Mużew Brittaniku

Il-Mużew Brittaniku (bl-Ingliż: British Museum) huwa mużew pubbliku tal-istorja, tal-arti u tal-kultura tal-bniedem u jinsab fl-inħawi ta' Bloomsbury, Londra, ir-Renju Unit. Il-kollezzjoni permanenti tiegħu ta' tmien miljun oġġett hija l-ikbar waħda fid-dinja.[1] Il-mużew jiddokumenta l-istorja tal-kultura umana mill-bidu nett tagħha sal-preżent. Il-Mużew Brittaniku ġie stabbilit fl-1753 u kien l-ewwel mużew nazzjonali pubbliku fid-dinja.[2] Fl-2025 il-mużew laqa' 6,440,120 viżitatur u kien it-tieni l-iżjed attrazzjoni li żaruha nies fir-Renju Unit.[3]
Fil-bidu tiegħu, il-mużew kien ibbażat l-iktar fuq il-kollezzjonijiet tat-tabib u tax-xjenzat Brittaniku-Irlandiż Sir Hans Sloane.[4] Il-mużew infetaħ għall-pubbliku fl-1759, f'Montagu House, fis-sit tal-binja attwali. It-tkabbir tal-mużew matul il-250 sena ta' wara fil-biċċa l-kbira kien frott il-kolonizzazzjoni Brittanika u rriżulta fil-ħolqien ta' diversi fergħat, indipendenti u mhux. L-ewwel waħda fosthom kienet il-Mużew tal-Istorja Naturali fl-1881. Uħud mill-iżjed akkwiżizzjonijiet magħrufa tal-mużew, bħall-iskulturi tal-irħam Griegi ta' Elgin u l-Ġebla ta' Rosetta Eġizzjana, ilhom soġġetti għal tilwim fit-tul u talbiet ta' ripatrijazzjoni.[5][6]
Fl-1973, l-Att tal-Librerija Brittanika tal-1972[7] fired id-dipartiment tal-librerija mill-Mużew Brittaniku, iżda dan tal-aħħar baqa' jospita l-Librerija Brittanika sseparata minnu fl-istess Sala tal-Qari u fl-istess binja tal-mużew sal-1997. Il-mużew huwa korp pubbliku mhux dipartimentali sponsorjat mid-Dipartiment tal-Kultura, il-Midja u l-Isport. Bħall-mużewijiet nazzjonali kollha tar-Renju Unit, ma jimponi l-ebda miżata tad-dħul għajr għall-wirjiet temporanji.[8]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Sir Hans Sloane
[immodifika | immodifika s-sors]
Għalkemm illum il-ġurnata l-Mużew Brittaniku huwa mużew tal-opri tal-arti u tal-antikitajiet kulturali, il-mużew ġie stabbilit bħala "mużew universali". L-istabbiliment tiegħu rriżulta mit-testment tat-tabib u tan-naturalist Brittaniku-Irlandiż Sir Hans Sloane (1660–1753), tabib u xjenzat minn Ulster ibbażat f'Londra. Matul ħajtu, u b'mod partikolari wara li żżewweġ l-armla ta' sid għani Ġamajkan tal-pjantaġġuni, Sloane ġemma' kollezzjoni kbira ta' kurżitajiet, u peress li ma xtaqx jara l-kollezzjoni tiegħu titkisser wara mewtu, ħalliha bħala wirt lir-Re Ġorġ II, għan-nazzjon, għal somma ta' £20,000 (ekwivalenti għal £3,834,052 fl-2025) li kellha titħallas lill-werrieta tiegħu mill-Parlament Brittaniku — apposta ferm inqas mill-valur stmat tal-artefatti, li kontemporanjament ġew stmati għal £50,000 (ekwivalenti għal £9,585,130 fl-2025) jew iktar skont xi sorsi, u sa £80,000 (ekwivalenti għal £15,336,208 fl-2025) jew iktar skont oħrajn.
Dak iż-żmien, il-kollezzjoni ta' Sloane kienet tikkonsisti f'madwar 71,000 oġġett ta' kull tip, fosthom xi 40,000 ktieb stampat, 7,000 manuskritt, u eżemplari estensivi tal-istorja naturali, inkluż 337 volum ta' pjanti mnixxfin, immaġnijiet stampat u tpinġijiet, fosthom dawk ta' Albrecht Dürer, u antikitajiet mis-Sudan, mill-Eġittu, mill-Greċja, minn Ruma,mil-Lvant Qarib u mil-Lvant Imbiegħed tal-Qedem, u mill-Amerki.
