Monasteru ta' Neghuts
Il-Monasteru ta' Neghuts (bl-Armen: Նեղուցի վանք) huwa monasteru li ġie stabbilit fis-seklu 10 jew 11, u jinsab f'roqgħa max-xaqliba ta' għolja li tħares fuq wied u fuq il-villaġġ ta' Arzakan fil-Provinċja ta' Kotayk fl-Armenja. Il-monasteru jinsab madwar 2 kilometri (1.2 mil) fil-Majjistral taċ-ċentru tal-villaġġ. Fil-qrib hemm knejjes/monasteri oħra; l-iktar notevoli fosthom huma l-fdalijiet monastiċi tas-seklu 13 tal-Monasteru ta' Ghuki, il-fdalijiet tal-knisja ta' San Astvatsatsin (1207), u l-fdalijiet tas-seklu 13 ta' Surb Gevorg.[1]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-monasteru jikkonsisti mill-Knisja ta' Surb Astvatsatsin (l-Omm Imqaddsa ta' Alla) b'gavit (mawżolew kbir quddiem id-daħla) kbir. Fin-Nofsinhar biswit il-knisja u l-gavit hemm il-fdalijiet ta' depressjoni rettangolari ta' binja li xi darba kienet tikkonsisti minn żewġ kmamar. Hemm il-fdalijiet ta' daħla kbira u erba' kolonni li jaf servew bħala knisja żgħira b'gavit. Iktar 'il fuq fl-għolja, fil-Lvant tal-knisja prinċipali, hemm ċimiterju Medjevali b'kappella żgħira.
Il-Knisja ta' San Astvatsatsin fiha tliet ħitan li baqgħu sħaħ, filwaqt li l-ħajt tan-Nofsinhar u l-biċċa l-kbira tat-tanbur u tal-koppla ċedew. L-istruttura ma tantx fiha tiżjin meta mqabbla mal-gavit ta' biswitha. Għandha twieqi dojoq mal-ħajt tat-Tramuntana u artal, u x'aktarx li kellha tieqa oħra fil-ħajt tan-Nofsinhar. Portal jagħti għall-gavit tal-knisja mill-Punent, eżatt faċċata tal-artal.
Il-gavit jinsab mal-ħajt tal-Majjistral tal-knisja fix-xaqliba tal-għolja. Il-ħitan oriġinali kollha, is-saqaf u partijiet mill-koppla għadhom weqfin, filwaqt li minn barra ma tantx ġie ppreservat sew. L-aċċess għall-gavit huwa mid-daħla prinċipali mżejna b'mod elaborat fil-ħajt tan-Nofsinhar jew mill-ħajt oppost tat-Tramuntana, jew mill-Knisja ta' San Astvatsatsin. Erba' kolonni kbar ħafna jirfdu l-volta li tiflaħ il-piż tal-bejt fuqha. Il-volta tal-koppla tikkonsisti minn sitt ħnejjiet f'xulxin li jiffurmaw okulu fin-nofs biex ikun jista' jidħol id-dawl f'dan l-ispazju. Diversi kitbiet imnaqqxin tas-seklu 13 jistgħu jinstabu mal-ħitan, mal-kolonni, mal-kapitelli u mal-ħnejjiet. Mal-ħitan hemm ukoll xi bassoriljievi kbar imnaqqxin ta' khachkars (steli mnaqqxin bis-salib Armen).[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- Veduta tal-Monasteru ta' Neghutsi u ta' Arzakan fl-isfond.
- Veduta tal-monasteru.
- Veduta tal-monasteru mil-Lbiċ.
- Khachkar kbir qrib il-Knisja ta' San Astvatsatsin.
- Il-koppla tal-gavit.
- Veduta tal-kappella mil-Lbiċ.
- Id-daħla tal-kappella.