Aqbeż għall-kontentut

Olinda

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Olinda
 Brażil
Amministrazzjoni
Stat sovranBrażil
Unità federali tal-BrażilPernambuco
Ismijiet oriġinali Olinda
Kodiċi postali 53100-xxx
Ġeografija
Koordinati 8°00′32″S 34°51′18″W / 8.0089°S 34.855°W / -8.0089; -34.855Koordinati: 8°00′32″S 34°51′18″W / 8.0089°S 34.855°W / -8.0089; -34.855
Olinda is located in Brazil
Olinda
Olinda
Olinda (Brazil)
Superfiċjenti 41.681 kilometru kwadru
Għoli 16 m
Fruntieri ma' Recifeu Paulista
Demografija
Popolazzjoni 349,976 abitanti (2022)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni It-TlietaambUTCIt-Tlieta
Kodiċi tat-telefon 081
bliet ġemellati Cassino, Parintinsu Vila do Conde
olinda.pe.gov.br

Olinda (pronunzja bil-Portugiż: [ɔˈlĩdɐ]) hija belt storika f'Pernambuco, fil-Grigal tal-Brażil. Tinsab mal-kosta tal-Oċean Atlantiku fil-Grigal tal-pajjiż, fir-Reġjun Metropolitan ta' Recife, il-belt kapitali statali.[1] Għandha popolazzjoni ta' 349,976 ruħ, erja ta' 41.681 kilometru kwadru (16.093 mil kwadru), u densità tal-popolazzjoni ta' 9,437 abitant kull kilometru kwadru (24,440/mil kwadru). Hija magħrufa bħala waħda mill-iżjed bliet kolonjali ppreservati sew fil-Brażil u ilha abitata mill-1535.

Bħala l-eks belt kapitali tal-Kapitanat ta' Pernambuco matul il-perjodu kolonjali, Olinda għandha bosta binjiet storiċi — iċ-ċentru storiku ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982 — u kultura rikka.[2] Il-Karnival ta' Olinda, festa popolari li tiġi ċċelebrata fit-toroq, hija simili ħafna għall-karnival tradizzjonali Portugiż, biż-żieda ta' żfin b'influwenza Afrikana, li tirrifletti l-istorja tal-Grigal tal-pajjiż. Il-festa tiġi ċċelebrata fit-toroq mingħajr ħadid jew ħbula ta' protezzjoni, u għad-differenza ta' bliet oħra, id-dħul ikun bla ħlas. Ikun hemm mijiet ta' gruppi mużikali żgħar (xi kultant b'artist wieħed waħdu) ta' ġeneri mużikali differenti.

L-artal prinċipali tal-Knisja ta' San Benedittu.

Bosta tribujiet indiġeni okkupaw il-kosta tal-Grigal tal-Brażil għal diversi eluf ta' snin, u l-għoljiet tal-muniċipalità attwali ta' Olinda kellhom insedjamenti tat-tribujiet Caeté u Tupinambá, li spiss kienu jkunu fi gwerra ma' xulxin. Huwa maħsub li l-merċenarji Franċiżi kienu l-ewwel Ewropej li waslu f'dan ir-reġjun, iżda l-Portugiżi sfruttaw ir-rivalitajiet bejn it-tribujiet u rnexxielhom jibnu fortizza fejn qabel kien hemm il-villaġġ tal-Caeté fil-quċċata ta' għolja. Studji reċenti mill-Università Federali ta' Pernambuco kixfu evidenza ġdida tal-popolazzjoni prekolonjali tal-inħawi.

L-insedjament ta' Olinda ġie stabbilit fl-1535 minn Duarte Coelho Pereira, mill-Portugall; ġie elevat għal raħal fit-12 ta' Marzu 1537. Sar is-sede tal-Prelat Territorjali Kattoliku Ruman ta' Pernambuco fl-1614, u mbagħad sar id-Djoċesi ta' Olinda fl-1676. L-ekonomija tar-reġjun kienet iddominata mill-produzzjoni tal-kannamiela. Din il-produzzjoni, flimkien mal-importazzjoni tal-iskjavi mill-Afrika biex isostnu l-kultivazzjoni, wasslu biex Olinda ssir fortizza kolonjali.

