Missjonijiet tal-Ġiżwiti ta' Chiquitos
Il-Missjonijiet tal-Ġiżwiti ta' Chiquitos jinsab fid-dipartiment ta' Santa Cruz fil-Lvant tal-Bolivja. Sitta minn dawn l-eks missjonijiet (li issa huma kollha muniċipalitajiet lajċi) kollettivament tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1] Huma distinti minn fużjoni unika ta' influwenzi kulturali Ewropej u Indjani Amerikani, u ġew stabbiliti bħala riduzzjonijiet jew reducciones de indios mill-Ġiżwiti fis-sekli 17 u 18 biex jikkonvertu t-tribujiet lokali għall-Kristjaneżmu.
Ir-reġjun intern li kien jikkonfina mat-territorji Spanjoli u Portugiżi fl-Amerka t'Isfel fil-biċċa l-kbira ma kienx esplorat lejn l-aħħar tas-seklu 17. Mibgħuta mill-Kuruna Spanjola, il-Ġiżwiti esploraw u stabbilew ħdax-il insedjament f'76 sena fiċ-Chiquitania remota – li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala Chiquitos – fil-fruntiera tal-Amerka Spanjola. Huma bnew il-knejjes (templos) bi stil uniku u distint li kien iżewweġ elementi tal-arkitettura nattiva ma' elementi tal-arkitettura Ewropea. L-abitanti indiġeni tal-missjonijiet kienu jiġu mgħallma l-mużika Ewropea bħala mezz ta' konverżjoni. Il-missjonijiet kienu awtosuffiċjenti, b'ekonomiji li stagħnaw, u virtwalment kienu awtonomi mill-Kuruna Spanjola.
Wara t-tkeċċija tal-ordni tal-Ġiżwiti mit-territorji Spanjoli fl-1767, il-biċċa l-kbira tar-riduzzjonijiet tal-Ġiżwiti fl-Amerka t'Isfel ġew abbandunati u spiċċaw fi stat ta' fdalijiet. L-eks missjonijiet tal-Ġiżwiti ta' Chiquitos huma uniċi minħabba li dawn l-insedjamenti u l-kultura assoċjata magħhom baqgħu prattikament intatti.
Proġett kbir ta' restawr tal-knejjes tal-missjonijiet beda bil-wasla tal-eks Ġiżwita u arkitett Żvizzeru Hans Roth fl-1972. Mill-1990, dawn l-eks missjonijiet tal-Ġiżwiti kisbu xi ftit popolarità u saru destinazzjoni turistika. L-organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt, Asociación Pro Arte y Cultura, ittella' festival mużikali internazzjonali biennali popolari, flimkien ma' attivitajiet kulturali oħra fi ħdan l-irħula tal-missjonijiet, u dawn jikkontribwixxu biex iżidu l-popolarità ta' dawn l-insedjamenti.
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sitt missjonijiet ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsabu fl-artijiet baxxi sħan u semiaridi tad-Dipartiment ta' Santa Cruz tal-Lvant tal-Bolivja. Jinsab f'żona qrib Gran Chaco, fil-Lvant u fil-Grigal ta' Santa Cruz de la Sierra, bejn ix-xmajjar Paragwaj u Guapay.
L-iżjed missjonijiet fil-Punent huma dawk ta' San Xavier (magħrufa wkoll bħala ta' San Javier) u ta' Concepción, li jinsabu fil-provinċja ta' Ñuflo de Chávez bejn ix-xmajjar San Julián u Urugayito. Il-missjonijiet ta' Santa Ana de Velasco, ta' San Miguel de Velasco, u ta' San Rafael de Velasco jinsab fil-Lvant, fil-provinċja ta' José Miguel de Velasco, qrib il-fruntiera mal-Brażil. Il-missjoni ta' San José de Chiquitos tinsab fil-provinċja ta' Chiquitos, madwar 200 kilometru (120 mil) fin-Nofsinhar ta' San Rafael.
Tliet eks missjonijiet oħra tal-Ġiżwiti – San Juan Bautista (li issa tinsab fi stat ta' fdalijiet), Santo Corazón u Santiago de Chiquitos – li ma jagħmlux parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO – jinsabu fil-Lvant ta' San José de Chiquitos mhux wisq 'il bogħod mir-raħal ta' Roboré. Il-belt kapitali tal-provinċja ta' José Miguel de Velasco, San Ignacio de Velasco ġiet stabbilita bħala missjoni tal-Ġiżwiti iżda wkoll mhijiex parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO peress li l-knisja attwali hija rikostruzzjoni mhux knisja rrestawrata.
L-isem “Chiquitos”
[immodifika | immodifika s-sors]Ñuflo de Chavés, konkwistatur Spanjol tas-seklu 16 u fundatur ta' Santa Cruz "la Vieja", daħħal l-isem ta' Chiquitos, jew iż-żgħar. Dan l-isem kien jirreferi għall-bibien żgħar tad-djar tal-ħuxlief li fihom kienet tgħix il-popolazzjoni indiġena. Minn dak iż-żmien 'l hawn, Chiquitos intużat ħażin kemm b'referenza għan-nies tal-ikbar grupp etniku fiż-żona (magħruf korrettament bħala Chiquitano), u kollettivament b'referenza għal iktar minn 40 grupp etniku b'lingwi u b'kulturi differenti li jgħixu fir-reġjun magħruf bħala [Gran] Chiquitania. Fil-fatt, "Chiquitos" suppost tirreferi biss għal dipartiment modern tal-Bolivja, jew għall-eks reġjun tal-Perù ta' Fuq (issa l-Bolivja) li fl-imgħoddi kien jinkludi ċ-Chiquitania kollha u partijiet minn Mojos (jew Moxos) u Gran Chaco.
Id-diviżjoni provinċjali attwali tad-dipartiment ta' Santa Cruz ma ssegwix il-kunċett tal-Ġiżwiti ta' żona tal-missjunarja. Iċ-Chiquitania issa tinsab fi ħdan ħames provinċji moderni: Ángel Sandoval, Germán Busch, José Miguel de Velasco, Ñuflo de Chávez u Chiquitos.