Stabbiliment (1753)
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-7 ta' Ġunju 1753, ir-Re Ġorġ II ta l-approvazzjoni rjali tiegħu għall-att tal-Parlament li stabbilixxa l-Mużew Brittaniku. L-Att dwar il-Mużew Brittaniku tal-1753 żied ukoll żewġ libreriji oħra mal-kollezzjoni ta' Sloane; il-Librerija ta' Cotton, li ġiet assemblata minn Sir Robert Cotton, li kienet tmur lura għal żmien ir-Reġina Eliżabetta, u l-Librerija ta' Harley, li kienet il-kollezzjoni ta' Robert Harley, l-Ewwel Konti ta' Oxford u Mortimer. Dawn inġabru flimkien fl-1757 mal-"Librerija Rjali Antika", li issa tħaddan il-manuskritti rjali, assemblata minn diversi monarki Brittaniċi. Flimkien, dawn l-erba' "kollezzjonijiet fundamentali" kienu jinkludu bosta mill-iżjed kotba ta' valur li issa jinsabu fil-Librerija Brittanika, inkluż il-Vanġeli ta' Lindisfarne u l-unika manuskritt eżistenti ta' Beowulf.
Il-Mużew Brittaniku kien l-ewwel ta' tip ġdid ta' mużew – nazzjonali, b'sjieda la tal-knisja u lanqas tar-re, miftuħ b'xejn għall-pubbliku u bl-għan li jagħmel kollezzjoni ta' kollox. Il-kollezzjoni ta' Sloane, filwaqt li kienet tinkludi ammont enormi ta' oġġetti mixxellanji, spiss kienet tirrifletti l-interessi xjentifiċi tiegħu. Iż-żieda tal-manuskritti ta' Cotton u ta' Harley introduċiet element letterarju u tal-antikwarjat, u kienet tfisser li l-Mużew Brittaniku b'hekk kien sar kemm mużew nazzjonali kif ukoll librerija.
Wirja tal-kurżitajiet (1753–1778)
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-korp tal-fiduċjarji ddeċieda favur villa kkonvertita tas-seklu 17, imsejħa Montagu House (jew Villa ta' Montagu), bħala l-post għall-istabbiliment tal-mużew, u xtrah mill-familja Montagu għal £20,000. Il-fiduċjarji rrifjutaw Buckingham House (jew Villa ta' Buckingham), li iktar 'il quddiem ġiet ikkonvertita għall-Palazz ta' Buckingham tal-lum, minħabba l-kostijiet u l-post mhux daqstant adattat.
Bl-akkwiżizzjoni ta' Montagu House, l-ewwel galleriji tal-wiri u s-sala tal-qari għall-istudjużi nfetħu fil-15 ta' Jannar 1759. F'dak iż-żmien, l-ikbar partijiet tal-kollezzjoni kienu l-librerija, li kienet tokkupa l-biċċa l-kbira tas-swali fil-pjan terran u l-oġġetti tal-istorja naturali, li kienu jokkupaw sezzjoni sħiħa fuq l-ewwel sular. Fl-1763, il-fiduċjarji tal-Mużew Brittaniku, taħt l-influwenza ta' Peter Collinson u William Watson, impjegaw l-eks student ta' Carl Linnaeus, Daniel Solander, biex jikklassifika mill-ġdid il-kollezzjoni tal-istorja naturali skont is-sistema ta' Linnaeus, u b'hekk il-mużew sar ċentru pubbliku tal-apprendiment aċċessibbli għal firxa sħiħa ta' storiċi naturali Ewropej. Fl-1823, Ġorġ IV ta l-Librerija tar-Re assemblata minn Ġorġ III, u l-Parlament ta d-dritt għal kopja ta' kull ktieb ippubblikat fil-pajjiż, biex b'hekk jiġi żgurat li l-librerija tal-mużew tibqa' tikber b'mod indefinit. Matul il-ftit snin wara l-istabbiliment tiegħu, il-Mużew Brittaniku ngħata diversi doni oħra, inkluż il-Kollezzjoni ta' Thomason ta' Trattati tal-Gwerra Ċivili u l-librerija ta' David Garrick ta' 1,000 reċta stampata. Il-predominanza ta' kotba u ta' manuskritti tal-istorja naturali bdiet tbatti meta fl-1772 il-mużew akkwista għal £8,410 l-ewwel antikitajiet sinifikanti tiegħu fl-"ewwel" kollezzjoni ta' Sir William Hamilton ta' vażuni Griegi.
Indolenza u enerġija (1778–1800)
[immodifika | immodifika s-sors]
Mill-1778, wirja ta' oġġetti mill-Ibħra tan-Nofsinhar mill-vjaġġi madwar id-dinja tal-Kaptan James Cook u mill-vjaġġi ta' esploraturi oħra affaxxinat lill-viżitaturi li setgħu jagħtu ħarsa lejn l-affarijiet ta' artijiet li qabel ma kinux magħrufin. Il-legat ta' kollezzjoni ta' kotba, ħaġar prezzjuż inċiż, muniti, immaġnijiet stampati u tpinġijiet ta' Clayton Mordaunt Cracherode fl-1800 għen ħafna biex itejjeb ir-reputazzjoni tal-mużew; iżda Montagu House kulma jmur saret iffullata u mitluqa u kien ċar li ma setgħetx tlaħħaq b'iktar tkabbar tal-kollezzjoni.
