maqsuma f'żewġ gruppi ta' kofun li jmorru lura għall-aħħar parti tas-seklu 4 u għall-bidu tas-seklu 6. Dawn il-kofun huma l-ikbar fil-pajjiż. Il-Kofun ta' Nintoku-tennō-ryō, hija tumbata funebri waħda twila 486 metru (1,594 pied) u mdawra b'ħandaq u b'fortifikazzjoni twal 840 metru (2,760 pied); jingħad li din hija l-ikbar tumbata funebri fid-dinja. Dan ir-raggruppament jinkludi wkoll il-Kofun ta' Richū-tennō-ryō, b'tumbata funebri twila 360 metru (1,180 pied) li jingħad li hija t-tielet l-ikbar fil-pajjiż.

Grupp ieħor ta' tumbati funebri, li jinsab madwar 10 kilometri (6.2 mili) 'il bogħod mir-Raggruppament Funebri Antik ta' Mozu, huwa magħruf bħala r-Raggruppament Funebri Antik ta' Furuichi. Dan jinkludi l-Kofun ta' Ōjin-tennō-ryō twila 425 metru (1,394 pied), li jingħad li hija t-tieni l-ikbar fil-pajjiż. Dan il-grupp fih ukoll 11-il kofun enormi ttundjat b'għamla ta' toqba tas-serratura, b'tumbata funebri twila 200 metru (660 pied) jew iktar.

Karatteristika ta' dawn it-tumbati funebri hi li fihom – flimkien mal-persuni midfuna – oġġetti funebri magħmula mill-ħadid, armi milbusa mill-individwi, fosthom ponot tal-vleġeġ, xwabel, il-parti tal-ħadid tal-imgħażqiet u tal-pali, u bosta oġġetti simili oħra. Fit-tumbati funebri nstabu wkoll oġġetti antiki magħmula mill-bronż indurat, fosthom xedd u qafliet taż-żwiemel.

Il-Kofun ta' Daisen huwa twil madwar 500 metru (1,600 pied) u wiesa' 300 metru (980 pied) fl-iktar punt wiesa' tiegħu, filwaqt li l-erja kollha tal-qabar hija twila 840 metru (2,760 pied). It-tumbata funebri hija mdawra bi tliet ħniedaq, u togħla madwar 35 metru 'l fuq mill-art tal-madwar. L-ogħla punt huwa ta' 47 metru (154 pied), u dan kien ikun viżibbli saħansitra għal dawk li kienu jbaħħru qrib il-Bajja ta' Osaka. Il-ħandaq intern huwa l-usa' fost il-ħniedaq b'wisa' ta' madwar 60 metru (200 pied). It-tumbata funebri għandha erja ta' madwar 100,000 metru kwadru (1,100,000 pied kwadru), u l-qabar kollu għandu erja ta' 460,000 metru kwadru (5,000,000 pied kwadru).

Illum, il-qabar mhuwiex aċċessibbli u huwa protett mill-Aġenzija tas-Sjieda Imperjali fiċ-ċentru tal-Belt ta' Sakai. Il-ħniedaq żammew u jipprovdu kenn għall-ħut u għall-għasafar tal-ilma. It-tumbata funebri nnifisha hija miksija bil-ħaxix ħażin. Hemm pjattaforma ta' osservazzjoni aċċessibbli mit-tieni ħandaq (nofsani) fin-naħa tan-Nofsinhar tas-sit. Il-pjattaforma ta' osservazzjoni tinsab 500 metru 'l bogħod mill-Istazzjon ta' Mozu tal-Linja ta' Hanwa u tinsab faċċata tal-Mużew tal-Belt ta' Sakai. Dan il-mużew jipprovdi informazzjoni dwar il-kofun u l-istorja tagħha lill-viżitaturi.

