Nekropoli

Nekropoli hija ċimiterju kbir iddisinjat b'monumenti funebri elaborati bħal pereżempju oqbra.[1] L-isem oriġina mill-Grieg Antik νεκρόπολις nekropolis (li litteralment tfisser "belt tal-mejtin").
It-terminu normalment jimplika sit funebri separat kemxejn 'il bogħod minn belt, għad-differenza tal-oqbra fi ħdan il-bliet, li kienu komuni f'diversi postijiet u żminijiet storiċi. In-nekropoli huma differenti mill-oqbra tal-massa fl-għelieqi, li ma kienx ikollhom strutturi jew markaturi fuq l-art. Filwaqt li l-kelma tintuża l-iktar għas-sit ta' żmien il-qedem, l-isem reġa' beda jintuża fil-bidu tas-seklu 19 anke għal ċimiterji ppjanati fil-bliet, bħan-Nekropoli ta' Glasgow.
Fi żmien il-qedem
[immodifika | immodifika s-sors]
L-Eġittu tal-Qedem huwa magħruf għal diversi nekropoli li huma s-siti arkeoloġiċi ewlenin għall-Eġittoloġija. Il-prattiki funebri tal-Eġittu tal-Qedem u t-twemmin dwar il-ħajja wara l-mewt f'dak iż-żmien wasslu għall-kostruzzjoni ta' bosta nekropoli estensivi għas-sigurtà tal-mejtin u għall-provvisti għalihom wara mewthom.
X'aktarx li l-iżjed nekropoli magħrufa fid-dinja hija n-Nekropoli ta' Giza. Din saret famuża bis-saħħa tal-Piramida l-Kbira ta' Giza, li ġiet inkluża fis-Seba' Għeġubijiet tal-Qedem tad-Dinja, iżda tinkludi wkoll żewġ piramidi ewlenin oħra tal-faragħuni tar-Renju tal-Qedem u diversi piramidi iżgħar relatati mad-difniet irjali, kif ukoll mastabas (oqbra rjali tipiċi ta' żmien id-Dinastiji Bikrin, li baqgħu jintużaw għall-membri tal-familji rjali inqas importanti, għan-nobbiltà u għall-uffiċjali għoljin sal-Ewwel Perjodu Intermedju), oqbra u ċimiterji għal persuni inqas magħrufin. Il-Piramidi Eġizzjani ta' Giza, speċjalment il-Piramida l-Kbira ta' Khufu, huma strutturi tal-għaġeb li rreżistew it-trapass taż-żmien għal eluf ta' snin.

Kważi magħrufa daqs in-Nekropoli ta' Giza, hemm in-Nekropoli ta' Tebe, max-xatt tal-Punent tan-Nil fejn illum hemm Luxor moderna. Din in-nekropoli hija magħrufa għall-oqbra mħaffrin fil-blat tal-Wied tar-Rejiet, il-Wied tal-Irġejjen, u bosta oqbra ta' nies nobbli u ta' oħrajn minn żmien ir-Renju l-Ġdid 'il quddiem. In-Nekropoli ta' Tebe tospita wħud mill-ftit oqbra tal-Eġittu tal-Qedem li essenzjalment baqgħu intatti sal-iskoperta mill-arkeologi moderni, inkluż il-Qabar ta' Tutankhamun u l-Qabar ta' Kha u ta' Merit.
Nekropoli Eġizzjani tal-Qedem notevoli oħra huma n-nekropoli ta' Saqqara, fejn hemm il-Piramida Mtarrġa ta' Djoser u difniet irjali oħra; in-Nekropoli ta' Dahshur, is-sit tal-Piramida l-Ħamra ta' Sneferu, l-eqdem piramida "reali"; u Abydos, is-sit ta' nekropoli li fiha d-difniet taż-żmien Predinastiku sal-Perjodu Aħħari. Għadd ta' nekropoli żgħar b'oqbra mħaffrin fil-blat bl-istil ta' Tebe bdew jissawru fil-widien fil-Lvant ta' Akhetaten (Amarna moderna) matul il-Perjodu ta' Amarna tar-Renju l-Ġdid; filwaqt li milli jidher l-oqbra fl-aħħar mill-aħħar ma ntużawx għal difniet minħabba l-waqgħa tar-reġim ta' Amarna madwar 20 sena wara l-istabbiliment ta' Akhetaten, it-tiżjin tal-oqbra jipprovdu ħafna tagħrif dwar dik l-era storika tal-Eġittu tal-Qedem.