Fis-seklu 16, patrijiet minn ordnijiet reliġjużi differenti marru biex jevanġelizzaw l-Amerki, u wasslu l-Kristjaneżmu fost il-komunitajiet indiġeni. Tnejn minn dawn l-ordnijiet missjunarji kienu l-Franġiskani u l-Ġiżwiti, li t-tnejn li huma eventwalment waslu fir-raħal tal-fruntiera ta' Santa Cruz de la Sierra u mbagħad fiċ-Chiquitania. Il-missjunarji użaw l-istrateġija li jiġbru l-popolazzjonijiet indiġeni li spiss kienu nomadiċi f'komunitajiet ikbar imsejħa riduzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jikkonvertuhom għall-Kristjaneżmu b'mod iktar effettiv. Din il-politika nibtet mill-puntdivista legali kolonjali tal-"Indjan" bħala minuri, li kellu jiġi protett u ggwidat mill-missjunarji Ewropej sabiex ma jaqax fid-dnub. Ir-riduzzjonijiet, kemm jekk maħluqa minn awtoritajiet lajċi kif ukoll jekk maħluqa minn awtoritajiet reliġjużi, ġeneralment kienu meqjusa bħala strumenti biex in-nattivi jiġu obbligati jadottaw il-kultura u l-istili ta' ħajja tal-Ewropej kif ukoll ir-reliġjon Kristjana. Il-Ġiżwiti kienu l-uniċi li ppruvaw joħolqu "stat teokratiku fi ħdan stat ieħor", fejn il-popli nattivi fir-riduzzjonijiet, iggwidati mill-Ġiżwiti, kienu jibqgħu awtonomi u iżolati mill-kolonjalisti Spanjoli u mit-tmexxija Spanjola.
Wasla fit-territorju tal-Viċirè tal-Perù
[immodifika | immodifika s-sors]Bil-permess tar-Re Filippu II ta' Spanja, grupp ta' Ġiżwiti vvjaġġaw lejn it-territorju tal-Viċirè tal-Perù fl-1568, xi 30 sena wara l-wasla tal-Franġiskani, tad-Dumnikani, tal-Awgustinjani u tal-Mercedarjani. Il-Ġiżwiti stabbilew lilhom infushom f'Lima fl-1569 qabel ma marru fil-Lvant lejn il-Paragwaj; fl-1572 huma laħqu l-Udjenza ta' Charcas fil-Bolivja moderna. Minħabba li ma tħallewx jistabbilixxu insedjamenti fil-fruntiera, huma bnew swali kapitolari, knejjes u skejjel fl-insedjamenti li kienu jeżistu qabel, bħal La Paz, Potosí u La Plata (illum Sucre).
Fl-1587, l-ewwel Ġiżwiti, Fra Diego Samaniego u Fra Diego Martínez, waslu f'Santa Cruz de la Sierra, li tinsab eżatt fin-Nofsinhar ta' fejn imbagħad ġiet stabbilita l-missjoni ta' San José de Chiquitos. Fl-1592 l-insedjament kellu jiġi ttrasferit 250 kilometru (160 mil) fil-Punent minħabba kunflitti man-nattivi, għalkemm il-fdalijiet tar-raħal oriġinali jeżistu fis-sit arkeoloġiku ta' Santa Cruz la Vieja. Il-Ġiżwiti ma bdewx missjonijiet fil-widien fil-Grigal tal-cordillera qabel is-seklu 17. Iż-żewġ żoni ċentrali tal-attivitajiet tagħhom kienu Moxos, li tinsab fid-dipartiment ta' Beni, u Chiquitania (li mbagħad saret sempliċement Chiquitos) fid-dipartiment ta' Santa Cruz de la Sierra. Fl-1682, Fra Cipriano Barace stabbilixxa l-ewwel fost ir-riduzzjonijiet tal-Ġiżwiti f'Moxos, eżattament f'Loreto.
Il-Ġiżwiti fiċ-Chiquitania
[immodifika | immodifika s-sors]

Filwaqt li l-irħula tal-missjonijiet fil-Paragwaj tkattru, l-evanġelizzazzjoni tal-Guarani tal-Lvant tal-Bolivja (Chiriguanos) kienet tassew diffiċli. Bit-tħeġġeġ ta' Agustín Gutiérrez de Arce, il-gvernatur ta' Santa Cruz, il-Ġiżwiti ffukaw l-isforzi tagħhom fiċ-Chiquitania, fejn id-duttrina Kristjana ġiet aċċettata iktar faċilment. Bejn l-1691 u l-1760 ġew stabbiliti fl-inħawi ħdax-il missjoni; madankollu, in-nirien, l-għargħar, il-pesta, il-ġuħ u l-kunflitti mat-tribujiet ostili jew mal-kummerċjanti tal-iskjavi wasslu biex bosta missjonijiet jiġu stabbiliti jew jinbnew mill-ġdid. Il-missjonijiet ta' Chiquitos batew minħabba epidemiji perjodiċi ta' mard Ewropew li qatlu sa 11 fil-mija tal-popolazzjoni f'episodju uniku. Madankollu, l-epidemiji ma kinux daqshekk qerried daqs kemm kienu fost il-Guarani tal-Paragwaj lejn il-Lvant, l-iktar minħabba l-pożizzjonijiet remoti tagħhom u n-nuqqas ta' infrastruttura tat-trasport.
L-ewwel riduzzjoni tal-Ġiżwiti fiċ-Chiquitania kienet il-missjoni ta' San Francisco Xavier, li ġiet stabbilita fl-1691 mill-patri Ġiżwita Fra José de Arce. F'Settembru 1691, de Arce u l-patri Antonio de Rivas kien beħsiebhom jiltaqgħu ma' seba' Ġiżwiti oħra fix-xmara Paragwaj biex jistabbilixxu konnessjoni bejn il-Paragwaj u Chiquitos. Madankollu, il-bidu tal-istaġun tax-xita ġab miegħu l-maltemp, u Arce u sieħbu rnexxielhom jaslu biss sal-ewwel villaġġ tan-nattivi. It-tribù lokali Piñoca, li kienu qed ibatu minħabba l-pesta, talbu lil Arce u lil Rivas biex jibqgħu magħhom u wegħduhom li jibnu dar u knisja għall-Ġiżwiti, li tlestew sal-aħħar tas-sena. Iktar 'il quddiem il-missjoni ġiet imċaqilqa diversi drabi sal-1708 meta ġiet stabbilita fejn tinsab attwalment.
Għaxar missjonijiet oħra ġew stabbiliti fiċ-Chiquitania mill-Ġiżwiti f'tliet perjodi: is-snin 90 tas-seklu 17, is-snin 20 tas-seklu 18, u wara l-1748. Fis-snin 90 tas-seklu 17 ġew stabbiliti ħames missjonijiet: San Rafael de Velasco (1696), San José de Chiquitos (1698), Concepción (1699) u San Juan Bautista (1699). Il-missjoni ta' San Juan Bautista mhijiex parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u kulma fadal huma l-fdalijiet ta' torri tal-ġebel qrib il-villaġġ attwali ta' San Juan de Taperas.
