Monumenti tal-Ġebel taċ-Ċriev

Il-Monumenti tal-Ġebel taċ-Ċriev (bil-lingwa tal-Mongolja: Буган чулуун хөшөө), xi kultant imsejħa l-Kumpless tal-Ġebel taċ-Ċriev ta' Khirigsuur b'referenza għall-oqbra ta' Khirigsuur fil-qrib,[1] huma ħaġriet megalitiċi tal-qedem imnaqqxin b'simboli li jinsabu primarjament fil-Mongolja, u ferm inqas f'żoni fil-madwar tas-Siberja, ir-Russja. 1,300 monument tal-ġebel taċ-ċriev mill-1,500 monumenti li nstabu s'issa jinsabu fil-Mongolja. L-isem oriġina mix-xbihat imnaqqxa taċ-ċriev. Il-kultura tal-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev hija marbuta mal-ħajja u mat-teknoloġiji tal-popli tal-aħħar ta' Żmien il-Bronż assoċjati mal-kumplessi tal-ġebel taċ-ċriev, kif ħareġ fid-dieher permezz tas-sejbiet arkeoloġiċi, il-ġenetika u l-kontenut artistiku tal-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev.[2]
Il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev huma parti minn tradizzjoni tar-rgħajja li jagħmlu tumbati funebri tal-ġebel u kostruzzjonijiet monumentali li feġġew fil-Mongolja u fir-reġjuni ġirien matul Żmien il-Bronż (għall-ħabta tat-3000–700 Q.K.). Diversi kulturi kienu jokkupaw l-inħawi matul dan il-perjodu u kkontribwew għall-kostruzzjoni monumentali tal-ġebel taċ-ċriev, l-ewwel nett il-kultura ta' Afanasievo, u mbagħad it-tradizzjonijiet ta' Okunev, ta' Chemurchek, ta' Munkhkhairkhan jew ta' Ulaanzuukh.[3][4] Il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev infushom jagħmlu parti minn waħda mill-aħħar tradizzjonijiet tal-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev, mill-ħabta tal-1400 sas-700 Q.K. (Żmien il-Bronż Aħħari sa Żmien il-Ħadid Bikri), iżda jippreċedu l-kultura tal-oqbra tal-ħaġar. Il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev jippreċedu wkoll l-istadji bikrin tal-kultura Saka (b'mod partikolari l-kulturi ta' Arzhan, ta' Chandman u ta' Pazyryk), u spiss huma konnessi magħhom fl-inħawi mill-Altai sal-Punent tal-Mongolja.[5] L-arti tal-ġebel taċ-ċriev hija iktar bikrija mill-iżjed siti bikrin tax-Xiti bħal Arzhan bi 300 sa 500 sena, u titqies bħala pre-Xitjan jew possibbilment proto-Xitjan.[6]

Il-kultura tal-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev milli jidher ġiet influwenzata mill-kultura kontemporanja ta' Karasuk lejn il-Majjistral, u magħha taqsam xi karatteristiċi, b'mod partikolari fil-qasam tal-metallurġija għall-armi.[7][8]
Kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm il-Mongolja inġenerali hija pjuttost arida, il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev ġeneralment jinsabu fl-iżjed żoni produttivi u bl-ilma fl-isteppa tat-Tramuntana tal-Mongolja, b'mod partikolari fit-Tramuntana u fil-Punent tal-pajjiż, fejn seħħ il-biċċa l-kbira tal-iżvilupp kulturali tal-Mongolja.[9]
Fil-Mongolja, il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev ġeneralment huma assoċjati mat-tumbati funebri ta' Khirigsuur, u jidhru li huma parti minn ċerimonja mortwarja integrati tal-aħħar ta' Żmien il-Bronż tal-ħabta tal-1200 sas-700 Q.K.[10] L-ammont ta' xogħol meħtieġ biex jinbnew tali strutturi numerużi u kbar tal-ġebel jissuġġerixxi li kien hemm soċjetà ġerarkika kumplessa, li titfaċċa għall-ewwel darba fl-isteppi tal-Mongolja, iżda li wittiet it-triq għall-istati u għall-imperi nomadiċi li ġew wara. L-oqbra ma tantx huma fondi; b'hekk il-fdalijiet umani ma tantx ġew ippreservati, u l-artefatti li nstabu huma ftit li xejn.

) ġeneralment jinsabu fl-iżjed inħawi produttivi u bl-ilma tal-isteppa tat-Tramuntana tal-Mongolja.Il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev normalment inbnew bil-granit jew bil-ġebel aħdar, skont liema kien l-iktar abbundanti fl-inħawi tal-madwar. Għandhom għoli li jvarja; il-biċċa l-kbira huma ogħla minn 3 piedi (0.9 metri), iżda wħud huma għoljin saħansitra 15-il pied (4.6 metri). In-naħa ta' fuq tal-ġebel jistgħu jkunu ċatti, tondi jew imkissrin, x'aktarx għax oriġinarjament in-naħa ta' fuq inqerdet apposta. Normalment l-uċuħ tal-ġebel ikunu orjentati lejn il-Lvant.
It-tinqix u d-disinni normalment kienu jitlestew qabel ma l-ġebel kien jitwaqqaf f'postu, għalkemm uħud mill-ġebel fihom sinjali li tnaqqxu fil-post. Id-disinni kienu jitnaqqxu fuq wiċċ il-ġebel. Il-qatgħat fondi u l-uċuħ angolati jindikaw il-preżenza ta' għodod tal-metall. Kienu jintużaw ukoll għodod tal-ġebel biex jiġu llixxati l-qatgħat ta' xi disinni. Kważi l-ġebel kollu tnaqqax bl-idejn, iżda xi ġebel mhux tas-soltu fih sinjali li juru li jaf inqata' b'xi tip ta' trapan mekkaniku primittiv.

Distribuzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-arkeologi sabu iktar minn 1,500 monument tal-ġebel taċ-ċriev fl-Ewrasja. Iktar minn 1,300 minnhom ġew irreġistrati fit-territorju modern tal-Mongolja. Ftit monumenti oħra iktar sparpaljati jinsab f'żona usa', fi Xinjiang, u saħansitra fil-Punent imbiegħed sa Kuban, ir-Russja; in-Nofsinhar tal-Ukrajna; Dobruja, il-Bulgarija; u qrib ix-xmara Elbe, li tnixxi qalb iċ-Ċekja u l-Ġermanja.
Tipi ta' monumenti tal-ġebel taċ-ċriev
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev ma għandhom l-ebda fdalijiet umani assoċjati magħhom, għalkemm spiss instabu oqbra ta' Khirigsuur pjuttost fil-qrib fil-Mongolja. Dan jissuġġerixxi li l-oqbra kienu jintużaw bħala monumenti funebri għall-mexxejja li jmutu u li l-katavri tagħhom kienu jindifnu xi mkien ieħor.
Ma hemm l-ebda kronoloġija evoluzzjonarja apparenti għad-disinn tal-ġebel taċ-ċriev, għaldaqstant dan jissuġġerixi li diġà kienet teżisti xi tradizzjoni stabbilita tagħhom, x'aktarx fuq materjal li jispiċċa fix-xejn bħall-injam. Il-ġebel x'aktarx li beda jintuża meta l-għodod tal-metall saru disponibbli. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda differenza ċara ta' kronoloġija bejn it-tipi differenti ta' ġebel taċ-ċriev (it-Tipi I, II u III), li spiss jokkorru wkoll fl-istess postijiet. Uħud mid-disinni iktar sempliċi, bħal fil-ġebel ta' Saian-Altai (it-Tip II) fil-fatt ġew datati li huma fost l-eqdem ġebel taċ-ċriev (1300 Q.K.), flimkien mad-disinni fil-Mongolja (it-Tip I).
Il-biċċa l-kbira tal-ġebel taċ-ċriev oriġinarjament kellhom ħsieb antropomorfiku, kif issuġġerit mill-għamla ġenerali ta' "pilastru", kif ukoll riljievi jew tpinġijiet li juru ċinturin mimli għodod u armi, tarka fuq in-naħa ta' wara tal-ġebel, ġojjellerija bħal ġiżirana, imsielet u wiċċ simboliku jew qajla realistiku, xi kultant b'xedd ir-ras fuq nett. Il-faċċata, jekk mhux mittiefsa, dejjem tkun orjentata lejn il-Lvant.
Iċ-"ċriev itiru" stilistiċi fuq wiċċ il-bosta monumenti tal-ġebel taċ-ċriev jaf ma kinux disinni dekorattivi biss, iżda fil-fatt jaf kienu jirrappreżentaw it-tpinġijiet ta' fuq ġisem l-individwi indikati. Din l-ipoteżi ġiet imsaħħa bl-iskoperta ta' tpinġijiet estensivi tal-ġisem ta' "ċrievi jtiru" fuq il-ġilda ta' individwi mill-kultura ta' Pazyryk. Il-ġebel taċ-ċriev jaf kienu rappreżentazzjoni skematika iżda kompluta tat-tpinġijiet tal-ġisem tad-deċedut, flimkien mal-għodod u mal-armi tiegħu.
Meta wieħed iqis id-diversi għodod u tagħmir imnaqqxa fuq il-ġebel taċ-ċriev, bħat-tagħmir ta' fuq iż-żwiemel, il-qaws ikkurvat u l-gorytus, jidher li n-nies li kienu jolzaw il-monument kienu jiddependu kompletament fuq iż-żiemel għall-istil ta' ħajja u għall-battalji tagħhom.
V. V. Volkov, fit-30 sena ta' riċerka tiegħu, ikklassifika tliet tipi distinti ta' ġebel taċ-ċriev.
Tip I: Mongoljan Klassiku
[immodifika | immodifika s-sors]Dawn il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev huma pjuttost dettaljati u iktar eleganti fil-metodi ta' kif tnaqqxu. Normalment juru ġellieda lebsin ċinturin b'ċriev itiru stilizzati fuq sidirhom. Dan it-tip ta' ġebel huwa prominenti l-iktar fin-Nofsinhar tas-Siberja u fit-Tramuntana tal-Mongolja. Din il-konċentrazzjoni tissuġġerixxi li dan il-ġebel kien l-oriġini tat-tradizzjoni tal-ġebel taċ-ċriev, u t-tipi li ġew wara ssimplifikawha u elaborawha. Dan il-ġebel taċ-ċriev spiss huwa assoċjat mal-oqbra ta' "Khirgisuur". Dawn is-siti funebri ta' Khirgisuur huma ta' perjodu arkeoloġiku iktar bikri, iżda mbagħad intużaw mill-bennejja tal-ġebel taċ-ċriev.
- L-erba' naħat tal-Ġebla taċ-Ċriev Nru 14 tas-sit ta' Uushigiin Övör.
- Ġebla taċ-ċriev fil-Provinċja ta' Khövsgöl, il-Mongolja.
