Monumenti Storiċi ta' Makli

Il-Monumenti Storiċi ta' Makli (bl-Urdu: شہرِ خموشاں مکلی; bis-Sindhi: مڪلي قبرستان), magħrufa wkoll bħala n-Nekropoli ta' Makli, huma wieħed mill-ikbar siti funebri fid-dinja, mifrux fuq erja ta' 10 kilometri qrib il-belt ta' Thatta, fil-Provinċja ta' Sindh, il-Pakistan. Is-sit jospita bejn wieħed u ieħor 500,000 sa miljun qabar li nbnew matul perjodu ta' 400 sena.[1] In-Nekropoli ta' Makli fiha diversi monumenti funebri kbar ta' nies irjali, diversi qaddisin Iżlamiċi Sufisti, u studjużi importanti. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981 bħala "xhieda straordinarja" taċ-ċivilizzazzjoni ta' Sindhi bejn is-sekli 14 u 18 W.K.[2]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]In-Nekropoli ta' Makli tinsab fir-raħal ta' Makli, li jinsab f'promontorju madwar 6 kilometri mill-belt ta' Thatta, il-belt kapitali tan-naħa t'isfel ta' Sindh sas-seklu 17. In-nekropoli tinsab madwar 98 kilometru fil-Lvant ta' Karachi, qrib id-delta tax-xmara Indus fix-Xlokk ta' Sindh. L-iżjed punt fin-Nofsinhar tas-sit jinsab madwar 5 mili fit-Tramuntana tal-fdalijiet tal-Forti Medjevali ta' Kallankot.[3]

Isem is-sit u l-għoljiet fil-qrib jingħad li oriġina minn leġġenda li fiha pellegrin tal-Hajj waqaf fis-sit u esperjenza estażi spiritwali, tant li ddikjara li s-sit għalih kien il-Mekka. Il-qaddis Sufist Sheikh Hamad Jamali mbagħad jingħad li sejjaħ is-sit bħala "Makli" jew "Mekka Żgħira", wara li sema' l-ġrajja tal-pellegrin.[4]
Madankollu, l-evidenzi storiċi ma jikkonfermawx din il-leġġenda.[5] L-istoriku Ali Ahmad Brohi jissuġġerixxi li l-isem "Makli" oriġina mit-tempju tal-qedem ta' Mahakali (Maa Kali), u jsostni li t-teoriji l-oħra ma tantx huma konvinċenti.[6] Skont Brohi, il-Qabar ta' Jam Nizamuddin II fih ġebel li jixbaħ lil dak ta' tempju tal-qedem.[7]

Il-qaddis, il-poeta u l-istudjuż Sufist Shaikh Jamali stabbilixxa khanqah jew sit Sufist ta' ġabra, f'Makli u eventwalment indifen hemmhekk. Il-mexxej tad-dinastija Samma tas-seklu 14, Jam Tamachi, ivvenera l-qaddis u xtaq li jindifen qribu, u b'hekk beda t-tradizzjoni li s-sit ta' Makli jitqies bħala sit funebri.
Is-sit sar prominenti bħala sit funebri ewlieni matul it-tmexxija tad-dinastija Samma, li kienu stabbilew il-belt kapitali tagħhom qrib Thatta.
L-iżjed oqbra sinifikanti arkitettonikament fis-sit imorru lura għal żmien id-dinastija Mugal, bejn l-1570 u l-1640 W.K.
Konfigurazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]In-Nekropoli ta' Makli tkopri erja ta' 10 kilometri kwadri u tospita mill-inqas 500,000 qabar. Hija estiża minn Pir Patho fin-Nofsinhar tal-Għoljiet ta' Makli sat-Tramuntana b'għamla bejn wieħed u ieħor ta' djamant. In-naħa tat-tarf fil-Lvant hija ffurmata mill-fondoq tal-Għoljiet ta' Makli. L-ikbar monumenti The ġeneralment jinsabu fin-Nofsinhar tas-sit, għalkemm l-oqbra tad-dinastija Samma jinsabu fit-Tramuntana.[8]
Evoluzzjoni arkitettonika
[immodifika | immodifika s-sors]
L-arkitettura funebri tal-ikbar monumenti hija sinteżi ta' influwenzi Musulmani, Induisti, Persjani, Mugal u ta' Gujarat, bl-istil tan-Nofsinhar ta' Sindh li sar magħruf bħala l-istil Chaukhandi, b'referenza għall-Oqbra Chaukhandi qrib Karachi. L-istil Chaukhandi jinkorpora ċangaturi tal-ġebel ramli mnaqqxin b'mod mirqum min-naġġara b'disinni elaborati.[9]
L-iżjed oqbra bikrin fihom bejn tliet ċangaturi u sitt ċangaturi tal-ġebel ramli fuq xulxin b'għamla ta' piramida żgħira. Imbagħad l-arkitettura funebri evolviet u ġew inkorporati wkoll zokkli jew pedestalli.