Il-Gwerra tas-Suċċessjoni Spanjola (1701–1714) ikkawżat skarsezza ta' missjunarji u instabbiltà fir-riduzzjonijiet, għaldaqstant ma nbnewx missjonijiet ġodda matul dan il-perjodu. Sal-1718 San Rafael kienet l-ikbar missjoni f'Chiquitos, u b'2,615-il abitant ma setgħetx issostni popolazzjoni li kienet qed tikber. Fl-1721 il-Ġiżwiti Fra Felipe Suárez u Fra Francisco Hervás qasmu l-missjoni ta' San Rafael fi tnejn u b'hekk ħolqu l-missjoni ta' San Miguel de Velasco. Lejn in-Nofsinhar ġiet stabbilita l-missjoni ta' San Ignacio de Zamucos fl-1724 iżda ġiet abbandunata fl-1745; illum ma fadal xejn minn din il-missjoni.
It-tielet perjodu ta' missjonijiet beda fl-1748 bl-istabbiliment tal-missjoni ta' San Ignacio de Velasco, li ma tagħmilx parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-knisja hija rikostruzzjoni pjuttost fidila tas-seklu 20 – minflok rinnovazzjoni (kriterju ewlieni tal-missjonijiet inkużi fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO) – tat-tieni knisja tal-Ġiżwiti li nbniet fl-1761. Fl-1754 il-Ġiżwiti stabbilew il-missjoni ta' Santiago de Chiquitos. Din il-knisja hija rikostruzzjoni wkoll, u tmur lura għall-bidu tas-seklu 20 u anke din ma tagħmilx parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Fl-1755 ġiet stabbilita l-missjoni ta' Santa Ana de Velasco mill-Ġiżwita Julian Knogler; din hija l-iżjed missjoni awtentika mis-sitt missjonijiet tal-perjodu kolonjali li jagħmlu parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-aħħar missjoni fiċ-Chiquitania ġiet stabbilita mill-Ġiżwiti Fra Antonio Gaspar u Fra José Chueca bħala l-missjoni ta' Santo Corazón fl-1760. Il-poplu lokali Mbaya kien ostili għall-missjoni u ma fadal xejn mill-fdalijiet tal-insedjament oriġinali fil-villaġġ modern.
Il-Ġiżwiti fiċ-Chiquitania kellhom objettiv sekondarju, li kien li jiżguraw rotta iktar diretta lejn Asunción mit-triq li kienet tintuża dak iż-żmien minn Tucumán u Tarija biex tikkollega ċ-Chiquitania mal-missjonijiet tal-Ġiżwiti fil-Paragwaj. Il-missjunarji f'Chiquitos stabbilew l-insedjamenti tagħhom dejjem iktar lejn il-Lvant, qrib ix-xmara Paragwaj, filwaqt li dawk fin-Nofsinhar ta' Asunción resqu iktar qrib ix-xmara Paragwaj billi stabbilew il-missjonijiet tagħhom dejjem iktar lejn it-Tramuntana, u b'hekk evitaw ir-reġjun impenetrabbli ta' Chaco. Għalkemm Ñuflo de Chávez kien ipprova rotta minn ġo Chaco fi spedizzjoni saħansitra fl-1564, esplorazzjonijiet sussegwenti tal-Ġiżwiti minn Chiquitos (eż. fl-1690, fl-1702, fl-1703 u fl-1705) ma kellhomx suċċess. Il-Ġiżwiti ġew ostakolati mit-tribujiet ostili Payaguá u Mbayá (tribujiet li jitkellmu bil-Guaycuruan), u mill-artijiet bassasa impenetrabbli ta' Jarayes. Fl-1715, de Arce, il-kofundatur tal-ewwel missjoni ta' San Xavier, ivvjaġġa minn Asunción tul ix-xmara Paragwaj flimkien mal-patri Fjamming Fra Bartolomé Blende. Ġellieda Payaguá qatlu lil Blende matul il-vjaġġ, iżda de Arce rsista u rnexxielu jasal f'San Rafael de Velasco fiċ-Chiquitania. Matul il-vjaġġ tar-ritorn lejn Asunción hu wkoll inqatel fil-Paragwaj. Mhux qabel l-1767, meta l-missjonijiet kienu qorbu sew lejn ir-reġjun ostili u ftit qabel ma l-Ġiżwiti tkeċċew mid-Dinja l-Ġdida, Fra José Sánchez Labrador irnexxielu jivvjaġġa minn Belén fil-Paragwaj sa Santo Corazón, l-iżjed missjoni fil-Lvant ta' Chiquitos.
Tkeċċija u żvilupp reċenti
[immodifika | immodifika s-sors]
Fl-1750, bis-saħħa tat-Trattat ta' Madrid, seba' missjonijiet fl-istat attwali ta' Rio Grande do Sul fil-Brażil ġew ittrasferiti mingħand il-kontroll Spanjol għall-kontrol Portugiż. It-tribujiet Guaraní nattivi ma kinux kuntenti li l-artijiet tagħhom kienu se jgħaddu għand il-Portugall (l-għadu tagħhom għal iktar minn seklu) u rribellaw kontra d-deċiżjoni; dan wassal għall-Gwerra tal-Guarani. Fl-Ewropa, fejn il-Ġiżwiti kienu taħt attakk, ġew akkużati li appoġġaw ir-ribelljoni u ġew ipperċepiti bħala difensuri tal-popli nattivi. Fl-1758, il-Ġiżwiti ġew akkużati li għamlu konfoffa biex jinqatel ir-re tal-Portugall, magħrufa bħala l-konfoffa ta' Távora. Il-membri kollha tas-Soċjetà ta' Ġesù tkeċċew mit-territorji Portugiżi fl-1759, u mit-territorji Franċiżi fl-1764. Fl-1766, il-Ġiżwiti ġew akkużati li kkawżaw l-Irvelli ta' Esquilache f'Madrid; konsegwentement fi Frar 1767, Karlu III ta' Spanja ffirma digriet irjali b'ordnijiet ta' tkeċċija għall-membri kollha tas-Soċjetà ta' Ġesù mit-territorji Spanjoli.
Minn hemm 'il quddiem, l-amministrazzjoni spiritwali u dik lajka ġew isseparati b'mod strett. Fi żmien it-tkeċċija, 25 Ġiżwita kienu jaqdu popolazzjoni ta' mill-inqas 24,000 ruħ, fl-għaxar missjonijiet taċ-Chiquitania. Il-proprjetajiet tal-missjonijiet ta' Chiquitos kienu jinkludu 25 estancias (ranches) b'31,700 bhima tal-ifrat u 850 żiemel. Fil-libreriji fi ħdan l-insedjamenti kienu maħżuna 2,094 volum.