Olinda kienet il-belt kapitali tal-kapitanat ereditarju Portugiż ta' Pernambuco, iżda ngħatat in-nar mill-invażuri Olandiżi. Il-Portugiżi bnew ir-raħal tagħhom fuq għolja, għal skopijiet prattiċi (eż. id-dranaġġi) u biex ikun jista' jiġi difiż iktar faċilment. Fis-seklu 17 ir-Renju tal-Portugall ingħaqad ma' Spanja (l-Unjoni Iberika tal-1580-1640). L-Olandiżi ħadu vantaġġ minn dan il-perjodu ta' dgħufija tal-Portugiżi u okkupaw l-inħawi madwar Olinda u Recife, u kisbu aċċess għall-pjantaġġuni Portugiżi tal-kannamiela. John Maurice, il-Prinċep ta' Nassau-Siegen inħatar bħala l-gvernatur tal-artijiet Olandiżi fil-Brażil fl-1637 mill-Kumpanija Olandiża tal-Punent tal-Indja fuq rakkomandazzjoni ta' Frederick Henry. Huwa żbarka f'Recife, il-port ta' Pernambuco u l-fortizza ewlenija tal-Olandiżi, f'Jannar 1637. Permezz ta' sensiela ta' spedizzjonijiet ta' suċċess, gradwalment estenda t-territorji Olandiżi minn Sergipe fin-Nofsinhar sa São Luís de Maranhão fit-Tramuntana. Barra minn hekk ħakem it-territorji Portugiżi ta' Saint George del Mina, Saint Thomas u Luanda, l-Angola, fil-kosta tal-Punent tal-Afrika. Wara x-xoljiment tal-Unjoni Iberika fl-1640, il-Portugall reġa' stabbilixxa l-awtorità tiegħu fuq it-territorji li kien tilef l-Imperu Portugiż, inkluż l-eks Brażil Olandiż. L-iskjavitù fil-pjantaġġuni tal-kannamiela baqgħet tkun sors ta' ġid f'Olinda sa meta l-Lei Áurea ("Liġi tad-Deheb") aboliet l-iskjavitù fil-Brażil indipendenti fl-1888.

Olinda tilfet ftit mill-importanza tagħha wara l-invażjoni tal-Olandiżi. Recife saret il-belt kapitali ta' Pernambuco fl-1827, u Olinda saret parti miż-żona metropolitana ta' Recife. Minħabba l-pożizzjoni storika tal-belt, il-katidral tagħha, parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, magħruf bħala São Salvador do Mundo, għadu s-sede primarja tal-Arċidjoċesi Kattolika Rumana ta' Olinda u Recife, b'konkatidral f'Recife. Olinda għandha wkoll Bażilika Minuri (Basílica Abacial do Mosteiro de São Bento de Olinda).[3]

Apparti s-sbuħija naturali tagħha, Olinda hija wkoll wieħed miċ-ċentri kulturali prinċipali tal-Brażil: fl-1982 ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Il-belt tfakkar il-kobor tagħha fl-imgħoddi kull sena matul il-Karnival, bir-ritmu tal-frevo, tal-maracatu u ta' mużika u żfin oħra tal-Grigal tal-pajjiż.

Il-Knisja tal-Madonna tal-Borra, il-Kappella ta' San Rokku u l-Kunvent ta' San Franġisk.

Olinda tinsab mal-kosta fl-istat ta' Pernambuco, sitt kilometri fit-Tramuntana taċ-ċentru ta' Recife. Hija kkonfinata mill-Oċean Atlantiku fil-Lvant, mill-muniċipalità ta' Paulista fit-Tramuntana, u minn Recife fin-Nofsinhar u fil-Punent. Olinda tagħmel parti mir-Reġjun Metropolitan ta' Recife (RMR).

L-elevazzjoni medja hi ta' 16-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-pajsaġġi tal-belt huma magħmula minn pjanuri u għoljiet, uħud minnhom weqfin. Fil-biċċa l-kbira Olinda hija miksija mix-xmara Paratibe (55.13 % mit-territorju), u l-kumplament huwa miksi mix-xmara Capibaribe.[4] Il-muniċipalità tinsab fl-ekoreġjun tal-Foresti Atlantiċi.

Olinda għandha klima tipiku tal-monsoons tropikali (Am skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen-Geiger), tipika tas-sezzjoni tal-Lvant tal-kosta tal-Grigal tal-Brażil, b'temperaturi medji fix-xahar li b'mod konsistenti jkunu ogħla minn 18 °C, ftit varjazzjoni binhar fit-temperatura, xita abbundanti matul il-biċċa l-kbira tas-sena, u umdità relattiva għolja.[5]

Veduta ta' Olinda mill-ajru.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċentru Storiku tar-Raħal ta' Olinda ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Pupazzi Ġganteski fil-Karnival ta' Olinda.

L-attivitajiet ekonomiċi prinċipali ta' Olinda huma bbażati fuq it-turiżmu, il-kummerċ, l-industrija tat-trasport u l-artiġjanat. Is-settur tat-turiżmu jkun fl-eqqel tiegħu kull sena fi żmien il-Karnival meta eluf ta' nies jinġabru fiċ-ċentru storiku tal-belt.

Indikaturi ekonomiċi

[immodifika | immodifika s-sors]
Popolazzjoni PDG x(1000 R$). PDG pc (R$) PE RMR
397,268 2,179,183 5,567 3.54 % 5.39 %

Ekonomija skont is-setturi

Settur primarju Settur sekondarju Settur terzjarju
0.17 % 18.70 % 81.13 %
  1. "Britannica Academic". academic.eb.com. Miġbur 2025-08-21.
  2. 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of the Town of Olinda". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-22.
  3. "Archdiocese of Olinda e Recife, Brazil 🇧🇷". GCatholic. Miġbur 2025-08-21.
  4. "Olinda em Dados – Prefeitura Municipal de Olinda" (bil-Portugiż). Miġbur 2025-08-21.
  5. "Klima ta' Olinda". www2.condepefidem.pe.gov.br. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-02. Miġbur 2025-08-21.