Aqbeż għall-kontentut

Muntanja ta' Kumgang

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Muntanja ta' Kumgang.

Il-Muntanja ta' Kumgang (bil-Korean: 금강산; b'ittri Rumani: Geumgangsan; li litteralment tfisser "Muntanja tad-Djamant"; magħrufa wkoll bil-plural bħala Muntanji ta' Kumgang) hija katina muntanjuża, b'quċċata għolja 1,638 metru (5,374 pied),[1] fil-Provinċja ta' Kangwon, il-Korea ta' Fuq. Tinsab fil-kosta tal-Lvant tal-pajjiż, fir-Reġjun Turistiku tal-Muntanja ta' Kumgang, li qabel kienet parti mill-Provinċja ta' Kangwŏn, u tagħmel parti mill-katina muntanjuża ta' Taebaek li hija estiża tul il-Lvant tal-Peniżola Koreana. Il-muntanja tinsab madwar 50 kilometru (31 mil) mill-belt ta' Sokcho fil-Provinċja ta' Gangwon, il-Korea t'Isfel. Fl-2025 tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Ismijiet staġonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Muntanja ta' Kumgang ilha magħrufa għall-ġmiel xeniku tagħha minn żmien il-qedem u ntużat bħala s-suġġett ta' bosta opri tal-arti.[3][4][5] Fir-rebbiegħa u inġenerali l-muntanja hija magħrufa bħala Kŭmgangsan (bil-Korean: 금강산; 金剛山; [kɯmɡaŋsʰan]), iżda għandha isem differenti għal kull staġun. Fis-sajf tissejjaħ Pongraesan (bil-Korean: 봉래산; 蓬萊山; li litteralment tfisser il-"Muntanja ta' Penglai"); fil-ħarifa tissejjaħ Phung'aksan (bil-Korean: 풍악산; 楓岳山; 楓骨山; li litteralment tfisser "muntanja kbira tal-weraq ikkulurit"); fix-xitwa tissejjaħ Kaegolsan (bil-Korean: 개골산; 皆骨山; li litteralment tfisser "muntanja tal-għadam").

Mappa Ġappuniża ta' Kongō-san jew il-Muntanja ta' Kumgang fl-1939.

Il-ħolqien tal-Muntanja ta' Kŭmgang huwa marbut mill-qrib mal-klima unika u mal-attività ġeoloġika distintiva tal-inħawi. Il-Muntanja ta' Kŭmgang hija reġjun fejn tinżel ħafna xita u borra, u l-klima tvarja skont l-altitudni u skont l-orjentazzjoni mil-Lvant għall-Punent. Is-saff ġeoloġiku ta' Kŭmgang huwa magħmul minn diversi tipi ta' blat mill-perjodi ġeoloġiċi tal-qedem. L-iżjed blat mifrux huwa l-granit, u hemm żewġ tipi (imħallat bil-mika u mtebba'), filwaqt li f'xi postijiet iffurmaw żoni ta' fertilizzazzjoni tal-granit-gneiss. Il-blat huwa orjentat b'mod trasversali u jifforma ġonta f'diversi direzzjonijiet, flimkien ma' artijiet mhux tas-soltu u blat stramb, li ġew iffurmati minħabba l-erożjoni għal perjodu twil u l-attività tal-qoxra tad-dinja, minn 10 miljun sena ilu sal-preżent.[6]

Il-Muntanja ta' Kumgang fil-Lvant tal-Korea ta' Fuq.