L-ewwel żieda notevoli tal-mużew fir-rigward tal-kollezzjoni tiegħu ta' antikitajiet, mill-istabbiliment tiegħu, saret minn Sir William Hamilton (1730–1803), l-Ambaxxatur Brittaniku f'Napli, li bigħ il-kollezzjoni tiegħu ta' artefatti Griegi u Rumani lill-mużew fl-1784 flimkien ma' għadd ta' antikitajiet oħra u eżemplari tal-istorja naturali. Lista tad-donazzjonijiet lill-mużew, datata l-31 ta' Jannar 1784, tirreferi għal-legat ta' Hamilton ta' "Sieq Kolossali tal-Irħam ta' Apollo". Din kienet waħda miż-żewġ antikitajiet tal-kollezzjoni ta' Hamilton li pinġa għalih Francesco Progenie, student ta' Pietro Fabris, li kkontribwixxa wkoll b'għadd ta' tpinġijiet tal-Vesuvju li Hamilton bagħat lis-Soċjetà Rjali f'Londra.
Tkabbir u bidliet (1800–1825)
[immodifika | immodifika s-sors]
Fil-bidu tas-seklu 19, bdew jiġu stabbiliti l-pedamenti għall-kollezzjoni estensiva ta' skulturi u l-wirjiet tal-antikitajiet kienu ddominati minn artefatti Griegi, Rumani u Eġizzjani. Wara t-telfa tal-kampanja militari Franċiża fil-Battalja tan-Nil, fl-1801, il-Mużew Brittaniku akkwista iktar skulturi Eġizzjani u fl-1802 ir-Re Ġorġ III ippreżenta l-Ġebla ta' Rosetta – li kienet strumentali biex jiġu ddeċifrati l-ġeroglifiċi Eġizzjani. Id-doni u x-xiri ta' Henry Salt, il-konslu ġenerali Brittaniku fl-Eġittu, l-ewwel u qabel kollox il-bust kolossali ta' Ramses II fl-1818, stabbilew il-pedamenti tal-kollezzjoni tal-Iskulturi Monumentali Eġizzjani. Dawn ġew segwiti minn bosta skulturi Griegi, b'mod partikolari l-ewwel spazju tal-wiri li nbena apposta għalihom, u l-kollezzjoni ta' Charles Towneley, il-biċċa l-kbira ta' skulturi Rumani, fl-1805. Fl-1806, Thomas Bruce, is-Seba' Kontri ta' Elgin, l-ambaxxatur tal-Imperu Ottoman mill-1799 sal-1803 neħħa l-ikbar kollezzjoni ta' skulturi tal-irħam mill-Parthenon, fl-Akropoli ta' Ateni u ttrasferihom lejn ir-Renju Unit. Fl-1816 dawn il-kapulavuri tal-arti tal-Punent ġew akkwistati mill-Mużew Brittaniku permezz tal-Att dwar il-Mużew Brittaniku tal-1816 (56 Geo. 3. c. 99) u ġew iddepożitati fil-mużew minn dak iż-żmien 'il quddiem. Il-kollezzjonijiet ġew issupplimentati mill-freġju ta' Bassae minn Phigaleia, il-Greċja fl-1815. Il-kollezzjoni tal-Lvant Qarib tal-Qedem bdiet ukoll fl-1825 bix-xiri ta' antikitajiet Assirjani u Babiloniżi minn Mary Mackintosh Rich, l-armla tal-Assirjologu Claudius James Rich.
Fl-1802 ġie stabbilit kumitat tal-bini biex jippjana l-espansjoni tal-mużew, u megħjun iktar bid-donazzjoni fl-1822 tal-Librerija tar-Re, il-librerija personali tar-Re Ġorġ III, magħmula minn 65,000 volum, 19,000 fuljett, mapep, ċarts u tpinġijiet topografiċi. L-arkitett Neo-Klassiku, Sir Robert Smirke, intalab iħejji l-pjanta għall-estensjoni fil-Lvant tal-mużew "... biex tospita l-Librerija Rjali, u biex ikun hemm Gallerija tar-Ritratti fuqha ...", u huwa ressaq ukoll il-pjanta għall-binja kwadrangolari attwali, li l-biċċa l-kbira minnha għadha viżibbli llum. Il-binja dilapidata ta' Montagu House twaqqgħet u x-xogħol fuq il-Gallerija tal-Librerija tar-Re beda fl-1823. L-estensjoni, is-Sezzjoni tal-Lvant, tlestiet sal-1831. Madankollu, wara li ġiet stabbilita l-Gallerija Nazzjonali f'Londra fl-1824, il-Gallerija tar-Ritratti proposta ma kinitx meħtieġa iktar, u l-ispazju tas-sular ta' fuq ġie allokat għall-kollezzjonijiet tal-istorja naturali.