Sa Settembru 1767, il-Ġiżwiti kollha għajr erba' kienu telqu miċ-Chiquitania, u dawn telqu wkoll f'April ta' wara. L-Ispanjoli kkunsidraw li kien essenzjali li l-insedjamenti jinżammu bħala żona ta' lqugħ kontra l-espansjoni Portugiża. L-arċisqof ta' Santa Cruz de la Sierra, Francisco Ramón Herboso, stabbilixxa sistema ġdida ta' gvern, simili ħafna għal dik stabbilita mill-Ġiżwiti. Huwa stipula li kull missjoni kellha titmexxa minn żewġ patrijiet (lajċi) parrokkjali, wieħed biex jieħu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali u l-ieħor biex jieħu ħsieb l-affarijiet l-oħra kollha – politiċi u ekonomiċi – tal-amministrazzjoni tal-missjonijiet. Bidla waħda kienet li l-Indjani kienu jitħallew jagħmlu kummerċ. Fil-prattika, l-iskarsezza ta' membri tal-kleru u l-kwalità baxxa ta' dawk maħtura mill-isqof – li kważi kollha ma kinux jitkellmu bil-lingwa tal-popli lokali u f'xi każijiet lanqas kienu għamlu s-sagrament tal-ordni sagri – wasslu għal deklin ġenerali rapidu tal-missjonijiet. Il-patrijiet kisru wkoll il-kodiċijiet etiċi u reliġjużi, b'approprjazzjoni tal-parti l-kbira tal-introjtu tal-missjonijiet, u ħeġġew il-kummerċ b'kuntrabandu mal-Portugiżi.
Fi żmien sentejn mit-tkeċċija, il-popolazzjoni tal-missjonijiet ta' Chiquitos niżlet għal inqas minn 20,000 ruħ. Madankollu, minkejja d-deklin ġenerali tal-insedjamenti, il-binjiet tal-knejjes saritilhom manutenzjoni sew, u f'xi każijiet tkabbru mill-abitanti tal-irħula. Il-kostruzzjoni tal-Knisja ta' Santa Ana de Velasco saret f'dan il-perjodu. Bernd Fischermann, antropologu li studja ċ-Chiquitano, jissuġġerixxi tliet raġunijiet li ċ-Chiquitano ppreservaw il-wirt tal-Ġiżwiti anke wara li tkeċċew: il-memorja tal-prosperità tagħhom mal-Ġiżwiti; ix-xewqa li jidhru bħala Kristjani ċivilizzati mal-mestizos u man-nies ta' karnaġjon bajda; u biex jippreservaw l-etniċità li oriġinat minn taħlita ta' diversi gruppi kulturalment distinti fużi permezz ta' lingwa komuni infurzata u d-drawwiet li ġew mgħallma mill-Ġiżwiti.

F'Jannar 1790, l-Udjenza ta' Charcas temmet il-ġestjoni ħażina tad-djoċesi, u l-affarijiet temporali ġew iddelegati lill-amministraturi ċivili, bit-tama li l-missjonijiet ikollhom iktar suċċess ekonomiku. 60 sena wara t-tkeċċija tal-Ġiżwiti, il-knejjes baqgħu ċentri attivi ta' qima, bħalma rrapporta n-naturalist Franċiż Alcide d'Orbigny matul il-missjoni tiegħu lejn l-Amerka t'Isfel fl-1830 u fl-1831. Għalkemm battiet sew ekonomikament u politikament, il-kultura stabbilita mill-Ġiżwiti kienet għadha evidenti. Skont d'Orbigny, il-mużika ta' quddiesa tal-Ħadd f'San Xavier kienet aħjar minn dik li kien sema' fl-iżjed bliet għonja tal-Bolivja. Il-popolazzjoni tal-missjonijiet taċ-Chiquitania niżlet għal rekord ta' madwar 15,000 abitant fl-1830. Fl-1842, il-Konti de Castelnau żar l-inħawi, u meta rrefera għall-Knisja ta' Santa Ana de Velasco, stqarr: "Din il-binja mill-isbaħ, imdawra bil-ġonna, hija waħda mill-iżjed veduti impressjonanti li wieħed qatt jista' jimmaġina".
Madankollu, sal-1851 is-sistema tar-riduzzjonijiet tal-missjonijiet kienet għebet. Il-mestizos li marru joqogħdu fl-inħawi biex jaħtfu l-artijiet bdew jisbqu l-popolazzjoni indiġena oriġinali. Permezz l-ewwel nett tal-ħolqien tal-Provinċja ta' José Miguel de Velasco fl-1880, iċ-Chiquitania nqasmet f'ħames diviżjonijiet amministrattivi. Bis-snin tad-deheb għal-lastiku fil-bidu tas-seklu 20, iktar nies ġew jinsedjaw l-inħawi u stabbilew haciendas kbar, u b'hekk l-attivitajiet ekonomiċi flimkien mal-popli nattivi telqu mill-irħula.
Fl-1931, l-amministrazzjoni spiritwali tal-missjonijiet ingħatat lill-missjunarji Franġiskani li kienu jitkellmu bil-Ġermaniż. Il-kontroll ekkleżjastiku reġa' għadda f'idejn l-inħawi bil-ħolqien tal-Vikarjat Appostoliku ta' Chiquitos f'San Ignacio f'dik is-sena. Il-knejjes mhux biss kienu jaqdu lill-abitanti mestizo tal-villaġġi iżda kienu jintużaw ukoll bħala ċentri spiritwali għall-ftit nies indiġeni li kien għad fadal u li kienu jgħixu fil-periferija.
Fl-1972, l-arkitett Żvizzeru li mbagħad sar patri Ġiżwita, Hans Roth, beda proġett estensiv ta' restawr tal-knejjes missjunarji u ta' bosta binjiet kolonjali li kienu fi stat ta' fdalijiet. Dawn il-knejjes għadhom jeżistu fil-forma attwali tagħhom bis-saħħa tal-isforz ta' Roth, li ħadem fuq ir-restawr flimkien ma' ftit kollegi u bosta nies lokali sa mewtu fl-1999. Ix-xogħlijiet ta' restawr komplew b'mod sporadiku sal-bidu tas-seklu 21 taħt tmexxija lokali.