Il-Muntanja ta' Kŭmgang hija estiża mill-Kontea ta' Tongchon, fil-Provinċja ta' Kangwon fil-Korea ta' Fuq, sal-Kontea ta' Inje, fil-Provinċja ta' Gangwon, il-Korea t'Isfel. Hija estiża fuq 40 kilometru mil-Lvant għall-Punent, 60 kilometru mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u għandha daqs totali ta' 530 km² san-naħa ta' wara ta' Baekdudaegan. Hija maqsuma bejn "Kumgang Interna" fil-Punent u "Kumgang Esterna" fil-Lvant. L-inħawi fin-naħa tal-Lvant tax-xmara Yeongeum tissejjaħ "Hae Kumgang" ("Baħar ta' Kumgang"). Il-quċċata prinċipali tal-Muntanja ta' Kŭmgang hija Pirobong, u hemm iktar minn 60 quċċata li huma għoljin iktar minn 1,000 metru. Flimkien mal-bosta qċaċet ta' għoli inferjuri, storikament dawn kienu jissejħu bħala t-"12,000 quċċata". Bosta postijiet xeniċi fl-inħawi huma ddeżinjati bħala monumenti naturali tal-Korea ta' Fuq. In-naħa tan-Nofsinhar ta' "Kumgang Esterna" tissejjaħ ukoll bħala "Kumgang il-Ġdida". Hemm 11-il żona f'Kumgang Esterna, 8 żoni f'Kumgang Interna u 3 żoni f'Hae Kumgang, għalkemm mhux kollha huma miftuħin.

Il-mogħdija għall-Kaskati ta' Kuryoung.

Kumgang Interna

[immodifika | immodifika s-sors]

Minn żmien il-qedem, isem Kumgang intuża b'mod prinċipali għal "Kumgang Interna" (bil-Korean: 내금강). Din tinsab fin-naħa tal-Punent tal-parti ċentrali u fiha l-quċċata prinċipali tal-Muntanja ta' Kŭmgang.

Kumgang Esterna

[immodifika | immodifika s-sors]

"Kumgang Esterna" (bil-Korean: 외금강) tinsab fil-Lvant ta' "Kumgang Interna" u tkopri l-inħawi tul il-kosta tal-Lvant. L-inħawi ta' Kŭmgang Esterna huma magħrufa għall-għadd kbir ta' qċaċet. Il-Quċċata ta' Chipson (li litteralment tfisser "blata ta' għaxart elef għamla") hija magħrufa għall-bosta kaskati tagħha. Tinkludi bosta qċaċet muntanjużi, fosthom il-Quċċata ta' Moonjoo, il-Quċċata ta' Ho, il-Quċċata ta' Sangdeung, eċċ. L-inħawi tal-"Baħar ta' Kŭmgang" huma magħrufa għal-laguni u għall-pilastri tal-ġebel.

Il-Kaskati ta' Kuryong (magħrufa wkoll bħala l-"Kaskati tad-Disa' Draguni") f'Kuryongyeon huma waħda mit-tliet kaskati ewlenin fil-Korea flimkien mal-Kaskati ta' Daeseung f'Seoraksan. Għandhom għoli ta' 74 metru u wisa' ta' 4 metri. L-irdumijiet biswit il-kaskati u l-qiegħ tagħhom huma magħmulin minn massa waħda tal-granit. Il-Kaskata ta' Bibbong hija 139 metru ogħla, u hija magħrufa għan-nixxiegħa tal-ilma frisk tagħha. Il-blat ta' hemmhekk huma assoċjati ma' leġġendi uniċi.[7]

Il-biċċa l-kbira tal-muntanja hija miksija b'foresti mħallta b'siġar koniferi u b'siġar tal-weraq wiesa' li huma protetti f'park nazzjonali ta' 60,000 ettaru. Xi 25,000 ettaru ġew identifikati minn BirdLife International bħala Żona Importanti għall-Għasafar peress li jsostnu l-grawwi tal-kappa ħamra li jinsab fil-periklu ta' estinzjoni.[8]

Il-Kaskati ta' Kuryong.