- Dettall tax-xbihat tal-armi fin-naħa t'isfel tal-ġebla taċ-ċriev ta' Khövsgöl.
- Ġebla taċ-ċriev bix-xbieha taċ-ċriev itiru, karatteristika tat-Tip I, Ulaan Batur.
Tip II: Sayan-Altai
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ġebel ta' Sayan-Altai fihom uħud mill-marki tal-Punent tal-Asja u tal-Ewropa, fosthom annimali b'saqajn dritti, sejfijiet u għodda oħra. Il-motivi taċ-ċriev huma ferm inqas, u dawk li jidhru spiss ma jenfassizzawx ir-relazzjoni bejn iċ-ċriev jew ir-renni u t-titjir. Il-ġebel ta' Sayan-Altai jista' jiġi maqsum f'żewġ tipi:
- Il-ġebel ta' Gorno-Altai b'motivi sempliċi ta' ġellieda, b'għodod maċ-ċinturin. Il-motivi taċ-ċriev huma preżenti iżda huma ftit li xejn. Il-ġebel taċ-ċriev tal-Altai regolarment jiġu assoċjati mal-kultura bikrija Xitjana ta' Pazyryk.
- Il-ġebel ta' Sayan-Tuva huwa simili għall-ġebel ta' Gorno-Altai iżda fih inqas xbihat ta' annimali. Ma hemm l-ebda motivi ta' ċriev preżenti. L-istil artistiku huwa ferm iktar sempliċi, u spiss jikkonsisti biss minn ċinturini, ġiżirajjen, imsielet u wċuħ. F'Tuva, il-ġebel huwa assoċjat mad-difniet tas-Saka għonja ta' Arzhan 1 u ta' Arzhan 2.
- Tip II: Ġebel ta' Sayan-Altai.
- L-erba' naħat tal-Ġebel ta' Sayan-Altai, Surtiin Denj, Bürentogtokh, Khövsgöl, il-Mużew Nazzjonali tal-Mongolja.
- Ġebel taċ-Ċriev ta' Sayan-Tuva f'Uyuk-Tarlak, Tuva, ir-Russja.

Tip III: Il-Punent tal-Ewrasja
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-ġebel jinkludi parti ċentrali maqsuma b'żewġ linji jew ċinturini orizzontali. Fih ukoll "imsielet b'għamla ta' anelli", ċrieki kbar, żbarri dijagonali f'gruppi ta' tnejn jew tliet magħrufa bħala "wċuħ", u "ġiżirajjen", li huma ġabra ta' fosos tal-ġebel f'għamla ta' ġiżirana. Ftit monumenti kklassifikati bħala ġebel taċ-ċriev instabu saħansitra fl-inħawi tal-Ural, tal-Krimea jew fejn ix-xmara Elbe, f'kuntest Xitjan (600-300 Q.K.).
Xbihat
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm bosta xbihat komuni li jidhru fuq il-monumenti tal-ġebel taċ-ċriev, kif ukoll bosta modi kif jiġu ppreżentati.
Ċriev
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċriev jidhru b'mod prominenti fi kważi l-ġebel kollu taċ-ċriev. X'aktarx li jirrappreżentaw iċ-ċriev ħomor jew maral (Cervus elaphus sibericus). Il-ġebel bikri fih xbihat sempliċi ħafna ta' ċriev jew renni, u maż-żmien, id-disinni bdew iżidu fid-dettall. Distakk ta' 500 sena rriżulta fix-xbihat ikkumplikati taċ-ċriev itiru. Iċ-ċriev jidhru qishom qed itiru fl-arja, iktar milli sempliċement jiġru fuq l-art. L-antropologu Piers Vitebsky kiteb li "ċ-ċriev tnaqqxu b'għonqhom stirat u b'saqajhom 'il quddiem, qishom qed jaqbżu fl-arja flok jimxu fuq l-art". Il-qrun tagħhom, kultant bħala pari, bdew isiru b'mod tassew imżejjen, bl-użu ta' disinni spirali kbar li kultant jintegraw iċ-ċriev kollha. Dawn il-qrejjen xi kultant għandhom ċirku tax-xemx jew xi xbiha oħra relatat max-xemx fuqhom. Opri tal-arti oħra mill-istess perjodu jkomplu jenfasizzaw ir-rabta bejn iċ-ċriev u x-xemx, li hija rabta komuni ħafna fix-xamaniżmu Siberjan. It-tpinġijiet tal-ġisem fuq il-ġellieda midfuna kienu jkunu jinkludu ċ-ċriev, bi qrejjen imżejna bl-irjus ta' għasafar żgħar. Dawn ix-xbihat taċ-ċriev, tax-xemx u tal-għasafar x'aktarx li jissimbolizzaw it-trasformazzjoni spiritwali tax-xaman mid-Dinja għas-smewwiet: il-passaġġ mill-ħajja dinjija għall-ħajja spiritwali fil-ġenna. Peress li dawn ix-xbihat taċ-ċriev jidhru wkoll fit-tpinġijiet tal-ġisem tal-ġellieda, jaf ukoll kien hemm it-twemmin li ċ-ċriev joffru xi tip ta' protezzjoni mill-qawwiet perikolużi. Teorija oħra hi li l-ispirtu taċ-ċriev kien iservi bħala gwida biex ruħ il-ġellied tasal il-ġenna.