L-ewwel Sinossi tal-Mużew Brittaniku ġiet ippubblikata fl-1808. Din iddeskriviet il-kontenut kollu tal-mużew, u l-wiri tal-oġġetti sala b'sala, u kull ftit snin ġew ippubblikati edizzjonijiet aġġornati.
L-ikbar sit tal-kostruzzjoni fl-Ewropa (1825–1850)
[immodifika | immodifika s-sors]Gradwalment, il-binja Neo-Klassika grandjuża ta' Sir Robert Smirke bdiet togħla, u l-mużew sar sit tal-kostruzzjoni. Il-Librerija tar-Re, fil-pjan terran tas-Sezzjoni tal-Lvant, tlestiet fl-1827, u ġiet deskritta bħala waħda mill-ifjen swali f'Londra. Għalkemm ma nfetħitx għalkollox għall-pubbliku ġenerali qabel l-1857, tħejja ftuħ speċjali matul L-Eżibizzjoni l-Kbira tal-1851.
Fl-1840, il-mużew ġie involut fl-ewwel skavi barra l-pajjiż, l-ispedizzjoni ta' Charles Fellows fi Xanthos, fl-Asja Minuri, minn fejn ġew il-fdalijiet tal-oqbra tal-mexxejja ta' Liċja tal-qedem, fosthom il-monumenti ta' Nereid u Payava. Fl-1857, Charles Newton skopra l-Mawżolew tas-seklu 4 Q.K. f'Halicarnassus, wieħed mis-Seba' Għeġubijiet tad-Dinja l-Antika. Fis-snin 40 u 50 tas-seklu 19, il-mużew appoġġa l-iskavi fl-Assirja minn A.H. Layard u oħrajn f'siti bħal Nimrud u Nineveh. Ta' interess partikolari għall-kuraturi kienet l-iskoperta eventwali tal-librerija l-kbira ta' tavli kunejformi ta' Ashurbanipal, li għenet biex il-mużew isir ċentrali għall-istudji Assirjani.
Sir Thomas Grenville (1755–1846), fiduċjarju tal-Mużew Brittaniku mill-1830, assembla librerija ta' 20,240 volum, li kien ħalla lill-mużew fit-testment tiegħu. Il-kotba waslu f'Jannar 1847 f'21 karru miġbuda miż-żwiemel. L-uniku spazju battal għal din il-librerija kbira kienet sala li oriġinarjament kienet maħsuba għall-manuskritti, bejn is-Sala tal-Entrata ta' Quddiem u s-Sala tal-Manuskritti. Il-kotba baqgħu hemmhekk sat-trasferiment tal-Librerija Brittanika lejn St. Pancras fl-1998.
Kollezzjoni minn madwar id-dinja (1850–1875)
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ftuħ tan-naħa ta' quddiem tal-mużew fl-1852 immarka t-tlestija tal-pjanta ta' Robert Smirke tal-1823, iżda diġà kellhom isiru xi aġġustamenti biex ilaħħqu mat-tkabbir imprevist tal-kollezzjonijiet. Inbnew galleriji interni għall-iskulturi Assirjani u s-Sala tal-Qari Tonda ta' Sydney Smirke, bi spazju għal miljun ktieb, infetħet fl-1857. Minħabba l-pressjoni kontinwa fuq l-ispazju, ittieħdet id-deċiżjoni li l-oġġetti tal-istorja naturali jiġu ttrasferiti f'binja ġdida f'South Kensington, li iktar 'il quddiem saret il-Mużew Brittaniku tal-Istorja Naturali.
Bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien tal-kostruzzjoni tal-binja l-ġdida seħħet il-karriera ta' raġel li xi kultant jissejjaħ bħala t-"tieni fundatur" tal-Mużew Brittaniku, il-librar Taljan Anthony Panizzi. Taħt is-superviżjoni tiegħu, il-Librerija tal-Mużew Brittaniku (issa parti mil-Librerija Brittanika) kibret b'ħames darbiet iktar bħala daqs u saret istituzzjoni organizzata sew li jistħoqqilha tissejjaħ librerija nazzjonali, l-ikbar librerija fid-dinja wara l-Librerija Nazzjonali ta' Pariġi. Il-kwadrangolu fiċ-ċentru tad-disinn ta' Smirke kien ħela ta' spazju siewi u fuq talba ta' Panizzi mtela b'Sala tal-Qari ċirkolari magħmula mill-ħadid ikkastjat, iddisinjata minn ħu Smirke, Sydney Smirke.
