Aqbeż għall-kontentut

Oqbra imperjali tad-dinastija Xixia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Mawżolew Nru 1 fin-nofs u l-Muntanji Helan fl-isfond.

L-Oqbra imperjali tad-dinastija Xixia jew il-Mawżolej tad-dinastija Xia tal-Punent jokkupaw erja ta' xi 50 km2 (19-il mil kwadru) fil-bażi tal-Muntanji Helan fir-Reġjun Awtonomu ta' Ningxia Hui fil-Majjistral taċ-Ċina, u jinkludu 9 mawżolej imperjali u 250 qabar ta' qrabat imperjali u uffiċjali tad-dinastija Xia tal-Punent. Dan il-kumpless funebri jinsab xi 40 kilometru (25 mil) lejn il-Punent tal-belt kapitali tal-Xia tal-Punent, Xingqing fu jew Xingqing, li llum il-ġurnata hija magħrufa bħala Yinchuan, il-belt kapitali tar-Reġjun Awtonomu ta' Ningxia Hui.[1]

Sa issa ġew skavati xi 17,000 m2 (180,000 pied kwadru), u qed isiru sforzi biex il-fdalijiet ta' din l-era mhux daqstant mifhuma jibqgħu siguri u jiġu ppreservati.[2]

Id-dinastija Xia tal-Punent jew Xixia kienet teżisti bejn l-1038 u l-1227, meta nħakmet mill-Mongoli taħt Genghis Khan. L-imperu ġie stabbilit mill-grupp etniku tat-Tangut, li attwalment ma tantx hemm tagħrif dwaru. Mill-iskavi attwali, il-mawżolew nru 3 biss ġie skavat u rriċerkat b'mod adegwat. Dan il-mawżolew li ġie attribwit lill-ewwel imperatur tad-dinastija Xia tal-Punent, Jingzong, imwieled Li Yuanhao (li rrenja fl-1003–1048), ġie ddeterminat bħala kostruzzjoni ta' paviljun-torri li jħallat flimkien l-istili tradizzjonali ta' mawżolew u ta' tempju b'karatteristiċi Buddisti.[2]

Il-belt kapitali u l-kumpless funebri tad-dinastija Xia tal-Punent baqgħu mistura għall-esploraturi bikrin tas-seklu 20 tal-Asja Ċentrali, inkluż Pyotr Kozlov, Aurel Stein u Sven Hedin. Matul iż-żminijiet moderni, dawn ġew irrapportati għall-ewwel darba minn Wulf-Dieter Graf zu Castell, li ddokumenta s-sit b'ritratt mill-ajru, li ġie ppubblikat fl-1938 fil-ktieb tiegħu msejjaħ Chinaflug.[1]

L-oqbra tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[3][4]

Mawżolej imperjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-bażi tal-isteli tal-Mawżolew Nru 3.

Iż-żona okkupata mill-oqbra imperjali tad-dinastija Xixia hija orjentata mil-Lbiċ għall-Grigal tul it-tarf tal-Lvant tal-Muntanji Helan, u hija twila madwar 12-il kilometru u wiesgħa sa 2.5 kilometri. Id-disa' mawżolej imperjali jinsab min-Nofsinhar għat-Tramuntana fuq distanza ta' madwar 10 kilometri, bl-iżjed imperaturi bikrin midfuna fin-Nofsinhar, u l-imperaturi li ġew wara midfuna lejn it-Tramuntana.

