Monasteru ta' Hoge

Il-Monasteru ta' Hoge (bl-Armen: Հոգեվանք; trażlitterat bħala Hogevank jew Hokevank) jinsab qrib il-villaġġ ta' Sarnaghbyur (Սառնաղբյուր), fil-Provinċja ta' Shirak fl-Armenja.[1] Huwa magħruf ukoll bħala l-Monasteru ta' Karmir (bl-Armen: Կարմիրվանք, Karmirvank) jew bħala l-Monasteru ta' Dzoragyughi (bl-Armen: Ձորագյուղի վանք, Dzoragyughivank).
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Knisja ta' San Karapet (bl-Armen: Կարապետ), li tlestiet fl-1205, hija l-binja prinċipali fil-kumpless monastiku. Skont kitba mnaqqxa fin-naħa ta' fuq tad-daħla tat-Tramuntana, inizjalment il-knisja kienet magħrufa bħala l-Knisja ta' San Stiefnu (bl-Armen: Ստեփանոս).
Is-santwarju għandu żewġ daħliet: waħda fil-Punent u oħra fit-Tramuntana. Man-naħa tal-Lvant, hemm l-artal prinċipali semiċirkolari u sagristiji esposti fuq kull naħa f'angolu ta' 90 grad. Il-koppla tal-knisja għandha għamla ta' tanbur ċilindriku.[2] Minħabba terremot fl-1939 il-koppla nqerdet iżda mbagħad ġiet irrestawrata fl-1980. Oriġinarjament, il-knisja nbniet b'tufa ħamra llostrata. Madankollu, matul ir-restawr intużat ukoll tufa kannella u tufa sewda. Mal-ħitan ta' barra hemm xi kitbiet imnaqqxin.[3]
Fin-naħa ta' ġewwa tal-knisja hemm markaturi kommemorattivi b'erba' naħat, li ġew magħmula fis-sekli 4 u 6, kif ukoll bosta bċejjeċ imkissrin tal-khachkars (steli mnaqqxin bis-salib Armen) tas-seklu 13. Minħabba t-trapass taż-żmien, il-kitbiet imnaqqxin fuqhom ma għadhomx jinqraw.
Lejn it-Tramuntana tal-Knisja ta' San Karapet, hemm ukoll il-ħitan imġarrfin ta' kappella b'navata unika tas-seklu 5 u ta' santwarju tas-seklu 7 b'erba' apsidi.[4]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Knisja ta' San Karapet li nbniet fl-1205.
- Il-koppla tal-Knisja ta' San Karapet, li ġiet rikostruwita fl-1980.
- Il-koppla minn ġewwa.
- Pilastru fil-Knisja ta' San Karapet.
- Kitbiet imnaqqxin ma' ħajt ta' barra.
- Il-fdalijiet ta' santwarju tas-seklu 5 fil-Monasteru ta' Hoge.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Hasratyan, Murad (1980). "Հոգեվանք [Hogevank]". Հայկական սովետական համայնագիտարան [Soviet Armenian Encyclopedia]. Vol. 6. Yerevan: Armenian Encyclopedia. p. 504.
- ↑ Grigoryan, Vahagn (1976). "Վաղ միջնադարի հայկական քառախորան հուշարձանները [Four Apsed Armenian Monuments of Early Medieval Era]". ԼՀԳ [Լրաբեր հասարակական գիտութիւնների] (1).
- ↑ Yeghiazaryan, Hovsep (1975). Շիրակի լեռնահովտի պատմական հուշարձանները [Historical Monuments in the Shirak Canyon]. Yerevan.
- ↑ Grigoryan, Vahagn (1982). Հայաստանի վաղ միջնադարյան կենտրոնագմբեթ փոքր հուշարձանները [Diminutive Monuments of the Early Medieval Era of Armenia Featuring a Central Dome]. Yerevan.