Sa nofs is-seklu 19, il-kollezzjonijiet tal-mużew kienu relattivament ċirkoskritti, iżda fl-1851, bil-ħatra tal-persunal ta' Augustus Wollaston Franks bħala kuratur tal-kollezzjonijiet, il-mużew għall-ewwel darba beda jiġma' kollezzjonijiet ta' antikitajiet Medjevali Brittaniċi u Ewropej, u tal-preistorja mill-Asja, b'diversifikazzjoni tal-oġġetti tal-etnografija. Akkwist kbir għall-mużew kien ix-xiri fl-1867, minkejja l-oġġezzjonijiet Franċiżi, tal-kollezzjoni wiesgħa u siewja ta' antikitajiet tad-Duka ta' Blacas. L-iskavi barra mill-pajjiż tkomplew u John Turtle Wood skopra l-fdalijiet tat-Tempju ta' Artemis tas-seklu 4 Q.K. f'Efesu, sit ieħor fost l-Għeġubijiet tad-Dinja l-Antika.
Studji u legat (1875–1900)
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kollezzjonijiet tal-istorja naturali kienu parti integrali tal-Mużew Brittaniku sat-trasferiment tagħhom lejn il-Mużew Brittaniku l-ġdid tal-Istorja Naturali fl-1887, illum il-ġurnata magħruf bħala l-Mużew tal-Istorja Naturali f'South Kensington. Wara t-trasferiment u t-tlestija tas-Sezzjoni l-Bajda l-ġdida (quddiem Triq Montague) fl-1884, kien hemm iktar spazju disponibbli għall-antikitajiet u għall-etnografija, u b'hekk il-librerija setgħet tkompli tespandi iktar. Dan kien żmien ta' innovazzjoni, u ddaħħal it-tidwil elettriku fis-Sala tal-Qari u fil-galleriji tal-wiri.
Il-kollezzjoni tal-armerija ta' William Burges tħalliet lill-mużew fl-1881. Fl-1882, il-mużew kien involut fl-istabbiliment tal-Fond (issa s-Soċjetà) indipendenti tal-Esplorazzjoni tal-Eġittu, l-ewwel korp Brittaniku li wettaq ir-riċerka fl-Eġittu. Legat mingħand Emma Turner fl-1892 iffinanzja l-iskavi f'Ċipru. Fl-1897 il-mewt tal-kollezzjonist u tal-kuratur kbir, A. W. Franks, ġiet segwita minn legat enormi ta' 3,300 ċurkett, 153 reċipjent tax-xorb, 512-il biċċa porċellana kontinentali, 1,500 netsuke, 850 inro, iktar minn 30,000 ex libris u oġġetti mixxellanji tal-ġojjellerija u platti, fosthom it-Teżor ta' Oxus.

Fl-1898 il-Baruni Ferdinand de Rothschild ħalla l-Legat ta' Waddesdon lill-mużew, li kien il-kontenut ileqq mis-Sala l-Ġdida tat-Tipjip fil-Villa ta' Waddesdon. Dan kien jikkonsisti minn kważi 300 objets d'art et de vertu li kienu jinkludu eżempji mill-aqwa ta' ġojjellerija, platti, enamel, tinqix, ħġieġ u fajjenza, fosthom ir-Relikwarju tax-Xewk Imqaddes, li x'aktarx inħoloq fis-snin 90 tas-seklu 14 f'Pariġi għal Ġwanni, id-Duka ta' Berry. Il-kollezzjoni kienet it-tradizzjoni ta' Schatzkammer bħal dawk iffurmati mill-prinċpijiet Rinaxximentali tal-Ewropa. It-testment tal-Baruni Ferdinand kien tassew speċifiku, u n-nuqqas ta' konformità mat-termini tiegħu kien jagħmlu null, għaldaqstant il-kollezzjoni kellha
titqiegħed f'sala speċjali li kellha tissejjaħ bħala s-Sala tal-Legat ta' Waddesdon, għaliha u separata mill-bqija tal-kontenut tal-mużew, u minn hemm 'il quddiem kellha tibqa' tinżamm fl-istess sala jew f'xi sala oħra li tissostitwiha.
Dawn it-termini għadhom jiġu osservati, u l-kollezzjoni tokkupa s-Sala 2a.
Seklu ġdid, binja ġdida (1900–1925)
[immodifika | immodifika s-sors]
Sal-aħħar snin tas-seklu 19, il-kollezzjonijiet tal-Mużew Brittaniku tant kienu kibru li l-binja tal-mużew ma kinitx tesahom iktar. Fl-1895 il-fiduċjarji xtraw id-69 dar ta' madwar il-mużew bl-intenzjoni li jwaqqgħuhom u jibnu madwar in-naħat tal-Punent, tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-mużew. L-ewwel stadju kien il-kostruzzjoni tas-sezzjoni tat-Tramuntana li bdiet fl-1906.