Il-muntanja tinsab f'reġjun alpin fejn relattivament tinżel ħafna xita, speċjalment f'Lulju u f'Awwissu. Id-differenza bejn il-Lvant u l-Punent hija kbira, u x-xita tiżdied minn Haegeumgang sa Oegeumgang, iżda minħabba l-fenomenu ta' Foehn, ix-xita tbatti madwar Naegeumgang u tkun l-arja tkun sħuna u umduża meta mqabbla mal-klima inġenerali fil-Korea ta' Fuq. Madankollu, skont l-altitudni, it-temperaturi kesħin ta' taħt l-10 sa 30 grad Celsius ikomplu tul ix-xitwa, u skont ir-reġjun, il-borra ġieli tinżel saħansitra diġà f'Ottubru. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi jiġu esperjenzati tul intersezzjoni bejn il-pjanti tat-Tramuntana u dawk tan-Nofsinhar.

Reġjun Turistiku tal-Muntanja ta' Kumgang

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Muntanja ta' Kumgang mill-kosta.

Mill-1998, it-turisti mill-Korea t'Isfel kienu jitħallew iżuru l-Muntanja ta' Kumgang, inizjalment b'kruċiera, u iktar 'il quddiem b'kowċ. Fl-2002, l-inħawi madwar il-muntanja ġew isseparati mill-Provinċja ta' Kangwŏn u ġew organizzati bħala Reġjun Turistiku amministrat separatament. Ir-rotta bl-art infetħet fl-2003. Jeżisti kollegament ferrovjarju fin-naħa tal-Korea ta' Fuq sal-fruntiera, iżda ma hemmx binarji bejn Gangneung u l-fruntiera tal-Korea t'Isfel.

Il-"Baħar ta' Kumgang".

Fl-1998, kien hemm 15,500 turist f'Novembru u f'Diċembru, fl-1999 kien hemm 148,000 turist, u fis-sena 2000 kien hemm 213,000 turist. Fl-2001 l-għadd ta' turisti niżel għal 58,000 ruħ minħabba diżgwidi dwar l-aċċess bl-art. Mill-2002, kważi 500,000 ruħ fis-sena kienu jżuru r-Reġjun Turistiku tal-Muntanja ta' Kumgang. L-għadd ta' turisti mbagħad żdied għal madwar 240,000 ruħ fis-sena. F'Ġunju 2005, Hyundai Asan ħabbret il-miljun turist mill-Korea t'Isfel li żar l-inħawi.[9]

Ir-Reġjun Turistiku tal-Muntanja ta' Kumgang, żviluppat minn Hyundai Asan, kien maħsub bħala mod kif il-gvern tal-Korea ta' Fuq seta' jaqla' l-flus kontanti. Il-munita fir-reġjun turistiku ma kinitx il-won tal-Korea t'Isfel u lanqas il-won tal-Korea ta' Fuq, iżda l-RMB Ċiniż u d-dollaru Amerikan.[10][11] L-ikel u s-servizzi għat-turisti tal-Korea t'Isfel kienu jiġu pprovduti minn xi ċittadini tal-Korea ta' Fuq. Iżda l-biċċa l-kbira tal-persunal fil-lukandi huma ċittadini Ċiniżi ta' nisel Korean b'ħiliet lingwistiċi Koreani. Kien hemm pjanijiet biex is-sit jitkabbar iżda lejn l-aħħar tal-2022 kien hemm rapporti bbażati fuq immaġnijiet bis-satellita li l-faċilitajiet turistiċi, inkluż sit tal-golf u lukanda f'wiċċ l-ilma, kienu qed jiġu żarmati skont direttivi mill-mexxej Kim Jong-Un.[12]

Filgħodu fil-11 ta' Lulju 2008, mara ta' 53 sena mill-Korea t'Isfel intlaqat b'tir u nqatel hu u miexi fil-bajja tar-reġjun turistiku. Park Wang-ja daħlet f'żona militari billi qasmet minn fuq għaram tar-ramel u s-suldati tal-Korea ta' Fuq sparawlha żewġ tiri. Il-Korea ta' Fuq sostniet li s-suldati ma kellhomx għażla oħra ħlief li jisparawlha, peress li minkejja li ordnawlha biex tieqaf, hi ħarbet. Il-Korea t'Isfel talbet biex isir stħarriġ fuq il-post, iżda l-Korea ta' Fuq ċaħdet din it-talba, u sostniet li l-fatti kollha kienu ċari u r-responsabbiltà kienet kollha kemm hi tal-vittma u tal-Korea t'Isfel. Minħabba dan l-isparar, il-Korea t'Isfel issospendiet b'mod temporanju l-mawriet kollha lejn il-Muntanja ta' Kumgang.[13]