Annimali oħra
[immodifika | immodifika s-sors]
B'mod partikolari fil-ġebel ta' Sayan-Altai, bosta annimali oħra huma preżenti fil-monumenti. Wieħed jista' josserva xbihat ta' tigri, ħnieżer, baqar, ħlejqiet qishom żwiemel, żrinġijiet u għasafar. Madankollu, għad-differenza taċ-ċriev, dawn l-annimali jintwerew bi stil iktar naturali. Dan in-nuqqas ta' dettall jindika n-nuqqas ta' importanza sovranaturali mehmuża ma' dawn l-annimali, speċjalment meta mqabbla maċ-ċriev. L-annimali spiss jidhru f'pari f'konfront, eż. tigra f'konfront ma' żiemel f'attività iktar dinjija.
Xejriet
[immodifika | immodifika s-sors]Okkażjonalment jidhru disinni qishom ta' vleġeġ jew tal-ittra V, normalment fin-naħa ta' fuq tal-ġebel taċ-ċriev. Dawn id-disinni jistgħu jitqabblu ma' tarki militari, u jissuġġerixxu r-rabta tal-ġebel mal-kunflitt armat. Ġie ssuġġerit ukoll li dawn id-disinni jaf huma xi emblema xamanika li tirrappreżenta l-iskeletru.
Uċuħ umani
[immodifika | immodifika s-sors]
In-naħa ta' fuq tal-ġebel ġeneralment tkun ġejja għat-tond jew tkun ċatta, iżda spiss tkun skolpita f'angolu biex in-naħa iktar għolja tkun tħares lejn il-Lvant. L-uċuħ umani huma okkorrenza ferm iktar rari u ġeneralment ikunu mnaqqxa fin-naħa ta' fuq tal-ġebel, u jkunu jħarsu wkoll lejn il-Lvant. Xi kultant l-uċuħ jiġu rrappreżentati b'mod simboliku, bi ftit marki regolari ta' żbarri (eż. //, ///). L-għonq ġeneralment ikun imżejjen b'ġiżirana taż-żibeġ, u msielet ċirkolari kbar spiss jidhru fuq il-ġnub, moda tipika ta' Żmien il-Bronż Aħħari. Dawn l-uċuħ jidher li tnaqqxu b'ħalq miftuħ, qishom qed ikantaw. Dan jissuġġerixxi wkoll rabta reliġjuża/xamanistika tal-ġebel taċ-ċriev, peress li l-espressjoni vokali hija tema komuni u importanti fix-xamaniżmu.
Dawn ix-xbihat jissuġġerixxu li kienu jsiru difniet madwar figuri ċentrali, karatteristika ta' soċjetajiet pjuttost organizzati u stratifikati ta' rgħajja. Iż-żwiemel kienu jindifnu flimkien mat-tagħmir tagħhom. Il-mexxejja nomadiċi setgħana, li kienu jmexxu gruppi nomadiċi fuq skala kbira, jaf affettwaw l-aħħar tad-dinastija Shang u l-bidu tad-dinastija Zhou lejn in-Nofsinhar, u jaf kellhom xi rabta ma' Xianyun, famuż fl-istorja Ċiniża.
L-uċuħ umani fuq il-ġebel taċ-ċriev xi kultant jidhru li għandhom iktar xeħta tal-bixra Ewropea, b'uċuħ tawwalin, imnieħer twil u għajnejn imnaqqxin fil-fond u qrib xulxin. Xi figuri jidhru bil-kappa bl-istil nomadiku bikri jew Xitjan-Siberjan.
Armi u għodod
[immodifika | immodifika s-sors]Il-mexxejja mnaqqxa fil-ġebel taċ-ċriev (1400-700 Q.K.) kienu mgħammra bl-armi u bit-tagħmir tal-ġlied, bħal xwabel, sejfijiet, skieken, imnanar, qawwasa, strumenti għat-tqabbid tan-nar, jew riedni għall-karrijiet. L-armi u l-għodod huma viżibbli fil-ġebel taċ-ċriev kollu, għalkemm l-armi huma iktar preżenti fil-ġebel ta' Sayan-Altai. Il-qwies u s-sejfiet jidhru spiss, kif ukoll strumenti tipiċi ta' Żmien il-Bronż, bħal strumenti għat-tqabbid tan-nar jew riedni għall-karrijiet. Il-preżenza ta' dawn l-għodod imnaqqxa tgħin fid-datazzjoni tal-ġebel għal Żmien il-Bronż.
L-armi tal-ġebel taċ-ċriev ġeneralment ġew ispirati minn dawk tal-kultura kontemporanja ta' Karasuk lejn il-Majjistral, ċentru magħruf sew għall-metallurġija tal-qedem b'influwenzi saħansitra mbegħda sad-dinastija Shang taċ-Ċina.
Żwiemel u karrijiet
[immodifika | immodifika s-sors]
L-iżjed żwiemel immansati fil-Mongolja jmorru lura għall-poplu tal-kultura tal-ġebel taċ-ċriev.
Għalkemm iż-żwiemel jidher li kienu ċentrali għall-istil ta' ħajja tal-bennejja tal-ġebel taċ-ċriev, mhux ċar jekk iż-żwiemel tagħhom kinux jintużaw għall-irkib jew għall-ġbid tal-karrijiet. Effettivament, fost il-ġebel kollu taċ-ċriev, l-ebda ġebla ma tirrappreżenta rikkieb fuq żiemel. Sa issa, l-ewwel evidenza tal-irkib taż-żwiemel fil-Lvant tal-Ewrasja tmur lura għall-bidu tal-ewwel millenju Q.K. fil-muntanja Altai, u l-evidenza ċara f'forma ta' sarġijiet tmur lura għall-400 Q.K. biss, mis-siti Saka tal-kultura ta' Pazyryk. Min-naħa l-oħra, xbihat ta' żwiemel bil-karrijiet jidhru f'uħud mill-ġebel taċ-ċriev mill-Mongolja ċentrali, inkluż karru miġbud minn żewġ żwiemel u karru miġbud minn erba' żwiemel.