Sitta mir-riduzzjonijiet tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990. Il-knejjes ta' San Ignacio de Velasco, Santiago de Chiquitos u Santo Corazón ġew rikostruwiti minn fuq s'isfel u mhumiex parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. F'San Juan Bautista fadal biss xi fdalijiet. L-UNESCO elenkat is-sit peress li rrikonoxxiet l-adattament tal-arkitettura reliġjuża Kristjana għall-ambjent lokali u l-arkitettura unika espressa fil-kolonni u fil-balavostri tal-injam. Dan l-aħħar l-ICOMOS, il-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u tas-Siti, wissa li l-kumpless arkitettoniku tradizzjonali li jifforma s-sit sar vulnerabbli wara xi riformi agrarji mill-1953 li heddew l-infrastruttura soċjoekonomika fraġli tar-reġjun. Fi żmien in-nominazzjoni tas-sit, is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ġie protett mill-kumitat Pro Santa Cruz, Cordecruz, Plan Regulador de Santa Cruz, u l-uffiċċji tas-sindki lokali tal-irħula tal-missjonijiet.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Missjonijiet tal-Ġiżwiti ta' Chiquitos ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]San Xavier
[immodifika | immodifika s-sors]- 16.2748°S 62.5072°W
Inizjalment stabbilita fl-1691, il-missjoni ta' San Xavier kienet l-ewwel missjoni minn dawk elenkati fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Fl-1696, minħabba l-inkursjoni tal-Paulistas mill-Brażil fil-Lvant, il-missjoni ġiet rilokata lejn ix-xmara San Miguel. Fl-1698, ġiet rilokata eqreb lejn Santa Cruz, iżda fl-1708 ġiet imċaqilqa lil hinn biex l-Indjani jiġu protetti mill-Ispanjoli. L-abitanti oriġinali ta' San Xavier kienu t-tribù Piñoca. Il-knisja nbniet bejn l-1749 u l-1752 mill-arkitett u l-Ġiżwita Żvizzeru Fra Martin Schmid. L-iskola u l-knisja, kif ukoll karatteristiċi oħra tal-arkitettura residenzjali, għadhom viżibbli sal-lum fil-villaġġ. Il-missjoni ta' San Xavier ġiet irrestawrata minn Hans Roth bejn l-1987 u l-1993.
San Rafael de Velasco
[immodifika | immodifika s-sors]- 16.7869°S 60.6738°W
Il-missjoni ta' San Rafael de Velasco kienet it-tieni missjoni li nbniet mis-sitta li tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-missjoni ġiet stabbilita fl-1695 mill-Ġiżwiti Fra Juan Bautista Zea u Fra Francisco Hervás, u ġiet imċaqilqa kemm-il darba. Il-missjoni kellha tiġi mċaqilqa fl-1701 u fl-1705 minħabba t-tifqigħat ta' epidemiji fir-reġjun. Fl-1719 il-missjoni reġgħet ġiet imċaqilqa għal darb'oħra minħabba n-nirien. Fra Martin Schmid bena l-knisja bejn l-1747 u l-1749, u din għadha teżisti. Il-missjoni ta' San Rafael de Velasco ġiet irrestawrata bejn l-1972 u l-1996 bħala parti mill-proġett ta' restawr ta' Hans Roth.
San José de Chiquitos
[immodifika | immodifika s-sors]- 17.8456°S 60.7405°W
Stabbilita fl-1698 mill-Ġiżwiti Fra Felipe Suárez u Fra Dionosio Ávila, il-missjoni ta' San José de Chiquitos kienet it-tielet missjoni li nbniet minn dawk tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Għall-ewwel, il-missjoni kienet abitata mit-tribù Piñoca. Il-knisja nbniet bejn l-1745 u l-1760 minn arkitett mhux magħruf. Inbniet bil-ġebel, għad-differenza tal-knejjes tal-missjonijiet l-oħra fl-inħawi li nbnew bil-ħuxlief, bit-tajn u bl-injam lokali. Il-missjoni hija waħda minn erbgħa li għad fadal fil-pożizzjoni oriġinali tagħhom. Kappella mortwarja (1740), il-knisja (1747), kampnar (1748), dar għall-patrijiet (colegio) u workshops (it-tnejn li huma tal-1754) għadhom jeżistu, u ġew rinnovati mill-proġett ta' restawr ta' Hans Roth bejn l-1988 u l-2003. L-isforzi ta' restawr għadhom isiru sal-lum.

Concepción
[immodifika | immodifika s-sors]- 16.1344°S 62.024696°W
Ir-raba' missjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, il-missjoni ta' Concepción, inizjalment ġiet stabbilita fl-1699 mill-patrijiet Ġiżwiti Fra Francisco Lucas Caballero u Fra Francisco Hervás. Missjoni fil-qrib, San Ignacio de Boococas, ġiet inkorporata fl-1708. Il-missjoni ġiet imċaqilqa tliet darbiet: fl-1707, fl-1708 u fl-1722. Il-missjoni kienet abitata miċ-Chiquitanos, l-ikbar tribù fir-reġjun. Il-knisja tal-missjoni nbniet bejn l-1752 u l-1756 minn Fra Martin Schmid u Fra Johann Messner. Mill-1975 sal-1996, il-missjoni ġiet rikostruwita bħala parti mill-proġett ta' restawr ta' Hans Roth.
San Miguel de Velasco
[immodifika | immodifika s-sors]- 16.6986°S 60.9681°W
Il-ħames missjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, dik ta' San Miguel de Velasco, ġiet stabbilita mill-Ġiżwiti Fra Felipe Suarez u Fra Francisco Hervás fl-1721. Il-missjoni ta' San Miguel nibtet mill-missjoni ta' San Rafael de Velasco, fejn il-popolazzjoni kienet kibret wisq. Il-knisja tal-missjoni nbniet bejn l-1752 u l-1759, x'aktarx minn Fra Johann Messner, kollaboratur jew student ta' Fra Martin Schmid. Il-knisja ġiet irrestawrata minn Hans Roth bejn l-1979 u l-1983.