Sas-seklu 15, bdew jiġu inkorporati rużuni dekorattivi u disinni ċirkolari fl-oqbra. Iktar disinni kumplessi u kalligrafija Għarbija b'tagħrif bijografiku tal-midfuna bdew ifeġġu. Monumenti ikbar li nbnew wara kienu jinkludu wkoll kurituri u xi disinni ispirati mill-kożmoloġija.
L-istrutturi piramidali mis-seklu 16 jinkludu l-użu ta' minareti b'motivi ta' fjuri bi stil uniku għal oqbra tad-dinastija Trakhan. L-istrutturi mis-seklu 17 fin-naħa ta' Leilo Sheikh taċ-ċimiterju jinkludu oqbra kbar li mill-bogħod jidhru qishom tempji Ġain, b'influwenza prominenti mir-reġjun ta' Gujarat fil-qrib.

Diversi mill-oqbra l-kbar fihom tinqix ta' annimali, ta' ġellieda u ta' armi – prattika mhux tas-soltu fil-monumenti funebri Musulmani. Oqbra iktar reċenti fis-sit xi kultant inbnew bil-brikks biss u b'ċangatura waħda biss tal-ġebel ramli.
L-ikbar strutturi fl-iżjed stil Chaukhandi ewlieni huma msaqqfa b'koppla tal-ġebel ramli isfar, imkaħħal b'ġibs abjad u komplut b'daħliet tal-injam, bi stil li jirrifletti l-influwenzi tal-Asja Ċentrali u tal-Persja. Id-daqs tal-koppla kienet tindika l-prominenza tal-midfun, bin-naħat t'isfel imżejna b'disinni ta' fjuri mnaqqxa. In-naħa t'isfel ta' xi soqfa tinkludi fjuri tal-lotus, simbolu li normalment huwa assoċjat mal-Induiżmu.
Xi oqbra fihom xogħol estensiv bil-madum ikħal tipiku ta' Sindh. L-użu ta' paviljuni funebri eventwalment infirex lil hinn min-Nofsinhar ta' Sindh, u influwenza l-arkitettura funebri ta' Gujarat fil-qrib.[10]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monumenti Storiċi ta' Makli, Thatta, ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Mawżolej irjali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-mawżolej irjali impressjonanti ta' Makli huma maqsuma f'żewġ raggruppamenti ewlenin: ir-raggruppament tad-dinastija Samma, u r-raggruppament tad-dinastiji Tarkhan, Arghun u Mugal. L-ewwel raggruppament jinkludi oqbra mill-perjodu tad-dinastija Samma, filwaqt li t-tieni wieħed jinkludi oqbra mill-perjodu tad-dinastiji Tarkhan, Arghun u Mugal.
Raggruppament tad-dinastija Samma
[immodifika | immodifika s-sors]L-oqbra li jmorru lura għal żmien id-dinastija Samma huma miġbura flimkien f'sezzjoni ta' 5 akri fin-naħa tat-Tramuntana tan-nekropoli. Id-dinastija Samma kienet rappreżentata minn prinċpijiet Rajput li ħatfu l-kontroll ta' Thatta fl-1335. L-oqbra tad-dinastija Samma huma influwenzati ferm mill-istili ta' Gujarat, u jinkorporaw elementi dekorattivi Musulmani u Induisti.
Il-Qabar tar-Re Jam Nizamuddin II, li tlesta fl-1510, huwa struttura kwadra impressjonanti ta' 11.4-il metru fuq kull naħa. Inbena bil-ġebel ramli u żżejjen b'medaljuni ġeometriċi u ta' fjuri. L-għamla kubojdali tal-qabar jaf ġiet ispirata mill-Ka'aba fil-Mekka. Il-koppla tiegħu qatt ma nbniet, u b'hekk in-naħa ta' ġewwa tal-monument baqa' espost għall-elementi. Il-qabar jinkludi gallarija jew jharoka kbira u mnaqqxa b'mod mirqum bi stil ta' Gujarat u quċċata żgħira fuqha, u b'hekk il-qabar jixbaħ daqsxejn l-istruttura ta' tempju. Fuq barra, il-qabar fih 14-il strixxa ta' motivi dekorattivi li jinkludu versi mill-Koran u simboli Induisti, għalkemm b'żamma mat-tradizzjoni Iżlamika, it-tiżjin kollu sar b'għamliet ġeometriċi, bl-eċċezzjoni biss ta' freġju li jinkludi papri lokali.