Diversi għodod tipiċi tal-irkib taż-żwiemel jidhru wkoll fix-xbihat tal-ġebel taċ-ċriev, fosthom ir-riedni. Ir-riedni kienu ddisinjati biex jibqgħu fil-post biex idejn ir-rikkieb ikunu liberi, u x'aktarx kienu jkunu marbuta ma' qadd ir-rikkieb. Ir-riedni setgħu jitpoġġew fuq qishom grampuni mehmuża maċ-ċinturin tar-rikkieb, biex ikunu jista' jibqa' jikkontrolla ż-żiemel waqt li jkun qed juża l-armi.
Oriġini u skop
[immodifika | immodifika s-sors]
L-oriġini tal-arti tal-ġebel taċ-ċriev tibqa' mhix ċerta. Skont id-data attwali, l-arti tal-ġebel taċ-ċriev setgħet oriġinat indirettament minn tradizzjoni mhux ippreservata ta' kulturi relatati ma' Karasuk, b'anteċedenti possibbli fix-xbihat ta' figuri umani fil-kultura ta' Yamnaya tal-isteppi tal-Punent fit-tieni u fl-ewwel millenji Q.K., bħall-idolu ta' Kernosivsky. L-isteli tal-ġebel Ċimmerjani u ta' Kurgan jaf huma parti mit-tweġiba. Il-kultura Siberjana ta' Okunev (2700-1800 Q.K.) għandha wkoll tradizzjoni twila ta' ġebel wieqaf użat bħala totems mit-tielet millenju Q.K. 'il quddiem.
L-impuls artistiku oriġinali għall-ġebel taċ-ċriev klassiku jaf nibet mill-annimali tal-ekosistema tat-Tramuntana tas-Siberja u r-rappreżentazzjonijiet tagħhom fl-arti petroglifika, li jmorru lura saħansitra għan-Neolitiku. Kif spjegat minn Jacobson:
Ir-raġunament ġenerali . . . huwa pjuttost sempliċi: l-annimali li jiddominaw l-istil arkajku Xitjan-Siberjan huma kollha annimali tal-isteppa forestali jew tal-foresti tat-Tramuntana. Barra minn hekk . . . in-natura arkajka tal-istili u tax-xbihat nomadiċi bikrin tindika mhux biss tradizzjoni tat-tinqix fl-għadam u fl-injam iżda anke tradizzjoni ta' rappreżentazzjoni żoomorfika li tmur lura saħansitra san-Neolitiku Siberjan. Ix-xbihat partikolari taċ-ċervidi (ċriev, alċi, renni, eċċ.), felini (panteri u tigri), kapridi . . . u għasafar tal-priża, evidenti fl-arti bikrija tan-nomadi bikrin u f'dik tal-predeċessuri tagħhom, kienu jiddependu fuq l-iżvilupp ta' tradizzjoni artistika fost il-kulturi ta' Żmien il-Bronż li kienu jiddependu fuq il-kaċċa fin-Nofsinhar tas-Siberja u fil-Mongolja. — Jacobson 1993, ikkwotat f'Fitzhugh 2009. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Globalment, it-tip Klassiku Mongoljan ma jidhirx li kien l-ewwel ġenerazzjoni ta' ġebel taċ-ċriev, u dan jagħti x'tifhem li kien hemm tradizzjoni ta' qabel il-ġebel taċ-ċriev qabel l-1500 Q.K., li oriġinat fil-foresta taiga tat-Tramuntana tas-Siberja. Il-kultura tal-ġebel taċ-ċriev imbagħad jaf infirxet lejn il-Punent taħt il-pressjoni tal-kultura tal-oqbra bil-ħaġar kbir, li ltaqgħet ma' tradizzjoni Xitjana bikrija tal-Altai, fejn imbagħad żviluppa l-istil tal-ġebel ta' Sayan-Altai.
Profil ġenetiku
[immodifika | immodifika s-sors]
Mill-analiżijiet ġenetiċi tal-individwi midfuna fit-tumbati funebri ta' Żmien il-Bronż Aħħari assoċjati mal-Monumenti tal-Ġebel taċ-Ċriev fit-Tramuntana tal-Mongolja ħareġ li dawn l-individwi primarjament tnisslu minn sors ta' Khövsgöl ta' Żmien il-Bronż Aħħari (madwar 4-7 % Sintashta u 93-96 % Baikal ta' Żmien il-Bronż Bikri). L-individwi kienu qrib il-popolazzjonijiet kontemporanji Neolitiċi u ta' Żmien il-Bronż ta' Baikal, u raggruppati "'l fuq mill-popolazzjonijiet moderni ta' Tuvi jew Altai".
L-individwi analizzati kienu jinkludu wkoll xi individwi differenti, bi fdalijiet fl-iżjed punt fil-Punent tal-Mongolja (magħrufa wkoll bħala Altai_MLBA) b'nisel Ewrasjatiku bbilanċjat mill-Punent u mil-Lvant, madwar 45 % Sintashta u 55 % Baikal ta' Żmien il-Bronż Bikri, li kienu kważi identiċi għas-Saka tal-Lvant li ġew wara, b'mod partikolari mill-kultura ta' Chandman (magħrufa wkoll bħala Chandman_IA), u fdalijiet bi profil ġenetiku iktar Amur tan-Neolitiku, b'xebħ mal-kultura tal-oqbra tal-ħaġar ta' Ulaanzuukh lejn il-Lvant.