Sadanittant, il-kollezzjonijiet baqgħu jikbru. Emil Torday sawwar kollezzjoni fl-Afrika Ċentrali, Aurel Stein fl-Asja Ċentrali, u D. G. Hogarth, Leonard Woolley u T. E. Lawrence wettqu skavi f'Carchemish. Għall-ħabta ta' dak iż-żmien, il-kollezzjonist u l-filantropu Amerikan J. Pierpont Morgan ta b'donazzjoni għadd sostanzjali ta' oġġetti lill-mużew, fosthom il-kollezzjoni ta' William Greenwell ta' artefatti preistoriċi minn madwar l-Ewropa li kien xtara għal £10,000 fl-1908. Morgan kien akkwista wkoll parti kbira mill-kollezzjoni tal-muniti ta' Sir John Evans, li iktar 'il quddiem inbigħet lill-mużew minn ibnu J. P. Morgan Jr. fl-1915. Fl-1918, minħabba t-theddida tal-bumbardamenti ta' żmien il-gwerra, xi oġġetti ġew evakwati permezz tal-Linja Ferrovjarja tal-Uffiċċju Postali ta' Londra lejn Holborn, il-Librerija Nazzjonali ta' Wales (Aberystwyth) u dar fil-kampanja qrib Malvern. Mar-ritorn tal-antikitajiet mill-ħżin ta' żmien il-gwerra fl-1919, instab li l-kundizzjoni ta' xi oġġetti kienet marret għall-agħar. F'Mejju 1920 ġie stabbilit laboratorju tal-konservazzjoni u dan sar dipartiment permanenti fl-1931. Illum il-ġurnata dan huwa l-eqdem li ilu jeżisti b'mod kontinwu. Fl-1923, il-Mużew Brittaniku laqa' iktar minn miljun viżitatur.
Tfixkil u rikostruzzjoni (1925–1950)
[immodifika | immodifika s-sors]Inbnew sulari ġodda bejn is-sulari preċedenti u l-ispazji fejn kienu jinżammu l-kotba nbnew mill-ġdid f'tentattiv biex il-mużew ilaħħaq mal-wasla ta' kotba bla waqfien. Fl-1931, il-kummerċjant tal-arti Sir Joseph Duveen offra fondi biex tinbena gallerija għall-iskulturi tal-Parthenon. Din ġiet iddisinjata mill-arkitett Amerikan John Russell Pope u tlestiet fl-1938. Id-dehra tal-galleriji tal-wiri bdiet tinbidel meta minflok l-aħmar skur Vittorjan bdew jitfaċċaw sfumaturi iktar moderni.
Wara l-irtirar ta' George Francis Hill bħala Direttur u Librar Prinċipali fl-1936, laħaq minfloku John Forsdyke.
Malli żviluppaw it-tensjonijiet mal-Ġermanja Nażista u l-gwerra bdiet tidher bħala xi ħaġa imminenti, Forsdyke ħaseb li minħabba l-probabbiltà akbar ta' attakki mill-ajru agħar minn dawk esperjenzati fl-Ewwel Gwerra Dinjija, il-mużew kellu jħejji ruħu biex iressaq l-iżjed oġġetti prezzjużi tiegħu lejn postijiet siguri. Wara l-kriżi ta' Munich, Forsdyke ordna 3,300 Kaxxa bla Imsiemer u ħażinhom taħt il-Gallerija ta' Duveen. Fl-istess żmien beda jidentifika u jiżgura postijiet adattati. B'hekk, il-mużew seta' jibda r-rilokazzjoni tal-oġġetti magħżula fl-24 ta' Awwissu 1939 (jum biss wara li l-Ministru tal-Intern ta l-parir biex dan isir), lejn postijiet siguri taħt l-art, djar fil-kampanja, l-istazzjoni tal-metro ta' Aldwych u l-Librerija Nazzjonali ta' Wales. Bosta oġġetti ġew rilokati fil-bidu tal-1942 mill-postijiet ta' ħżin inizjali tagħhom lejn faċilità ġdid li ġiet żviluppata fil-Barriera ta' Westwood f'Wiltshire. L-evakwazzjoni kienet f'waqtha, peress li fl-1940 il-Gallerija ta' Duveen ġarrbet ħsarat kbar mill-bumbardamenti. Sadanittant, qabel il-gwerra, in-Nażisti kienu bagħtu riċerkatur fil-Mużew Brittaniku għal diversi snin bl-għan li "jikkompila l-istorja anti-Semitika tal-Lhud Brittaniċi".