Etrurja
[immodifika | immodifika s-sors]
L-Etruski ħadu l-kunċett ta' "belt tal-mejtin" pjuttost litteralment. Il-qabar tipiku tan-Nekropoli ta' Banditaccia f'Cerveteri jikkonsisti minn tumbata (tumulus) tal-ħamrija li tgħatti qabar taħt l-art wieħed jew iktar imħaffer/imħaffra fil-blat. Dawn l-oqbra kien ikollhom diversi kompartimenti u kienu jkunu mżejna b'mod elaborat bħal djar kontemporanji. L-arranġament tat-tumbati f'grilja ta' toroq kien jagħtihom dehra simili għal dik tal-bliet tal-ħajjin.[2] L-istoriku tal-arti Nigel Spivey iqis li l-isem ċimiterju mhuwiex adegwat u jsostni li t-terminu "nekropoli" biss jista' jirrappreżenta b'mod akkurat dawn is-siti funebri sofistikati.[3][4] In-nekropoli tal-Etruski, bħal pereżempju n-Nekropoli ta' Monterozzi, normalment kienu jinsabu fuq l-għoljiet jew max-xaqlibiet tal-għoljiet.[5]
Mycenae
[immodifika | immodifika s-sors]Fi żmien il-Griegi ta' Mycenea, jiġifieri qabel il-Greċja tal-Qedem, id-difniet setgħu jsiru ġol-belt. Pereżempju f'Mycenae, l-oqbra rjali kienu jinsabu f'kwartier fi ħdan is-swar tal-belt. Dan inbidel matul żmien il-Greċja tal-Qedem, meta n-nekropoli normalment kienu jkunu allinjati ma' toroq 'il barra minn belt. Madankollu, kien jeżisti xi livell ta' varjazzjoni wkoll fil-Greċja tal-Qedem. Sparta kienet magħrufa għat-tkomplija tal-prattika tad-difniet fi ħdan il-belt.[6]

Mhux wisq 'il bogħod minn Persepolis, wieħed jista' jsib Naqsh-e Rostam, fejn ir-rejiet Persjani bħal Darius I u Darius II, Xerxes u Artaxerxes indifnu f'oqbra mnaqqxin fl-irdumijiet. Naqsh-e Rostam hija nekropoli tal-qedem li tinsab madwar 12-il kilometru (7.5 mili) fil-Majjistral ta' Persepolis, fil-Provinċja ta' Fars, l-Iran. L-eqdem riljiev f'Naqsh-i Rustam imur lura għall-ħabta tal-1000 Q.K. Għalkemm ġarrab ħsarat estensivi, għadu jidher il-kontorn ħafif ta' raġel liebes xedd ir-ras mhux tas-soltu u huwa maħsub li l-oriġini tiegħu jmur lura għall-Elamiti. Dan ir-riljiev huwa parti minn xbieha akbar, li l-biċċa l-kbira minnha tneħħiet skont il-kmand ta' Bahram II. Hemm erba' oqbra tar-rejiet Akemenidi li huma mnaqqxin fil-blat f'għoli konsiderevoli 'l fuq mill-art. Lokalment l-oqbra huma magħrufa bħala s-"slaleb Persjani", minħabba l-għamla tal-faċċati tal-oqbra. Iktar 'il quddiem, ir-rejiet Sassanidi żiedu sensiela ta' riljievi fil-blat taħt l-oqbra.[7]
Lidja
[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sit ta' Bin Tepe ntuża bħala nekropoli għal Sardis, il-belt kapitali ta' Lidja. Jikkonsisti minn iktar minn 100 tumbata, inkluż it-Tumbata monumentali ta' Alyattes li kkummentaw dwarha l-kittieba tal-qedem, fosthom Erodotu, u għadha tispikka fil-pajsaġġ tal-madwar sa llum. Għalkemm il-membri tal-elit Lidjani kienu jużaw ukoll stili oħra ta' dfin, it-tumbati fl-inħawi tant huma numerużi f'Lidja li jintużaw għat-traċċar tax-xejriet ta' insedjament. L-istil ġie adottat għall-ħabta tas-600 Q.K., x'aktarx b'ispirazzjoni minn oqbra simili tal-Friġi f'Gordion. Dan baqa' jintuża wara l-ħakma Persjana ta' Lidja, anke fiż-żminijiet Ellenistiċi u Rumani.[8][9]
Myra