Il-kultura ta' Ulaanzuukh, differenti mill-kultura tal-ġebel taċ-ċriev, u li tikkorrispondi għad-difniet fix-Xlokk tal-Mongolja, kellha profil purament tal-Grigal tal-Asja (kważi 100 % ANA), b'individwu differenti wieħed bi profil Altai_MLBA tal-Punent.
Huwa magħruf li l-kulturi li ġew wara spiss reġgħu użaw il-ġebel fit-tumbati funebri tagħhom stess (magħrufa bħala kheregsüürs) u għal skopijiet oħra.
Storjografija
[immodifika | immodifika s-sors]
Fl-1892, V.V. Radlov ippubblika ġabra ta' tpinġijiet tal-ġebel taċ-ċriev fil-Mongolja. It-tpinġijiet ta' Radlov kienu juru x-xbihat stilizzati ferm taċ-ċriev fuq il-ġebel, kif ukoll l-ambjenti li fihom kienu jinsabu. Radlov wera li f'xi każijiet, il-ġebel kien jitqiegħed skont ċertu mudelli qishom il-ħitan ta' qabar, u f'xi każijiet oħra, il-ġebel taċ-ċriev kienu jitpoġġew f'ċrieki elaborati, li jagħti x'tifhem li kienu jintużaw f'ritwali ta' importanza mhux magħrufa.
Fl-1954, A.P. Okladnikov ippubblika studju ta' ġebla taċ-ċriev li nstabet fl-1856 minn D.P. Davydov qrib Ulan-Ude moderna, issa magħrufa bħala l-ġebla ta' Ivolga, li tinsab għall-wiri fil-Mużew Storiku tal-Istat ta' Irkutsk. Okladinkov identifika x-xbihat taċ-ċriev iktar bħala renni, stabbilixxa li t-tinqix fuq il-ġebel kien imur lura għas-sekli 6-7 Q.K., u kkonkluda mill-kollokazzjoni tagħha u minn xbihat oħra li kienet assoċjata ma' ritwali funebri, u kienet monument iddedikat lil ġellied mexxej ta' prominenza soċjali għolja.
Studju estensiv tal-1981 ta' V.V. Volkov identifika żewġ kundizzjonijiet kulturali marbuta mal-ġebel taċ-ċriev. Il-ġebel taċ-ċriev tal-Lvant jidher li huwa assoċjat maċ-ċimiterji tal-kultura tal-oqbra tal-ħaġar. It-tradizzjoni kulturali l-oħra hija assoċjata mal-istrutturi ċirkolari, u dan jissuġġerixxi li kienu jintużaw bħala ċ-ċentru tar-ritwali.

Hemm diversi teoriji proposti għall-iskop tal-ġebel taċ-ċriev. Hemm puntidivista differenti dwar l-oriġini tal-arti tal-ġebel taċ-ċriev. Skont H.L. Chlyenova, ix-xbiha artistika taċ-ċriev oriġinat mit-tribù Saka u l-fergħat tagħha (Chlyenova 1962). Volkov jemmen li wħud mill-metodi tal-produzzjoni tal-arti tal-ġebel taċ-ċriev huma marbuta mill-qrib max-Xitjani (Volkov 1967).
L-arkeologu Mongoljan D. Tseveendorj isostni li l-arti tal-ġebel taċ-ċriev oriġinat fil-Mongolja matul Żmien il-Bronż u minn hemm 'il quddiem infirxet lejn l-inħawi ta' Tuva u ta' Baikal (Tseveendorj 1979).
D. G. Savinov (1994) u M. H. Mannai-Ool (1970) studjaw ukoll l-arti tal-ġebel taċ-ċriev u waslu għal konklużjonijiet oħra. Il-ġebel ma jokkorrix waħdu, iżda normalment ikun hemm diversi monumenti oħra tal-ġebel, xi kultant imnaqqxin u xi kultant le. Il-ħamrija ta' madwarhom spiss instab li kien fiha traċċi ta' fdalijiet tal-annimali, pereżempju taż-żwiemel. Dawn il-fdalijiet kienu jitqiegħdu taħt dan il-ġebel awżiljarju. Il-fdalijiet umani, min-naħa l-oħra, ma kinux preżenti fl-ebda wieħed mis-siti, u b'hekk dan imur kontra t-teorija li l-ġebel seta' kien jintuża bħala lapidi tal-oqbra. It-tinqix fuq il-ġebel u l-preżenza ta' fdalijiet mis-sagrifiċċji jaf jissuġġerixxu xi skop reliġjuż, x'aktarx bħala post ewlieni fejn kienu jsiru r-ritwali xamanistiċi.

Xi ġebel jinkludi ċirku fin-naħa ta' fuq u sejf stilizzat u ċinturin fin-naħa t'isfel. Dan wassal biex xi studjużi, bħal William Fitzhugh, ipproponew li l-ġebel jaf kien jirrappreżenta ġisem ta' bniedem spiritwalizzat, b'mod partikolari ta' figura prominenti bħal ġellied jew mexxej. Iċ-ċriev li jtiru dekorattivi effettivament x'aktarx li kienu tpinġijiet tal-ġisem fuq ġisem id-deċedut, bħal dawk ta' mumja li nstabet fis-silġ mill-kultura ta' Pazyryk. Din it-teorija hija msaħħa mill-fatt li l-ġebel kollu huwa differenti ħafna bħala kostruzzjoni u xbihat, u dan jaf għaliex kull ġebla tirrakkonta ġrajja unika għall-individwu li tirrappreżenta.