Santa Ana de Velasco
[immodifika | immodifika s-sors]- 16.5841°S 60.6888°W
Il-missjoni ta' Santa Ana de Velasco kienet l-aħħar fost dawk tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li ġiet stabbilita. Ġiet stabbilita mill-patri Ġiżwita Fra Julian Knogler fl-1755. L-abitanti nattivi oriġinali tal-missjoni kienu t-tribujiet Covareca u Curuminaca, li kienu jitkellmu djaletti tal-lingwa Otuke. Il-knisja tal-missjoni ġiet iddisinjata wara t-tkeċċija tal-Ġiżwiti bejn l-1770 u l-1780 minn arkitett mhux magħruf u nbniet għalkollox mill-popolazzjoni indiġena. Il-kumpless, li jikkonsisti mill-knisja, mill-kampnar, mis-sagristija u minn pjazza bil-ħaxix imdawra bid-djar, jitqies li huwa l-iktar wieħed fidil għall-pjanta oriġinali tar-riduzzjonijiet tal-Ġiżwiti. Mill-1989 sal-2001, il-missjoni saritilha restawr parzjali permezz tal-isforzi ta' Hans Roth u tat-tim tiegħu.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]
Fid-disinn tagħhom tar-riduzzjonijiet, il-Ġiżwiti ġew ispirati mill-"bliet ideali" kif deskritti fix-xogħlijiet bħal Utopia u Arcadia, miktuba rispettivament mill-filosfi Ingliżi tas-seklu 16 Thomas More u Philip Sidney. Il-Ġiżwiti kellhom kriterji speċifiċi għall-bini tas-siti: postijiet b'ħafna injam għall-kostruzzjoni; biżżejjed ilma għall-popolazzjoni; ħamrija tajba għall-agrikoltura; u sikurezza mill-għargħar matul l-istaġun tax-xita. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-missjonijiet fiċ-Chiquitania ġew rilokati mill-inqas darba fi żmien il-Ġiżwiti, erba' minn għaxar irħula baqgħu fis-siti oriġinali tagħhom. L-injam, it-tajn u l-ħuxlief kienu l-materjali prinċipali li kienu jintużaw għall-kostruzzjoni tal-insedjamenti.
Konfigurazzjoni tal-missjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
L-arkitettura u l-konfigurazzjoni interna ta' dawn il-missjonijiet kienu jsegwu skema li ġiet ripetuta iktar 'il quddiem b'xi varjazzjonijiet fil-bqija tar-riduzzjonijiet missjunarji. F'Chiquitos, l-eqdem missjoni ta' San Xavier, iffurmat il-bażi għall-istil organizzattiv, li kien jikkonsisti minn struttura modulari, iċ-ċentru ffurmat minn pjazza rettangolari wiesgħa, bil-kumpless tal-knisja fuq naħa u d-djar tal-abitanti fuq it-tliet naħat l-oħra. L-organizzazzjoni ċċentralizzata tal-Ġiżwiti kienet tiddetta ċerta uniformità tal-kejliet u tad-daqsijiet. Minkejja li kienu bbażati fuq l-istess mudell bażiku, l-irħula ta' Chiquitos xorta waħda għandhom varjazzjonijiet notevoli. Pereżempju, l-orjentazzjoni tal-insedjamenti lejn il-punti kardinali kienet tvarja u kienet tiġi ddeterminata minn ċirkostanzi individwali.
Pjazza
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjazza kienet żona kważi kwadra b'daqs li jvarja bejn 124 metru b'148 metru (407 piedi b'486 pied) fl-eqdem irħula ta' San Xavier u ta' San Rafael de Velasco u 166 metru b'198 metru (545 pied b'650 pied) f'San Ignacio de Velasco. Peress li kienu jintużaw għal skopijiet reliġjużi u ċivili, dawn kienu spazji fil-beraħ ħielsa minn kull veġetazzjoni għajr xi ftit siġar tal-palm madwar salib fiċ-ċentru tal-pjazza. Is-siġar tal-palm dejjem ħodor kienu simbolu tal-imħabba eterna, b'referenza apposta għas-Salm 92:12. Erba' kappelli jħarsu lejn is-salib ċentrali kienu jinsabu fl-irkejjen tal-pjazza u kienu jintużaw fil-purċissjonijiet. Kważi ma għadx fadal fdalijiet tal-kappelli fis-siti tal-missjonijiet, peress li sussegwentement il-pjazez ġew iddisinjati mill-ġdid biex jirriflettu l-istil ta' ħajja repubblikana u tal-mestizos prevalenti wara l-perjodu tal-Ġiżwiti. Il-biċċa l-kbira dan l-aħħar tkabbru wkoll. Tħawwlu siġar u arbuxxelli, u f'xi każijiet tpoġġew xi monumenti. Mill-għaxar missjonijiet oriġinali, il-pjazza f'Santa Ana de Velasco biss ma saritilhiex l-ebda bidla ewlenija, u għadha bid-dehra oriġinali tal-perjodu kolonjali, ta' spazju fil-beraħ bil-ħaxix.
Djar
[immodifika | immodifika s-sors]
Id-djar tan-nattivi kellhom konfigurazzjoni ġejja għat-tul, u kienu rranġati f'linji paralleli estiżi mill-pjazza prinċipali fi tliet naħat. Dawk li kienu faċċata tal-pjazza oriġinarjament kienu okkupati mill-kapijiet tat-tribujiet indiġeni, u spiss kienu ikbar. L-arkitettura ta' dawn id-djar kienet sempliċi u kienet tikkonsisti minn kmamar kbar (6 metri b'4 metri), ħitan ħoxnin sa 60 ċentimetru (2 piedi), u b'saqaf magħmul mill-qasab (caña) u mill-injam (cuchi) sa għoli ta' 5 metri (16-il pied) fiċ-ċentru. Bibien doppji u galleriji miftuħa kienu jipprovdu protezzjoni mill-elementi. Dawn tal-aħħar kellhom funzjoni soċjali bħala postijiet fejn in-nies kienu jiltaqgħu, li għadha funzjoni li għadha teżisti sal-lum.
Matul l-aħħar 150 sena, din il-konfigurazzjoni ġiet sostitwita mill-arkitettura kolonjali Spanjola tas-soltu bi blokok kwadri kbar bi btieħi interni. Fdalijiet tad-disinn inizjali għadhom viżibbli f'San Miguel de Velasco, f'San Rafael de Velasco u f'Santa Ana de Velasco, li kienu postijiet li ma tantx kienu esposti għall-modernizzazzjoni daqs l-insedjamenti l-oħra.