Il-Qabar tal-iben adottiv ta' Jam Nizamuddin, Darya Khan, jixbaħ l-istruttura ta' forti ta' Rajasthan, u dan inbena wara mewtu fl-1521. Darya Khan meta twieled kien skjav, iżda sar prominenti bħala ġeneral wara li għeleb battalja tad-dinastija Arghun f'battalja. Huwa ngħata t-titlu ta' "Eroj ta' Sindh", u eventwalment sar Madrul Muham jew Prim Ministru.
Raggruppament tad-dinastiji Arghun, Trakhan u Mughal
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Qabar ta' Isa Khan Tarkhan I, li rrenja mill-1554 sal-1565, jirrappreżenta bidla mill-arkitettura funebri tad-dinastija Samma. Il-qabar jinkludi stil funebri distint ġdid, u huwa stabbilit b'għamla rettangolari bil-ħitan ta' ġewwa miksijin bil-versi mill-Koran. Il-qabar jinkludi wkoll żona ddedikata għall-oqbra tal-ħames nisa rjali tiegħu.
Il-mawżolew ta' Isa Khan Hussain II Tarkhan (li miet fl-1651) jinkludi binja ta' żewġ sulari bil-koppli u bil-gallariji. Il-qabar jingħad li nbena matul il-ħajja ta' Isa. Malli tlesta, leġġenda ssostni li Isa ħareġ ordni biex idejn l-artiġjani jinqatgħu ħalli ma jkunux jistgħu jagħmlu monument ieħor li jħaqqaqha ma' tiegħu.
Il-Qabar ta' Jan Beg Tarkhan (li miet fl-1600) huwa struttura ottagonali tal-brikks, b'koppla miksija bil-madum ikħal u turkważ igglejżjat. Karatteristika arkitettonika oħra li hija tipika tal-arkitettura Indo-Iżlamika huma l-oqbra bil-paviljuni, magħrufa wkoll bħala chattri maqbara, kif ukoll l-oqbra inkorporati fi ħdan iwan.
Il-perjodu tad-dinastija Mogul huwa rrappreżentat b'bosta oqbra fin-Nofsinhar tan-nekropoli, fosthom il-Mawżolej ta' Mirza Jani u ta' Mirza Ghazi Baig, il-Mawżolew ta' Nawab Shurfa Khan, il-Qabar ta' Mirza Muhammad Baqi Tarkhan u l-Qabar ta' Mirza Jan Baba, kif ukoll il-qabar irrestawrat impressjonanti ta' Nawab Isa Khan Tarkhan iż-Żgħir.
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monumenti Storiċi ta' Makli tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[2] L-integrità strutturali tas-sit ġiet affettwata mill-akkumulu ta' depożiti, mill-iżvilupp fiż-żona ta' lqugħ, minn ġestjoni batuta tas-sit, mill-vandaliżmu u mir-rimi ta' skart solidu. L-għargħar tal-2010 fil-Pakistan komplew iġibu l-qagħda tas-sit għall-agħar.[11]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Archnet > Site > Makli Hill". www.archnet.org. Miġbur 2025-02-07.
- ^ a b ċ d UNESCO World Heritage Centre. "Historical Monuments at Makli, Thatta". whc.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-07.
- ^ Furnival, William James (1904). Leadless Decorative Tiles, Faience, and Mosaic: Comprising Notes and Excerpts on the History, Materials, Manufacture & Use of Ornamental Floor Tiles, Ceramic Mosaic, and Decorative Tiles and Faience : with Complete Series of Recipes for Tile-bodies, and for Leadless Glazes and Art-tile Enamels (bl-Ingliż). W.J. Furnival. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "In Pakistan, imposing tombs that few have seen". www.bbc.com (bl-Ingliż). 2014-08-08. Miġbur 2025-02-07.
- ^ "مکلی قبرستان: جام نظام کا 'سانس لیتا' مقبرہ، 'جہاں کیل لگانا ممنوع ہے وہاں پہاڑ توڑنے کا آلہ استعمال ہوا'" (bl-Urdu). Miġbur 2025-02-07.
- ^ Brohi, Ali Ahmad (1986). History On Tombstones: Sind And Baluchistan. Jamshuru: Sindhi Adabi Board. pp. 53–54.
- ^ Brohi, Ali Ahmad (1986). History On Tombstones: Sind And Baluchistan. Jamshuru: Sindhi Adabi Board. p. 53.
- ^ orientalarchitecture.com. "Makli Necropolis, Thatta, Pakistan". Asian Architecture (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-07.
- ^ Malik, Iftikhar (2006). Culture and Customs of Pakistan. Greenwood Publishing Group. ISBN 978-0313331268.
- ^ Hasan, Shaikh Khurshid (2001). The Islamic Architectural Heritage of Pakistan: Funerary Memorial Architecture. Royal Book Company. ISBN 978-9694072623.
- ^ Damage Assessment Mission to the Necropolis of Makli, Heritage Foundation, supported by the Prince Claus Fund for Culture and Development, Karachi (2011).