Wara l-gwerra, il-mużew baqa' jagħmel kollezzjonijiet mill-pajjiżi kollha u mis-sekli kollha: fost l-iżjed żidiet spettakolari kien hemm it-teżor ta' Ur tal-2600 Q.K. mill-Mesopotamja, li ġie skopert matul l-iskavi ta' Leonard Woolley fl-1922–1934, oġġetti tad-deheb, tal-fidda u tal-granat mid-dfin tal-bastiment Anglo-Sassonu f'Sutton Hoo (1939) kif ukoll pożati u reċipjenti tal-fidda tal-aħħar tal-perjodu Ruman minn Mildenhall, Suffolk (1946). Fis-snin ta' eżatt wara l-gwerra seħħ ir-ritorn tal-kollezzjonijiet mill-postijiet ta' protezzjoni, u r-restawr tal-mużew wara l-gwerra. Inbeda wkoll ix-xogħol fuq ir-restawr tal-Gallerija ta' Duveen li kienet ġarrbet xi ħsarat mill-bumbardamenti.
Bixra pubblika ġdida (1950–1975)
[immodifika | immodifika s-sors]
Fl-1953, il-mużew iċċelebra l-biċentenarju tiegħu u saru bosta bidliet: inħatru l-ewwel disinjatur u uffiċjal tal-pubblikazzjonijiet interni full-time fl-1964, ġiet stabbilita l-organizzazzjoni Friends fl-1968, ġie stabbilit Servizz tal-Edukazzjoni fl-1970 u ġie stabbilit pubblikatur fl-1973. L-Att dwar il-Mużew Brittaniku tal-1963 introduċa għadd ta' riformi amministrattivi. Sar iktar faċli li jissellfu l-oġġetti, il-kostituzzjoni tal-bord tal-fiduċjarji nbidlet u l-Mużew tal-Istorja Naturali sar indipendenti għalkollox. Sal-1959 l-uffiċċju tal-Muniti u tal-Medalji, li kien inqered għalkollox waqt il-gwerra, inbena u nfetaħ mill-ġdid, inxteħtet l-attenzjoni lejn ix-xogħol tal-gallerija b'disinn ġdid li wassal għall-immudellar mill-ġdid tal-gallerija Klassika u tal-gallerija tal-Lvant Qarib ta' Robert Smirke. Fl-1962 finalment il-Gallerija ta' Duveen ġiet irrestawrata u l-Iskulturi tal-Parthenon reġgħu tpoġġew ġo fiha, għal darb'oħra fil-qalba tal-mużew.
Sas-snin 70 tas-seklu 20, il-mużew reġa' beda jitkabbar. Ġew introdotti iktar servizzi għall-pubbliku; l-għadd ta' viżitaturi kiber, bis-saħħa tal-wirja temporanja "Teżori ta' Tutankhamun" fl-1972, li attirat 1,694,117-il viżitatur, u kienet l-iżjed waħda ta' suċċess fl-istorja Brittanika. Fl-istess sena għadda l-Att dwar il-Librerija Brittanika tal-1972, li ssepara l-kollezzjoni tal-manuskritti u tal-kotba stampati mill-Mużew Brittaniku. B'hekk il-mużew baqa' bl-antikitajiet; bil-muniti, il-medalji u l-karti tal-flus; bl-immaġnijiet stampati u t-tpinġijiet; u bl-etnografija. Problema urġenti kienet is-sejbien ta' spazju għal żidiet fil-librerija li dak iż-żmien kienet teħtieġ 1+1⁄4 mil (2.0 kilometri) addizzjonali ta' xkaffi kull sena. Il-gvern issuġġerixxa sit f'St. Pancras għal-Librerija Brittanika l-ġdida iżda l-kotba baqgħu fil-mużew sal-1997.
Titfaċċa s-Sala l-Kbira (1975–2000)
[immodifika | immodifika s-sors]It-trasferiment tal-Librerija Brittanika lejn sit ġdid f'St. Pancras, li finalment sar fl-1998, ipprovda l-ispazju meħtieġ għall-kotba. Ħoloq ukoll l-opportunità ta' żvilupp mill-ġdid tal-ispazju battal fil-kwadrangolu ċentrali tas-seklu 19 ta' Robert Smirke għas-Sala l-Kbira tar-Reġina Eliżabetta II – l-ikbar pjazza msaqqfa fl-Ewropa – li nfetħet fis-sena 2000. Il-kollezzjonijiet tal-etnografija, li kienu ġew ospitati fil-Mużew tal-Umanità ta' għomru qasir f'6 Burlington Gardens mill-1970, ġew irritornati f'galleriji ġodda li nbnew apposta fil-mużew fis-sena 2000.