Kumpless tal-knisja
[immodifika | immodifika s-sors]Mar-raba' naħa tal-pjazza hemm iċ-ċentri reliġjużi, kulturali u kummerċjali tal-irħula. Minbarra l-knisja, li kienet tiddomina l-kumpless, kien ikun hemm kappella mortwarja, torri u colegio jew "kulleġġ/skola", ikkollegati permezz ta' ħajt tul in-naħa tal-pjazza. Wara l-ħajt u lil hinn mill-pjazza kien ikun hemm bitħa bil-kwartieri residenzjali għall-patrijiet jew għall-viżitaturi, kmamar għall-affarijiet tal-kunsill lokali tal-irħula, għall-mużika u għall-ħżin, kif ukoll workshops, li sikwit kienu jkunu mdawra madwar it-tieni bitħa. Wara l-binjiet normalment kien ikun hemm ġnien ikkultivat bil-ħxejjex imdawwar b'ħajt u ċimiterju. Iċ-ċimiterji u l-workshops għebu għalkollox mill-insedjamenti bil-missjonijiet, filwaqt li elementi oħra tal-kumpless tal-knisja għadhom jeżistu sa ċertu punt. Żewġ torrijiet tal-ġebel (f'San Juan Bautista u f'San José de Chiquitos) u wieħed tal-ħuxlief u tat-tajn (f'San Miguel de Velasco) imorru lura għal żmien il-Ġiżwiti. Oħrajn inbnew iktar reċentement jew huma frott ix-xogħol ta' konservazzjoni u ta' restawr immexxi minn Roth lejn l-aħħar tas-seklu 20. Bosta minnhom huma kostruzzjonijiet għoljin tal-injam miftuħin fuq kull naħa. Mill-iskejjel tal-Ġiżwiti ġew ippreservati għalkollox dawk f'San Xavier u f'Concepción biss. Bħad-djar tar-residenti indiġeni, il-binjiet tal-kumpless tal-knisja kienu jkun ta' sular wieħed.
Knisja
[immodifika | immodifika s-sors]
Ladarba kien jiġi stabbilit insedjament, il-missjunarji kienu jaħdmu flimkien mal-popolazzjoni nattiva u kienu jibdew jibnu l-knisja, li kienet isservi bħala ċentru edukattiv, kulturali u ekonomiku tar-raħal. Il-knisja inizjali f'kull missjoni (għajr f'Santa Ana de Velasco) kienet tkun temporanja, essenzjalment xejn iktar minn kappella u kienet tinbena malajr kemm jista' jkun bl-injam lokali, mingħajr tiżjin għajr għal artal sempliċi. Inġenerali, il-kapulavuri tal-Ġiżwiti li naraw illum inbnew diversi deċennji wara l-istabbiliment tal-insedjamenti. Fra Martin Schmid, patri u kompożitur Żvizzeru, kien l-arkitett ta' mill-inqas tlieta minn dawn il-knejjes missjunarji: San Xavier, San Rafael de Velasco u Concepción. Schmid żewweġ elementi tal-arkitettura Kristjana mad-disinn tradizzjonali lokali biex joħloq stil Barokk-Mestizo uniku. Schmid żied kwotazzjoni mill-Ġenesi 28:17 fuq id-daħla prinċipali ta' kull waħda mit-tliet knejjes. F'San Xavier il-kwotazzjoni hija bl-Ispanjol: CASA DE DIOS Y PUERTA DEL CIELO; fiż-żewġ knejjes l-oħra l-kwotazzjoni hija bil-Latin: DOMUS DEI ET PORTA COELI, jiġifieri "Id-Dar t'Alla u l-bieb għall-ġenna".
Il-kostruzzjoni tal-knejjes irrestawrati li naraw illum tmur lura għall-perjodu bejn l-1745 u l-1770 u hija kkaratterizzata mill-użu ta' materjali naturali li kienu disponibbli lokalment bħall-injam, li kien jintuża fil-kolonni mnaqqxin, fil-pulpti u fil-kxaxen. Ġie miżjud tiżjin artistiku saħansitra wara t-tkeċċija tal-Ġiżwiti fl-1767 sal-ħabta tal-1830. Uħud mill-artali nksew bid-deheb. Sikwit il-ħitan tal-knejjes tal-missjonijiet kienu jkunu magħmula mill-ħuxlief u mit-tajn, l-istess materjal li kien jintuża għad-djar tan-nattivi. F'San Rafael de Velasco u f'San Miguel de Velasco, kien jintuża wkoll il-mica mal-ħitan, biex b'hekk donnhom ileqqu u jkanġu. Il-kostruzzjoni tal-knisja f'San José de Chiquitos hija l-eċċezzjoni: ispirata minn mudell Barokk mhux magħruf, kellha faċċata tal-ġebel. L-unika eżempju ieħor fejn intuża l-ġebel fuq skala kbira hija l-kostruzzjoni ta' San Juan Bautista, għalkemm fadal biss il-fdalijiet ta' torri.
Il-knejjes kollha jikkonsistu minn oqfsa tal-injam bil-kolonni mwaħħlin fl-art, biex b'hekk jipprovdu stabbiltà lill-binjiet u jirfdu s-saqaf miksi bil-madum. Il-ħitan tal-ħuxlief u tat-tajn kienu jinbnew direttament mal-art, virtwalment indipendenti mill-kostruzzjoni tal-injam, u ma kellhomx funzjoni ta' riffieda. Portiċi u zuntier kbir imsaqqaf kienu jipprovdu rpar mix-xita tropikali qawwija. L-art kienet tkun miksija bil-madum, li bħal dak tas-saqaf, kien jiġi prodott lokalment. Il-knejjes għandhom dehra qisha ta' matmura, iżda ta' daqs monumentali (wisa': 16–20 metru (52–66 pied), tul: 50–60 metru (160–200 pied), għoli: 10–14-il metru (33–46 pied)), u kienu jesgħu sa iktar minn 3,000 ruħ, bi struttura wiesgħa u bi truf tal-bejt baxxi u distintivi. Dan l-istil huwa evidenti wkoll fil-metodu ta' kostruzzjoni tad-djar tan-nattivi.
Il-kostruzzjoni tal-knejjes kienet teħtieġ sforz kbir mill-komunità u kienet tinvolvi lil mijiet ta' mastrudaxxi indiġeni. Fra José Cardiet iddeskriva l-proċess:
Dawn il-binjiet kollha nbnew b'mod differenti minn kif kienu jinbnew il-binjiet fl-Ewropa: peress li jinbena l-ewwel is-saqaf u wara l-ħitan. L-ewwel jitwaħħlu zkuk kbar tas-siġar fil-ħamrija u jinħadmu bil-lexxuna. Fuqhom kienu jitpoġġew ix-xorok u x-xambrelli; u fuqhom injam ieħor li kien jissakkar ġo xulxin permezz ta' ġonot, u wara jitpoġġew il-folji tal-landa għas-saqaf u għall-bejt; imbagħad kienu jiġu stabbiliti l-pedamenti tal-ġebel, u madwar żewġ jew tliet filati 'l fuq mill-wiċċ tal-ħamrija, kienu jinbnew il-ħitan tal-ħuxlief u tat-tajn. Iz-zkuk jew il-pilastri tal-injam, li kienu jissejħu horcones, kienu jibqgħu fil-parti ċentri tal-ħitan, u b'hekk kienu jerfgħu l-piż kollu tas-saqaf mingħajr l-ebda piż fuq il-ħitan. Fin-navati ċentrali u fejn kien jinbena l-ħajt, kienu jitħaffru toqob fondi 9 piedi, u b'makkinarju arkitettoniku kienu jiddaħħlu l-horcones imnaqqxa bħala kolonni. 3 metri (9 piedi) minnhom kienu jibqgħu ġol-ħamrija u ma kinux ikunu mnaqqxa, biex b'hekk parti mill-għeruq tas-siġar kienu jitħallew hemmhekk ħalli jkunu iktar b'saħħithom, u dawn il-partijiet kienu jinħarqu biex jirreżistu l-umdità.