Lista tal-kofun ewlenin
Isem Isem bil-Ġappuniż Post Tip Tul Sit Storiku Nazzjonali Sid Imperjali Kummenti
Il-Kofun ta' Daisenryō 大仙陵古墳 Sakai-ku, Sakai Toqba tas-serratura 525 m Le l-Imperatur Nintoku Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Kamiishizumisanzai 上石津ミサンザイ古墳 Nishi-ku, Sakai Toqba tas-serratura 365 m Le l-Imperatur Richū Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Hazenisanzai 土師ニサンザイ古墳 Nishi-ku, Sakai Toqba tas-serratura 290 m Iva Sit ta' Referenza tal-Lvant ta' Mozu Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Kobyōyama 御廟山古墳 Kita-ku, Sakai Toqba tas-serratura 203 m Iva Sit ta' Referenza ta' Mozu Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Chin'ooka 乳岡古墳 Sakai-ku, Sakai Toqba tas-serratura 155 m Iva
Il-Kofun ta' Tadeiyama 田出井山古墳 Sakai-ku, Sakai Toqba tas-serratura 148 m Le l-Imperatur Hanzei Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Itasuke いたすけ古墳 Kita-ku, Sakai Toqba tas-serratura 146 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Nagatsuka 長塚古墳 Sakai-ku, Sakai Toqba tas-serratura 106 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Nagayama 永山古墳 Sakai-ku, Sakai Toqba tas-serratura 100 m Sit Storiku tal-Belt ta' Sakai baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Maruhoyama 丸保山古墳 Sakai-ku, Sakai Arzella 87 m Iva baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Gobyō-Omotezuka 御廟表塚古墳 Kita-ku, Sakai Toqba tas-serratura 85 m Iva
Il-Kofun ta' Zenizuka 銭塚古墳 Sakai-ku, Sakai Arzella 72 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Jōnoyama 定の山古墳 Kita-ku, Sakai Arzella 69 m Le
Il-Kofun ta' Daianjiyama 大安寺山古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 62 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Tatsusayama 竜佐山古墳 Sakai-ku, Sakai Arzella 61 m Sit Storiku tal-Belt ta' Sakai baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Guwashobō グワショウ坊古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 61 m Iva
Il-Kofun ta' Monjuzuka 文珠塚古墳 Nishi-ku, Sakai Toqba tas-serratura 59 m Iva
Il-Kofun ta' Osamezuka 収塚古墳 Sakai-ku, Sakai Arzella 58 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Hatazuka 旗塚古墳 Kita-ku, Sakai Arzella 58 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Chayama 茶山古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 56 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Magodaiyūyama 孫太夫山古墳 Sakai-ku, Sakai Arzella 56 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Kabutozuka かぶと塚古墳 Nishi-ku, Sakai Arzella 50 m Le
Il-Kofun ta' Hinotani 樋の谷古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 47 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Terayama Minamiyama 寺山南山古墳 Nishi0ku, Sakai Kwadru 45 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Genemonyama 源右衛門山古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 34 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Chinjuyama 鎮守山塚古墳 Kita-ku, Sakai Ċirkolari 34 m Le
Il-Kofun ta' Komoyamazuka 菰山塚古墳 Sakai-ku, Sakai Arzella 33 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Shichikannon 七観音古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 33 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Tsukamawari 塚廻古墳]] Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 32 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Kitsuneyama 狐山古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 30 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Zan'emonyama 善右ヱ門山古墳 Kita-ku, Sakai Kwadru 28 m Iva Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Kagamizuka 鏡塚古墳 Kita-ku, Sakai Ċirkolari 26 m Iva
Il-Kofun ta' Dōgameyama 銅亀山古墳 Sakai-ku, Sakai Kwadru 26 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko Sit ta' Wirt Dinji
Il-Kofun ta' Donchayama ドンチャ山古墳 Kita-ku, Sakai Ċirkolari 26 m Iva
Il-Kofun ta' Mozuyama 万代山古墳 Kita-ku, Sakai Toqba tas-serratura 25 m+ Le
Il-Kofun ta' Nishisakenomi 西酒呑古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 25 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Hinokizuka 桧塚古墳 Sakai-ku, Sakai Toqba tas-serratura 25 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Suzuyama 鈴山古墳 Sakai-ku, Sakai Kwadru 22 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Higashisakenomi 東酒呑古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 21 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Kyōdō 経堂古墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari 20 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Shorakujiyama 正楽寺山古墳 Kita-ku, Sakai Ċirkolari 16 m Iva
Il-Kofun ta' Tennō 天王古墳 Sakai-ku, Sakai Kwadru 11 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Hōzuyama 坊主山古墳 Kita-ku, Sakai Ċirkolari 10 m Le baichō tal-Imperatur Nintoko
Il-Kofun ta' Higashi Ueno Shibamachi Nru 1 東上野芝町1号墳 Sakai-ku, Sakai Ċirkolari Le
  1. ^ "Sightseeing in Sakai". web.archive.org. 2011-07-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2025-03-19.
  2. ^ "Kofun Database". web.archive.org. 2011-07-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2025-03-19.
  3. ^ "Graves | Japanology Plus - TV - NHK WORLD - English". web.archive.org. 2018-06-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-06-26. Miġbur 2025-03-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "堺市・仁徳陵古墳". www.kiis.or.jp. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2025-03-19.
  5. ^ "Characteristics of the Mozu-Furuichi Kofungun | World Heritage Mozu-Furuichi Kofun Group: Mounded Tombs of Ancient Japan". www.mozu-furuichi.jp. Miġbur 2025-03-19.
  6. ^ a b ċ d "Mozu-Furuichi Kofun Group: Mounded Tombs of Ancient Japan - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-19.
  7. ^ Fawcett, Clare P. (1990). A study of the socio-political context of Japanese archaeology. McGill University, Montréal. p. 111.
  8. ^ "古墳データベース". www.city.sakai.lg.jp (bil-Ġappuniż). Miġbur 2025-03-19.
  9. ^ "国指定文化財等データベース". kunishitei.bunka.go.jp. Miġbur 2025-03-19.
  10. ^ Isomura, Yukio; Sakai, Hideya (2012). (国指定史跡事典) National Historic Site Encyclopedia. 学生社. ISBN 978-4311750403.