Kull mawżolew għandu konfigurazzjoni simili (ara l-pjanta tal-Mawżolew Nru 2 iktar 'l isfel), li ġeneralment hija magħmula minn ħajt rettangolari fuq barra madwar il-qabar (waicheng 外城), b'par torrijiet tad-daħla (quetai 鵲臺) fin-naħa tan-Nofsinhar, imbagħad paviljun wieħed jew iktar (normalment par) li jospitaw l-isteli ta' mafkar (beiting 碑亭), fortifikazzjoni rettangolari (yuecheng 月城) quddiem id-daħla li tagħti għal kompartiment kwadru jew rettangolari (lingcheng 陵城), b'torrijiet tal-għassa (jiaoque 角闕) fl-erba' rkejjen. It-tumbata funebri solida li nbniet fuq is-sit tad-dfin inbniet b'ħamrija kkumpattjata. Hija ppożizzjonata b'mod mhux iċċentrat, fin-naħa tal-Majjistral tal-kompartiment intern, u hija għolja 23 metru u twila 30 metru. Fit-tumbati funebri hemm toqob li oriġinarjament x'aktarx li kienu jirfdu xi xorok tal-injam. Peress li nstab ukoll għadd kbir ħafna ta' madum f'kull mawżolew, huwa maħsub li t-tumbati li għadhom eżistenti huma l-qalba ta' monument arkitettoniku iktar sostanzjali, li fl-imgħoddi kien miksi bil-brikks u bil-madam tas-saqaf u skulturi dekorattivi f'kull sular.[5]

Il-Mawżolej Nri 1 u 2 jinsab qrib xulxin fin-naħa tan-Nofsinhar tal-kumpless funebri, u huma l-ikbar żewġ oqbra, b'ħajt madwarhom fuq barra ta' 340 metru b'224 metru. Huwa maħsub li dawn iż-żewġ mawżolej kienu tan-nannu (Li Jiqian) u tal-missier (Li Deming) ta' Li Yuanhao, l-ewwel Imperatur tad-dinastija Xia tal-Punent.

Il-Mawżolej Nri 3 u 5 jinsabu madwar 4 kilometri iktar lejn it-Tramuntana, u l-Mawżolew Nru 3 jinsab fil-Lvant taż-żona tal-oqbra, filwaqt li l-Mawżolew Nru 4 jinsab madwar 2 kilometri lejn il-Punent, qrib il-ġenb tal-muntanji. Huwa maħsub li l-Mawżolew Nru 3 kien okkupat mill-Imperatur Jingzong (l-ewwel imperatur, li rrenja fl-1038–1048) u l-Mawżolew Nru 4 kien okkupat mill-Imperatur Yizong (it-tieni imperatur, li rrenja fl-1048–1068).[6]

Xi 2 kilometri iktar lejn it-Tramuntana hemm il-Mawżolej Nri 5 u 6, li huwa maħsub li kienu okkupati mill-Imperaturi Huizong (it-tielet imperatur, li rrenja fl-1068–1086) u Chongzong (ir-raba' imperatur, li rrenja fl-1086–1139) rispettivament.[7]

Xi 3 kilometri iktar lejn it-Tramuntana hemm grupp ta' tliet mawżolej għall-Imperaturi Renzong (il-ħames imperatur, li rrenja fl-1139–1193), Huanzong (is-sitt imperatur, li rrenja fl-1193–1206) u Xiangzong (is-seba' imperatur, li rrenja fl-1206–1211). Din iż-żona ġiet żviluppata għall-użu industrijali matul is-snin 70 tas-seklu 20, u parti mill-Mawżolew Nru 7 u l-biċċa l-kbira mill-Mawżolej 8 u 9 twaqqgħu u nbnew binjiet oħra fuqhom, għalkemm it-tumbati funebri għadhom jeżistu. Il-binjiet mis-snin 70 tas-seklu 20 issa twaqqgħu kollha.