Fl-2006, il-Proġett tal-Ġebel taċ-Ċriev tal-iSmithsonian Institution u tal-Akkademja Mongoljana tax-Xjenzi beda jirreġistra l-ġebel b'mod diġitali permezz tal-iskennjar tridimensjonali bil-laser.
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Artefatti kontemporanji fil-Punent tal-Mongolja
[immodifika | immodifika s-sors]- Imsielet tad-deheb ta' Żmien il-Bronż, Burgastain gol, il-Provinċja ta' Uvs, il-Mongolja. Għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Mongolja.
- Ilġiem ornamentali tal-bronż ta' Żmien il-Bronż, 1200-800 Q.K., għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Mongolja.
- Sikkina ta' Żmien il-Bronż, 1200-800 Q.K., Khovd aimag, il-Mongolja. Għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Mongolja.
- Forma tal-ġebel għall-ikkastjar tal-oġġetti tal-bronż, 1500-400 Q.K., għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali tal-Mongolja.
Stil ta' annimali
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xbihat artistiċi tal-annimali fil-ġebel taċ-ċriev huma l-iżjed tip bikri rikonoxxut tal-istil tal-annimali. Dan l-istil imbagħad infirex fl-Asja Ċentrali kollha matul l-ewwel millenju Q.K. u sar karatteristika ewlenija tal-arti Xitjana-Siberjana. It-tifrix tal-istil tal-annimali u tal-ġebel ta' Sayan-Altai ġie appoġġat mill-migrazzjoni lejn il-Punent tal-gruppi Xitjani, li mbagħad saru magħrufa bħala Saka jew Sarmatjani fid-dokumentazzjoni bil-Grieg.
Lejn ix-Xlokk, il-kultura ta' Xiajiadian ta' Fuq titqies bħala l-iżjed kultura Xitjana (Saka) bikrija fit-Tramuntana taċ-Ċina, li tfaċċat fis-seklu 9 Q.K. L-iżvilupp ta' stili tal-annimali hemmhekk jaf kienu r-riżultat ta' kuntatti man-nomadi tal-Mongolja fis-sekli 9-8 Q.K.
Tranżmissjoni tal-karrijiet tal-gwerra u tad-disinni tal-armi liċ-Ċina
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-karrijiet intużaw għal żmien twil fil-Punent tal-Ewrasja, u l-iżvilupp tal-karrijiet taż-żwiemel fil-kultura tal-ġebel taċ-ċriev hija espansjoni ta' dan, iżda x'aktarx li wasslet għaż-żieda tal-karrijiet taż-żwiemel taċ-Ċina fid-dinastija Shang. Iż-żona tal-promontorju Mongoljan li tikkorrispondi għall-kultura tal-ġebel taċ-ċriev-Khirigsuurs ġiet identifikata bħala "reġjun ewlieni tal-oriġini tal-użu tal-karrijiet u taż-żwiemel fil-Lvant tal-Asja (u l-armi u l-għodod assoċjati magħhom), kif ukoll x'aktarx is-sors tal-karrijiet u taż-żwiemel użati f'Anyang" (il-belt kapitali Ċiniża fid-dinastija Shang), b'kontribut għat-teknoloġija tal-armi, għad-disinni tagħhom, u għall-karrijiet taż-żwiemel stess. Il-grampuni tar-riedni jidhru għall-ewwel darba fiċ-Ċina f'Yin Xu għall-ħabta tal-1200 Q.K., u x'aktarx li ġew introdotti fiċ-Ċina miż-Żoni tat-Tramuntana.
L-adozzjoni tal-karru fiċ-Ċina tmur lura għall-ħabta tal-1200 Q.K., fi żmien l-Imperatur Wu Ding tad-dinastija Shang. Kunflitti kbar ma' għedewwa tat-Tramuntana rekbin il-karrijiet, imsejħa Guifang ("poplu tax-xitan") jew Xianyun miċ-Ċiniżi, ġew irrapportati wkoll għall-ħabta ta' dak iż-żmien fl-inċiżjonijiet Ċiniżi.
Diversi nies oħra x'aktarx li kkontribwew għat-trasferiment ta' dawn it-teknoloġiji mill-isteppa Mongoljana għaċ-Ċina tad-dinastija Shang, bħall-poplu tal-kultura ta' Tevsh-Ulaanzuukh tan-Nofsinhar tal-Mongolja, li kellhom ukoll armi tal-idejn li kienu pjuttost simili għal dawk tal-kultura tal-ġebel taċ-ċriev. Milli jidher il-popli tat-Tramuntana kienu preżenti bil-bosta fil-belt kapitali Ċiniża ta' Anyang, kif issuġġerit mid-diversi difniet f'pożizzjonijiet ewlenin flimkien mat-tagħmir tal-karrijiet. X'aktarx li kienu jintużaw miċ-Ċiniżi minħabba l-ħiliet speċjalisti fis-sewqan u fit-tħejjija tal-karrijiet u fit-tekniki tal-armi relatati. Diversi artefatti Ċiniżi bl-istil tal-isteppi tat-Tramuntana ġew identifikati.
L-arti tal-ġebel taċ-ċriev jaf influwenzat ukoll l-arti Ċiniża, b'mod partikolari ż-żieda f'daqqa tat-temi tan-naturaliżmu u tal-annimali matul id-dinastija Zhou tal-Punent (1045–771 Q.K.).