Il-ħitan kienu jiġu mżejna b'gwarniċi, b'forom, b'pilastri u xi kultant b'arkati li ma jinfdux. L-ewwel il-ħitan kienu jingħataw kisja ġibs, ramel, ħuxlief u tajn, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra. Fuq il-ġir imkaħħal mal-ħitan kienu jingħataw passati bi sfumaturi lewn il-ħamrija, u bħala tiżjin kienu jiżdiedu elementi tal-flora u tal-fawna, kif ukoll anġli, qaddisin u motivi ġeometriċi. Kif imsemmi hawn fuq, f'xi każijiet kienet tintuża l-mica għat-tiżjin tal-ħitan, tal-kolonni u tax-xogħlijiet tal-injam. Karatteristika prinċipali tal-knejjes kienu t-twieqi ovali kbar tat-tip oeil-de-boeuf, imdawrin b'riljievi ta' petali, fuq il-bibien prinċipali.

Il-knejjes kien ikollhom tliet korsiji, maqsumin b'kolonni tal-injam, imnaqqxin b'tali mod li jidhru qishom mibrumin bħal dawk tal-baldakkin ta' San Pietru fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan. Saż-żminijiet moderni, ma kienx hemm bankijiet fil-knejjes; b'hekk il-kongregazzjoni kienet toqgħod għarkopptejha jew bilqiegħda mal-art. Varjetà ta' opri tal-arti fini jżejnu l-knejjes minn ġewwa, b'mod partikolari l-artali tagħhom, li xi kultant kienu jkunu miksijin bid-deheb, bil-fidda jew bil-mica. Il-pulpti huma tassew notevoli, tal-injam miżbugħ b'kuluri jgħajtu u mirfudin b'sireni mnaqqxin. Il-pulptu fil-knisja ta' San Miguel de Velasco fih motivi li oriġinaw mill-veġetazzjoni lokali. Jeżistu wkoll elementi speċifiċi tal-missjonijiet ta' Chiquitos f'tiżjin ieħor. L-artali tal-knejjes ta' San Xavier u ta' Concepción jinkludu pitturi ta' Ġiżwiti notevoli flimkien man-nies indiġeni. Għad fadal xi ftit skulturi oriġinali fir-retablos li spiss juru lill-Madonna, il-kurċifissjoni u l-qaddisin, imnaqqxin fl-injam u mbagħad impittrin. Dawn l-iskulturi joħorġu fid-dieher stil uniku għar-reġjun ta' Chiquitos, li jvarja minn dak tar-riduzzjonijiet fil-Paragwaj jew fl-artijiet għoljin tal-Bolivja. It-tradizzjoni tat-tinqix tal-figuri ġiet ippreservata sal-lum fil-workshops fejn għadhom jitnaqqxu l-kolonni, il-pinnakli u t-twieqi għall-knejjes jew għall-kappelli ġodda jew irrestawrati fl-inħawi. Barra minn hekk, għadhom jitnaqqxu anġli dekorattivi u figuri oħra għas-suq tat-turisti.
Restawr
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-knejjes missjunarji huma l-kapulavuri arkitettoniċi reali tal-inħawi. Hans Roth beda proġett importanti ta' restawr f'dawn il-knejjes missjunarji fl-1972. F'San Xavier, f'San Rafael de Velasco, f'San José de Chiquitos, f'Concepción, f'San Miguel de Velasco u f'Santa Ana de Velasco, il-knejjes sarilhom restawr metikoluż. Fis-snin 60 tas-seklu 20, il-knisja ta' San Ignacio de Velasco ġiet sostitwita b'kostruzzjoni moderna; fis-snin 90 tas-seklu 20, Hans Roth u ħaddiema sħabu qarrbu r-restawr kemm jista' jkun għall-binjiet oriġinali. Minbarra l-knejjes, Roth bena iktar minn mitt binja ġdida, inkluż skejjel u djar. Huwa stabbilixxa wkoll mużewijiet u arkivji.
Roth irriċerka u rkupra t-tekniki oriġinali li ntużaw għall-kostruzzjoni tal-knejjes qabel ir-restawr. Huwa bena infrastruttura ġdida tal-kostruzzjoni, tat-tiswija, tal-ħaddieda u tal-mastrudaxxi, u ħarreġ lin-nies lokali biex jitgħallmu l-artiġjanat tradizzjonali. Voluntiera Ewropej, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' profitt, il-Knisja Kattolika u l-Istitut tat-Tagħlim Bolivjan għenu fil-proġett.
Roth ikkonvinċa lill-abitanti lokali dwar l-importanza tax-xogħlijiet ta' restawr, li kienu jeħtieġu forza tax-xogħol kbira: tipikament bejn 40 u 80 ħaddiem fl-irħula b'popolazzjonijiet ta' bejn 500 u 2,000 ruħ kienu meħtieġa għar-restawr tal-knejjes. L-isforz jindika l-qawwa u l-impenn favur il-wirt kondiviż uniku fl-irħula. Dan ir-restawr irriżulta f'tqanqil mill-ġdid ta' tradizzjonijiet lokali u f'forza tax-xogħol ikkwalifikata.
Referenzi kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Bosta elementi tal-jiem bikrin tal-missjonijiet tal-Ġiżwiti ntwerew fil-film The Mission, għalkemm il-film jipprova jixħet dawl fuq il-ħajja fil-missjonijiet Guaraní tal-Paragwaj, mhux dik fil-missjonijiet ta' Chiquitos, li kienu ferm iktar espressivi kulturalment. L-avvenimenti madwar it-tkeċċija tal-Ġiżwiti (l-Extrañamiento) jintwerew fir-reċta ta' Fritz Hochwälder Das heilige Experiment (Dawk li Huma b'Saħħithom huma Waħedhom). It-tnejn huma ambjentati fil-Paragwaj. Ġie ssuġġerit li Das heilige Experiment qanqlet interess fost l-istudjużi tas-seklu 20 fil-missjonijiet minsija tal-Ġiżwiti.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Jesuit Missions of the Chiquitos - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-07.