[immodifika | immodifika s-sors]Myra hija belt tal-qedem f'Liċja li fiha żewġ żoni mimlijin bl-oqbra mħaffrin fil-blat. Dawn l-oqbra huma mnaqqxin fl-irdumijiet u jidhru qishom il-faċċati ta' xi tempji. Iż-żewġ siti funebri jissejħu n-nekropoli tax-xmara u n-nekropoli tal-oċean. In-nekropoli tal-oċean tinsab ftit fil-Majjistral tat-teatru antik.[10]
Ruma
[immodifika | immodifika s-sors]In-Nekropoli ta' Vila de Madrid tinsab f'Barċellona, il-Katalonja. L-ewwel skavi arkeoloġiċi seħħew fis-snin 50 tas-seklu 20 u ġew skoperti bosta oqbra tul triq sekondarja taċ-ċimiterju tal-Punent tal-belt Rumana ta' Barcino.[11]
Nekropoli moderni
[immodifika | immodifika s-sors]
Fiż-żminijiet iktar reċenti, xi ċimiterji bdew jissejħu wkoll nekropoli minħabba li jidhru qishom bliet magħmula minn oqbra fuq l-art, speċjalment f'inħawi bħal New Orleans, fejn l-art hija wisq imxarrba għad-dfin tradizzjonali. L-ikbar nekropoli li għadhom jintużaw fid-dinja jmorru lura għall-era Vitorjana, pereżempju n-Nekropoli ta' Rookwood, f'New South Wales, l-Awstralja.
Eżempju tal-era moderna huwa Colma, California, l-Istati Uniti. Magħrufa bħala l-"Belt tal-Erwieħ", Colma hija belt żgħira ta' madwar 1,600 persuna ħajja iżda kważi 1.5 miljun ruħ midfuna fiċ-ċimiterji tagħha. Il-belt tkopri żewġ mili kwadri u fiha iktar oqbra milli djar. L-ikbar traffiku jiġi kkawżat mill-funerali, u r-residenti jirċievu allerti awtomatizzati meta jkunu se jsiru funerali kbar.[12]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Definition of NECROPOLIS". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). 2026-02-07. Miġbur 2026-03-19.
- ↑ Gardner, Helen; Kleiner, Fred S. (2010). Gardner's Art Through the Ages: The Western Perspective. Boston, MA: Cengage Learning. p. 148. ISBN 978-0-495-57355-5.
- ↑ Worpole, Ken (2003). Last Landscapes: The Architecture of the Cemetery in the West. Londra: Reaktion Books. pp. 79–84. ISBN 978-1-86189-161-7.
- ↑ Spivey, Nigel; Squire, Michael (2004). Panorama of the Classical World. Londra: Thames & Hudson Ltd. p. 17. ISBN 978-1-60606-056-8.
- ↑ Erasmo, Mario (2012). Death: Antiquity and Its Legacy. Londra: I.B. Tauris. pp. 76–77. ISBN 978-1-84885-557-1.
- ↑ Erasmo, Mario (2012). Death: Antiquity and Its Legacy. Londra: I.B. Tauris. p. 74. ISBN 978-1-84885-557-1.
- ↑ Stanley, David (2013-06-26). "Iran: time for travelers to return?". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2026-03-19.
- ↑ Greenewalt, Crawford (2011). "Sardis: A First Millenium B.C.E. Capital in Western Anatolia". In Steadman, Sharon; McMahon, Gregory (eds.). The Oxford Handbook of Ancient Anatolia. Oxford University Press. p. 1121.
- ↑ "The Archaeological Exploration of Sardis". sardisexpedition.org. Miġbur 2026-03-19.
- ↑ Fanizza, Irene (2012-08-03). "Myra - Ocean Necropolis". World History Encyclopedia (bl-Ingliż).
- ↑ Salazar-García, Domingo C.; Colominas, Lídia; Jordana, Xabier (24 August 2022). Bondioli, Luca (ed.). "Food for the soul and food for the body. Studying dietary patterns and funerary meals in the Western Roman Empire: An anthropological and archaeozoological approach". PLOS ONE. 17 (8) e0271296. Bibcode:2022PLoSO..1771296S. doi:10.1371/journal.pone.0271296. ISSN 1932-6203. PMC 9401112. PMID 36001535.
- ↑ Branch, John (2016-02-05). "The Town of Colma, Where San Francisco's Dead Live" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-03-19.