Il-mużew reġa' aġġusta l-politiki tiegħu dwar il-kollezzjoni peress li l-interess fl-oġġetti "moderni" reġa' tqanqal: immaġnijiet stampati, tpinġijiet, medalji u l-arti dekorattiva. Ix-xogħol etnografiku fil-post twettaq f'diversità ta' postijiet bħal New Guinea, il-Madagascar, ir-Rumanija, il-Gwatemala u l-Indoneżja u saru skavi fil-Lvant Qarib, fl-Eġittu, fis-Sudan u fir-Renju Unit. Il-Gallerija ta' Weston tal-Brittanja Rumana, infetħet fl-1997, u fiha ġew esposti għadd ta' teżori skoperti reċentement, li wrew ir-rikkezza ta' dik li kienet meqjusa bħala parti mhux importanti tal-Imperu Ruman. Il-mużew kulma jmur irrikorra għal fondi privati għall-binjiet, għall-akkwisti u għal skopijiet oħra. Fis-sena 2000, il-Mużew Brittaniku ngħata l-premju tal-Mużew tal-Wirt Nazzjonali tas-Sena.
Il-Mużew Brittaniku llum
[immodifika | immodifika s-sors]
Illum il-ġurnata l-mużew ma għadux jospita l-kollezzjonijiet tal-istorja naturali, u l-kotba u l-manuskritti li fl-imgħoddi kienu jinsabu fih issa jiffurmaw parti mil-Librerija Brittanika indipendenti. Minkejja dan, il-mużew jippreserva l-universalità tiegħu fil-kollezzjonijiet ta' artefatti li jirrappreżentaw il-kulturi tad-dinja tal-qedem u tad-dinja moderna. Il-kollezzjoni oriġinali tal-1753 kibret għal iktar minn 13-il miljun oġġett fil-Mużew Brittaniku, 70 miljun fil-Mużew tal-Istorja Naturali u 150 miljun fil-Librerija Brittanika.
Is-Sala tal-Qari t-Tonda, li ġiet iddisinjata mill-arkitett Sydney Smirke, infetħet fl-1857. Għal kważi 150 sena, ir-riċerkaturi kienu jmorru hemmhekk biex jikkonsultaw il-librerija enormi tal-mużew. Is-Sala tal-Qari ngħalqet fl-1997 meta l-librerija nazzjonali (il-Librerija Brittanika) ġiet ittrasferita lejn binja ġdida f'St. Pancras. Illum il-ġurnata ġiet ittrasformata fiċ-Ċentru ta' Walter u Leonore Annenberg.
Wara li żvojtaw l-ixkaffi tal-kotba fl-ispazju ċentrali tal-mużew, setgħet tibda l-kostruzzjoni tas-Sala l-Kbira ta' Lord Foster imsaqqfa bil-ħġieġ. Is-Sala l-Kbira, li nfetħet fis-sena 2000, filwaqt li bla dubju tejbet iċ-ċirkolazzjoni madwar il-mużew, ġiet ikkritikata li kellha nuqqas ta' spazju għall-wiri fi żmien meta l-mużew kien jinsab f'diffikultajiet finanzjarji serji u bosta galleriji kienu magħluqin għall-pubbliku. Fl-istess żmien, il-kollezzjonijiet Afrikani li kienu ġew ospitati temporanjament f'6 Burlington Gardens ingħataw gallerija ġdida fis-Sezzjoni tat-Tramuntana ffinanzjata mill-familja Sainsbury – b'donazzjoni ta' madwar £25 miljun.
Il-bażi tad-data online tal-mużew kellha madwar 4,500,000 entrata ta' oġġetti individwali f'2,000,000 rekord fil-bidu tal-2023. Fl-2022–2023 kien hemm 27 miljun żjara fis-sit web, imqabbel mad-19.5 miljun żjara fis-sit web fl-2013.
Il-mużew laqa' 6,440,120 viżitatur fl-2025, u b'hekk kien it-tieni l-iżjed attrazzjoni popolari wara l-Mużew tal-Istorja Naturali.
Għadd ta' films inġibdu fil-Mużew Brittaniku.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Discovery, RSM. "Ranking The World's Most Admired Art Museums, And What Big Business Can Learn From Them" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-06-07.
- ↑ "British Museum - General history". www.britishmuseum.org (bl-Ingliż). Miġbur 2026-06-07.
- ↑ "ALVA | Association of Leading Visitor Attractions". www.alva.org.uk. Miġbur 2026-06-07.
- ↑ "The Life and Curiosity of Hans Sloane". The British Library (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-11-19. Miġbur 2026-06-07.
- ↑ "The Big Question: What is the Rosetta Stone, and should Britain return" (bl-Ingliż). 2009-12-09. Miġbur 2026-06-07.
- ↑ Tharoor, Kanishk (2015-06-29). "Museums and looted art: the ethical dilemma of preserving world cultures" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-06-07.
- ↑ "British Library Act 1972". www.legislation.gov.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2026-06-07.
- ↑ "Admission and opening times". British Museum (bl-Ingliż). Miġbur 2026-06-07.