Monasteru ta' San Ilarjun

Il-Monasteru ta' San Ilarjun, fis-sit arkeoloġiku ta' Tell Umm el-'Amr, kien monasteru Kristjan tal-qedem. Il-fdalijiet skavati tiegħu jinsabu qrib Deir al-Balah fl-Istixxa ta' Gaża, il-Palestina.[1]
Storja u arkeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-monasteru ġie stabbilit għall-ħabta tat-340 W.K. minn Ilarjun, li twieled fir-reġjun ta' Gaża u x'aktarx li kien wieħed mill-missirijiet tal-monastiċiżmu Palestinjan. Ilarjun kien ikkonverta għall-Kristjaneżmu f'Lixandra u mbagħad, ispirat minn Sant'Antnin, sar eremita l-ewwel fl-Eġittu u mbagħad f'art twelidu. Imbagħad huwa stabbilixxa eremitaġġ qrib il-villaġġ ta' Tabatha u meta għalaq 63 sena, il-monasteru kien diġà kbir u kien jattira bosta viżitaturi.[2] Għalkemm dak iż-żmien kien jinsab f'deżert, kien realtà f'salib it-toroq bejn l-Eġittu, il-Palestina, is-Sirja u l-Mesopotamja, u huwa maħsub li kien ċentru tax-xogħol missjunarju fir-reġjun ta' Gaża.[3]
Il-fdalijiet tal-Monasteru ta' San Ilarjun huma ta' żminijiet differenti mifruxa fuq iktar minn erba' sekli, minn Żmien ir-Rumani Aħħari sal-perjodu tal-Umajjad, u huma kkaratterizzati minn ħames knejjes suċċessivi, kumplessi ta' banjijiet u ta' santwarju, mużajk ġeometriku, u kripta kbira. Peress li l-eremitaġġ x'aktarx li kien jikkonsisti minn ċelel żgħar tal-eremiti skont it-tradizzjoni ta' Sant'Antnin, mibnija bi brikks tat-tajn u b'materjal fqir, dan wassal biex il-fdalijiet tagħhom ma tantx ġew ippreservati. Is-sit ġie abbandunat wara terremot fis-seklu 7 u ġie skoperti mill-ġdid mill-arkeologi lokali fl-1999.[4] Il-pellegrin tas-seklu 14 Antnin ta' Cremona semma fir-rapport tal-ivvjaġġar tiegħu li kien hemm knisja msejħa ta' San Ilarjun f'Tabatha, iżda mhuwiex ċert jekk kienx qed jirreferi għal binja li kienet għadha teżisti jew jekk kien qed jirrakkonta mill-ġdid informazzjoni minn sors iktar bikri. Skont it-tradizzjoni lokali u l-osservazzjonijiet ta' vjaġġaturi mill-Punent fis-seklu 19, is-sala tat-talb tal-Monasteru ta' San Ilarjun attwalment hija okkupata mill-Moskea ta' al-Khidr. L-esploratur Franċiż Victor Guérin innota li żewġ kolonni tal-irħam fil-moskea x'aktarx li kienu partijiet mill-monasteru ta' żmien il-Biżantini.[5]
Qagħda attwali
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2015, dan kien l-uniku sit arkeoloġiku aċċessibbli għall-pubbliku f'Gaża, u b'hekk kien meqjus bħala teżor u wirt kulturali importanti. Skont il-Ministeru għat-Turiżmu f'Gaża, il-Monasteru ta' San Ilarjun fl-2016 kellu bżonn sew ta' preservazzjoni.[6] L-isforzi attwali ta' preservazzjoni huma mxekkla mill-gwerra u mill-kunflitt fir-reġjun, kif ukoll mill-iskarsezza ta' materjali u ta' tagħmir meħtieġa għall-iskavi. Is-sit ġie inkluż fil-lista tal-Monumenti Dinjin li Jeħtieġu Protezzjoni tal-2012 u ġie kklassifikat bħala li "Jeħtieġ li jiġi Salvat" min-Network tal-Wirt Globali.[7]
F'Diċembru 2023, l-UNESCO tat "protezzjoni msaħħa proviżorja" lill-monasteru.[8] F'Jannar 2024, Al Jazeera rrapportaw li l-monasteru kien wieħed mill-195 sit ta' wirt kulturali li ġarrbu ħsarat jew inqerdu minn mindu bdiet il-gwerra bejn Iżrael u Ħamas.[9] F'Lulju 2024, il-monasteru ġie inkluż fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu mill-UNESCO.[10] Dan l-elenkar ġie mgħaġġel permezz ta' proċeduri ta' emerġenza, u l-UNESCO esprimiet "tħassib serju dwar l-impatt tal-kunflitt attwali fuq il-wirt kulturali, b'mod partikolari fl-Istrixxa ta' Gaża" u stqarret li "l-organizzazzjoni tħeġġeġ lill-partijiet involuti kollha biex iħarsu d-dritt internazzjonali, filwaqt li tisħaq li s-sit kulturali ma għandux ikun fil-mira tal-militar jew jintuża għal skopijiet militari, peress li jitqies bħala infrastruttura ċivili".[11]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Monasteru ta' San Ilarjun f'Tell Umm Amer ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[12]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[12]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "New archaeological discovery in St. Hilarion Monastery - AL-Monitor: The Middle Eastʼs leading independent news source since 2012". www.al-monitor.com (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-22.
- ↑ Hirschfeld, Yizhar (2004). "The monasteries of Gaza: An archaeological review". In Brouria Bitton-Ashkelony; Aryeh Kofsky (eds.). Christian Gaza in Late Antiquity. Brill. pp. 67–69. ISBN 9789004138681.
- ↑ Isaac, Rami K.; Hall, C. Michael; Higgins-Desbiolles, Freya (14 December 2015). The Politics and Power of Tourism in Palestine. Routledge. p. 144. ISBN 978-1-317-58028-7.
- ↑ "Tell Umm El-'Amr (Saint Hilarion Monastery)". Tell Umm El-'Amr (Saint Hilarion Monastery) (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-22.
- ↑ Pringle, Denys (1993). The Churches of the Crusader Kingdom of Jerusalem: A Corpus: Volume 2, L-Z (excluding Tyre). Cambridge University Press. p. 373. ISBN 978-0-521-39037-8.
- ↑ "Middle East Monitor". Middle East Monitor. 2016-03-22. Miġbur 2025-02-22.
- ↑ "GHN Sites". web.archive.org. 2014-07-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-07-14. Miġbur 2025-02-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ↑ "Gaza: UNESCO grants enhanced provisional protection to Saint Hilarion monastery" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-22.
- ↑ Saber, Indlieb Farazi. "A 'cultural genocide': Which of Gaza's heritage sites have been destroyed?". Al Jazeera (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-22.
- ↑ "Elenkar fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-periklu". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-22.
- ↑ Aton, Francesca (2024-07-29). "UNESCO Adds Historic Monastery in Gaza to List of Endangered Sites" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-22.
- 1 2 "Saint Hilarion Monastery at Tell Umm Amer - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-22.