- Karrijiet tal-gwerra tad-dinastija Shang f'Yin Xu. It-teknoloġija tagħhom ġiet introdotta mill-kultura tal-ġebel taċ-ċriev.
- Xbihat ta' grampuni tar-riedni fil-ġebel taċ-ċriev (xellug), u grampun tar-riedni tal-bronż tad-dinastija Shang Ċiniża, għall-ħabta tas-seklu 11 Q.K. (lemin).
- Xbiha tal-ġebel taċ-ċriev ta' sejf u tal-għant tiegħu (xellug), u ta' sikkina tad-dinastija Shang Ċiniża bl-istil tal-isteppi tat-Tramuntana (lemin).
- Ċerva bilwieqfa (biċ-Ċiniż: 西周玉鹿), id-dinastija Zhou tal-Punent, is-sekli 11-9 Q.K.
- Pendent b'għamla ta' ċerva, id-dinastija Zhou tal-Punent, għall-ħabta tal-1050-950 Q.K.
Għebien u legat
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kultura tal-ġebel taċ-ċriev ġiet sostitwita mill-kultura tal-oqbra tal-ħaġar fil-Mongolja ċentrali u fil-Lvant tal-Mongolja għall-ħabta tas-700 Q.K. Lejn il-Punent, il-kultura tal-ġebel taċ-ċriev ġiet sostwita jew evolviet f'diversi kulturi Saka, bħall-kultura ta' Uyuk, il-kultura ta' Chandman u l-kultura ta' Pazyryk culture.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-fdalijiet tal-oqbra tal-ħaġar kienu primarjament ta' nisel Amur Neolitiku, xi fdalijiet tal-oqbra tal-ħaġar kellhom nisel imħallat bejn l-Amur Neolitiċi u l-kaċċaturi-ġemmiegħa ta' Khövsgöl/Baikal li diġà kienu jeżistu, b'konsistenza mal-espansjoni proposta tal-kultura tal-oqbra tal-ħaġar ta' Ulaanzuukh lejn it-Tramuntana u l-Lvant u mal-evidenza arkeoloġika.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monumenti tal-Ġebel taċ-Ċriev u s-Siti Relatati ta' Żmien il-Bronż ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[11]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[11]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Fitzhugh, William (2009a). "The Mongolian Deer Stone-Khirigsuur Complex: Dating and Organization of a Late Bronze Age Menagerie". In J Bemmann; H Parzinger; E Pohl; D Tseveendorj (eds.). Current Archaeological Research in Mongolia. Bonn: Rheinische Friedrich-Wilhelms-Universitat. p. 183.
- ↑ Fitzhugh, W. W. (2009b). "Stone Shamans and Flying Deer of Northern Mongolia: Deer Goddess of Siberia or Chimera of the Steppe?". Arctic Anthropology. 46 (1–2): 72–88. doi:10.1353/arc.0.0025. ISSN 0066-6939. S2CID 55632271. p. 73.
- ↑ Baumer, Christoph (18 April 2018). History of Central Asia, The: 4-volume set. Bloomsbury Publishing. p. 157. ISBN 978-1-83860-868-2.
- ↑ Taylor, William; Wilkin, Shevan; Wright, Joshua; Dee, Michael; Erdene, Myagmar; Clark, Julia; Tuvshinjargal, Tumurbaatar; Bayarsaikhan, Jamsranjav; Fitzhugh, William; Boivin, Nicole (6 November 2019). "Radiocarbon dating and cultural dynamics across Mongolia's early pastoral transition". PLOS ONE. 14 (11): e0224241. Bibcode:2019PLoSO..1424241T. doi:10.1371/journal.pone.0224241. ISSN 1932-6203. PMC 6834239. PMID 31693700.
- ↑ Jacobson-Tepfer, Esther (2023). "Deer Stones (pp.155–191)". Monumental Archaeology in the Mongolian Altai. Brill. doi:10.1163/9789004541306_008. ISBN 978-90-04-54130-6. pp. 158-159.
- ↑ Jacobson-Tepfer, Esther (2023). "Deer Stones (pp.155–191)". Monumental Archaeology in the Mongolian Altai. Brill. doi:10.1163/9789004541306_008. ISBN 978-90-04-54130-6. pp. 78-79.
- ↑ "The Mysterious Steles of Mongolia". CNRS News (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-14.
- ↑ Turbat, Tsagaan; J.Gantulga; N.Bayarkhuu; D.Batsukh; N.Turbayar; N.Erdene-Ochir; N.Batbold; Ts.Tselkhagarav (2021). Tsagaan Turbat (ed.). "Deer Stone Culture of Mongolia and Neighboring Regions". Institute of Archaeology, Mas & Institute for Mongol Studies, Num. Ulaanbaatar.
- ↑ Fitzhugh, W. W. (2009b). "Stone Shamans and Flying Deer of Northern Mongolia: Deer Goddess of Siberia or Chimera of the Steppe?". Arctic Anthropology. 46 (1–2): 72–88. doi:10.1353/arc.0.0025. ISSN 0066-6939. S2CID 55632271. p. 74.
- ↑ Fitzhugh, William (2009a). "The Mongolian Deer Stone-Khirigsuur Complex: Dating and Organization of a Late Bronze Age Menagerie". In J Bemmann; H Parzinger; E Pohl; D Tseveendorj (eds.). Current Archaeological Research in Mongolia. Bonn: Rheinische Friedrich-Wilhelms-Universitat. p. 183.
- 1 2 "Deer Stone Monuments and Related Bronze Age Sites - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-15.