F'Marzu 2010, il-gvern tal-Korea ta' Fuq wissa li kien se jieħu "miżuri straordinarji" jekk il-projbizzjoni kontra t-turiżmu ma titneħħiex.[14] Fit-23 ta' April 2010, il-gvern tal-Korea ta' Fuq issekwestra ħames proprjetajiet ta' sjieda tal-Korea t'Isfel fir-reġjun turistiku, u sostna li għamel dan "bħala kumpens għad-danni li ġarrab il-pajjiż minħabba s-sospensjoni tat-turiżmu għal perjodu twil". Meta ssekwestrat il-proprjetajiet, il-Korea ta' Fuq alludiet ukoll għall-inċident ta' Baengnyeong, u esprimiet it-tħassib tagħha li l-Korea t'Isfel kienet qed tipponta subgħajha lejn il-Korea ta' Fuq bħallikieku kienet responsabbli għall-għerqa tal-bastiment.[15]

Il-Muntanja ta' Kumgang.

Minn April 2010, il-Korea ta' Fuq reġgħet bdiet tħalli lill-kumpaniji joperaw mawriet turistiċi min-naħa tal-Korea ta' Fuq u kollox kien jindika li x'aktarx l-istess mawriet mill-Korea t'Isfel ma kinux se jsiru iktar. Madankollu, fl-1 ta' Ottubru 2010, rapporti fl-aħbarijiet sostnew li, "uffiċjali tas-Salib l-Aħmar mill-Korea t'Isfel u mill-Korea ta' Fuq qablu li jerġgħu jgħaqqdu lill-familji li ġew isseparati mill-Gwerra Koreana, u dan filwaqt li kien hemm sinjali mill-Korea ta' Fuq li t-tensjonijiet setgħu jittaffew fir-rigward tal-għerqa ta' bastiment tal-gwerra tal-Korea t'Isfel. Mitt familja minn kull pajjiż attendew il-laqgħat mit-30 ta' Ottubru sal-5 ta' Novembru f'lukanda u f'ċentru stabbilit apposta fir-reġjun turistiku tal-Muntanja tad-Djamant". Dan qalitu l-kelliema tal-Ministeru għall-Unifikazzjoni Lee Jong-Joo.[16]

Minn Settembru 2011, il-Korea ta' Fuq bdiet topera kruċieri direttament minn Rason fil-Grigal tal-Korea ta' Fuq sal-port fil-Muntanja ta' Kumgang, li joffru lill-viżitaturi l-opportunità li joqogħdu fil-lukandi li qabel kienu amministrati mill-Korea t'Isfel. Għalkemm huma mmirati primarjament għall-mistednin Ċiniżi, kumpaniji mill-Punent ukoll qed joffru dawn il-kruċieri.[17]

Spring
Autumn
Il-veduta fir-rebbiegħa (xellug) u l-veduta fil-ħarifa (lemin) ta' Jeong Seon.

Diversi artisti Koreani għażlu lil Kŭmgangsan bħala suġġett għall-opri tal-arti u għall-poeżiji tagħhom minn żmien il-qedem. Bosta poeti u artisti li għexu matul il-perjodu tal-familja Joseon (1392–1910) għamlu pellegrinaġġi lejn Kŭmgangsan. Fost diversi xogħlijiet magħrufa sew oħra hemm Geumgang jeondo u Pungaknaesan chongramdo, li tpittru fis-snin 40 tas-seklu 18 minn Jeong Seon.