Ma hemm l-ebda mawżolew għall-aħħar tliet imperaturi tad-dinastija Xia tal-Punent, Shenzong (it-tmien imperatur, li rrenja fl-1211–1223), Xianzong (id-disa' imperatur, li rrenja fl-1223–1226) u Modi (l-aħħar imperatur, li rrenja fl-1226–1227), x'aktarx għaliex l-imperu tad-dinastija Xia tal-Punent inqered mill-Mongoli qabel ma kien hemm biżżejjed żmien biex jinbnew l-oqbra tagħhom. Madankollu, ġie ssuġġerit li l-Qabar Nru 161, li huwa l-ikbar qabar supplimentari fil-kumpless funebri (twil 165 metru u wiesa' 100 metru) huwa l-qabar imperjali konġunt għall-Imperaturi Shenzong u Xianzong.[8] Dan il-qabar jinsab madwar 200 metru fil-Lbiċ tal-Mawżolew Nru 6 (tal-Imperatur Chongzong), u għalkemm huwa kbir meta mqabbel mal-oqbra ordinarji l-oħra, xorta huwa iżgħar mill-mawżolej imperjali, u ma għandux l-istess konfigurazzjoni ta' kumpless bħall-mawżolej imperjali. Jekk l-Imperaturi Shenzong u Xianzong huma tassew midfuna fil-Qabar Nru 161, dan ikun l-uniku mawżolew li ma jsegwix l-orjentazzjoni min-Nofsinhar għat-Tramuntana.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Oqbra Imperjali tad-Dinastija Xixia ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[3]

Nru Isem Okkupant Ritratt Pjanta
1 Yuling (裕陵) Li Jiqian (李繼遷; 963–1004) Mausoleum of Li Jiqian
2 Jialing (嘉陵) Li Deming (李德明; 981–1032) Mausoleum of Li Deming
Plan of Mausoleum 2
Plan of Mausoleum 2
3 Tailing (泰陵) Li Yuanhao (李元昊; 1003–1048), l-Imperatur Jingzong (li rrenja fl-1038–1048) Mausoleum of Li Yuanhao
4 Anling (安陵) Li Liangzuo (李諒祚; 1047–1068), l-Imperatur Yizong (li rrenja fl-1048–1068) Mausoleum of Li Liangzuo
5 Xianling (獻陵) Li Bingchang (李秉常; 1061–1086), l-Imperatur Huizong (li rrenja fl-1068–1086)
6 Xianling (顯陵) Li Qianshun (李乾順; 1083–1139), l-Imperatur Chongzong (li rrenja fl-1086–1139)
7 Shouling (壽陵) Li Renxiao (李仁孝; 1124–1193), l-Imperatur Renzong (li rrenja fl-1139–1193)
8 Zhuangling (莊陵) Li Chunyou (李純佑; 1177–1206), l-Imperatur Huanzong (li rrenja fl-1193–1206)
9 Kangling (康陵) Li Anquan (李安全; 1170–1211), l-Imperatur Xiangzong (li rrenja fl-1206–1211)
  1. ^ a b Steinhardt, Nancy Shatzman (1993). "The Tangut Royal Tombs near Yinchuan". Muqarnas. 10. Brill Publishers: 369–381. doi:10.2307/1523201. JSTOR 1523201.
  2. ^ a b "Xixia (Western Xia) Mausoleums: Excavation and Protection Underway". en.people.cn. Miġbur 2025-08-12.
  3. ^ a b ċ "Oqbra imperjali tad-dinastija Xixia - UNESCO".
  4. ^ "China's Xixia Imperial Tombs inscribed as UNESCO World Heritage Site". english.news.cn (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-12.
  5. ^ Xu, Cheng; Du, Yubing (1995). 西夏陵 [The Western Xia mausoleums]. Dongfang chubanshe. pp. 163–174. ISBN 7-5060-0673-1.
  6. ^ Li, Fanwen (1984). 西夏陵墓出土残碑粹编 [Collection of stele fragments unearthed from the Western Xia mausoleums]. Wenwu chubanshe. pp. 3–11.
  7. ^ Xu, Cheng; Du, Yubing (1995). 西夏陵 [The Western Xia mausoleums]. Dongfang chubanshe. pp. 6–38. ISBN 7-5060-0673-1.
  8. ^ 岳键 (2007). "161号陪葬墓应为西夏"10号"帝陵". 宁夏师范学院学报 (biċ-Ċiniż). 28 (1): 119–122. ISSN 1674-1331.