Id-diviżjoni tal-Peniżola Koreana fl-1950 wasslet biex iċ-ċittadini tal-Korea t'Isfel ma setgħux jibqgħu jżuru l-muntanja tant maħbuba minnhom saħansitra għal xi 50 sena. Iċ-ċint b'wajer imxewwek twil 155 mil (249 kilometru) li tqiegħed bħala parti miż-Żona Demilitarizzata li tissepara l-Korea t'Isfel u l-Korea ta' Fuq kien ostaklu ferm iktar b'saħħtu minn kwalunkwe ostaklu ieħor.

Fl-1894 il-kittieba Brittanika Isabella Bird Bishop irreferiet għall-muntanja fid-djarju tal-ivvjaġġar tagħha bħala l-"Muntanja tad-Djamant".

Kŭmgangsan hija wkoll is-suġġett ta' kanzunetta folkloristika tal-1962 tal-Korea t'Isfel, Longing for Mt. Geumgang. Fiha ġiet ambjentata wkoll l-opra rivoluzzjonarja tal-1973 tal-Korea ta' Fuq The Song of Mount Kumgang, u hija motiv ċentrali fid-dramm televiżiv tal-Korea t'Isfel Saimdang, Memoir of Colors.

Fl-2025, il-Muntanja ta' Kŭmgang tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Muntanja ta' Kumgang – il-Muntanja tad-Djamant mill-Baħar huwa t-titlu uffiċjali li ngħata lill-Muntanja ta' Kumgang meta ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji Mħallat tal-UNESCO fl-2025.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[2]

  1. "Kumgang-san - Peakbagger.com". www.peakbagger.com. Miġbur 2025-07-29.
  2. 1 2 3 4 UNESCO World Heritage Centre. "Mount Kumgang Diamond Mountain from the Sea". whc.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-29.
  3. "North Korea | Facts, Map, & History | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). 2025-07-28. Miġbur 2025-07-29.
  4. "THE TWO KOREAS AGREE TO DEVELOP RESORT IN NORTH (Published 1989)" (bl-Ingliż). 1989-02-02. Miġbur 2025-07-29.
  5. "Asia Times: PYONGYANG WATCH: Hyundai and North Korea: What now?". atimes.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-01-20. Miġbur 2025-07-29.
  6. "Muntanja ta' Kumgang". mtkumgang.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2024-07-15. Miġbur 2025-07-29.
  7. 조, 춘용. 비봉폭포 (飛鳳瀑布) (bil-Korean). Academy of Korean Studies. Miġbur 2025-07-29.
  8. "BirdLife International". BirdLife International (bl-Ingliż). 2025-07-23. Miġbur 2025-07-29.
  9. "The Korea Times : 1 Millionth S. Korean Visits Mt. Kumgang". times.hankooki.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-03-04. Miġbur 2025-07-29.
  10. X (2005-08-02). "Coastal Resort Brings Hard Currency to North Korea". Los Angeles Times (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-29.
  11. Timmons, Heather (2013-08-06). "North Koreans to Chinese Visitors: Please Stop Throwing Candy at Our Children" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-29.
  12. "Seoul voices regret over NK's removal of S. Korean-built facilities at Mount Geumgang resort - The Korea Times". www.koreatimes.co.kr (bl-Ingliż). 2022-10-18. Miġbur 2025-07-29.
  13. "Digital Chosunilbo (English Edition) : Daily News in English About Korea". english.chosun.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-17. Miġbur 2025-07-29.
  14. "N Korea warns Seoul over tour ban" (bl-Ingliż). 2010-03-25. Miġbur 2025-07-29.
  15. "N Korea 'to seize resort assets'" (bl-Ingliż). 2010-04-23. Miġbur 2025-07-29.
  16. "Introduction Young Pioneer Tours". Young Pioneer Tours (bl-Ingliż). 2017-05-16. Miġbur 2025-07-29.
  17. "Kumgangsan DPRK | KTG® Tours | hike in North Korea & discover this beautiful mountain area". www.north-korea-travel.com. Miġbur 2025-07-29.