Aqbeż għall-kontentut

Melka Kunture

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Melka Kunture (bil-lingwa Amħarika: መልካ ቁንጥሬ) huwa sit Paleolitiku fin-naħa ta' fuq tal-Wied ta' Awash, l-Etjopja. Jinsab 50 kilometru fin-Nofsinhar ta' Addis Ababa bit-triq, fuq in-naħa opposta tax-xmara Awash mill-villaġġ ta' Melka Awash. Tliet kaskati jinsabu iktar 'l isfel mill-pont minn naħa għall-oħra tax-xmara Awash, li jagħti aċċess għan-Nofsinhar lejn Butajira.[1] Is-sit Paleolitiku sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[2]

L-erja tal-wiċċ tal-baċir hija ta' madwar 3,000 km2 u hija delimitata minn vulkani tal-Plijoċen. Iċ-ċentri vulkaniċi prinċipali huma Wachacha u Furi fit-Tramuntana, Boti u Agoiabi fin-Nofsinhar. Il-konfini tal-Lvant huwa mmarkat mill-graben prinċipali tal-Fondoq Etjopjan li jifforma parti mis-sistema kbira tal-Fondoq tal-Lvant tal-Afrika.[3]

L-inħawi ta' Melka Kunture huma mimlijin widien b'artijiet imtarrġin interni li rreżistew l-erożjoni. Il-ħxuna viżibbli ta' dawn id-depożiti hija ta' madwar 30 metru, iżda l-ħxuna kumulattiva tad-diversi livelli hija ta' madwar 100 metru. Approċċ strutturali, tefrostratigrafiku u litostratigrafiku reċenti jipprovdi ħjiel ġdid fl-evoluzzjoni tal-isfond ambjentali tal-attivitajiet tal-ominidi f'dawn l-inħawi. Il-wied tax-xmara Awash ilu jiġi okkupat mill-ominidi u mill-bniedem minn xi 4 sa 5 Ma qabel il-preżent. Ix-xmara Awash stabbiliet il-fluss tagħha mill-ġdid b'mod regolari wara kull episodju vulkaniku importanti u kull darba stabbiliet livell bażiku ġdid ta' erożjoni. Il-fluss tal-ilma ta' din ix-xmara u tat-tributarji tagħha pprovdew il-kuntest sedimentarju ta' materjali vulkaniċi differenti li radmu u ppreservaw is-siti arkeoloġiċi fi ħdan il-Formazzjoni ta' Melka Kunture.[4]

Is-sit arkeoloġiku ġie skopert minn Gerard Dekker fl-1963, ġie mistħarreġ minn Gérard Bailloud fl-1964, u mbagħad ġiet esplorat b'mod sistematiku minn missjoni Franċiża mmexxija minn Jean Chavaillon (1965–1982 / 1993–1995). Mill-1999, missjoni Taljana mmexxija minn Marcello Piperno għall-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin u għall-Università ta' Ruma "La Sapienza" ħadmet fis-sit bi qbil mal-Awtorità għar-Riċerka u l-Konservazzjoni tal-Wirt Kulturali tal-Ministeru Etjopjan għall-Kultura u t-Turiżmu u l-Uffiċċju għall-Kultura ta' Oromia u t-Turiżmu.

Sekwenzi arkeoloġiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

L-arkeologi skavaw iktar minn 30 sit ta' okkupazzjoni f'Melka Kunture. Is-sejbiet ġew datati permezz tad-depożiti vulkaniċi li tħallew mill-iżbroffi ta' Zuqualla, fil-Grigal ta' Melka Kunture.[5] Analiżi paleoambjentali tindika li s-sit arkeoloġiku kien ħabitat imħallat tal-artijiet għoljin.[6]

Ġie ssuġġerit li fdalijiet arkeoloġiċi tal-eri Oldowani u Akewleani bikrin minn Melka Kunture jmorru lura saħansitra għal 2.0 Ma qabel il-preżent, għalkemm issa permezz ta' analiżi kronostratigrafika nstab li dan ma jistax ikun.[7]

Is-sekwenza tibda bis-sit Oldowan ta' Karre, li għandu madwar 1.7 miljun sena, li jista' jiġi mqabbel mal-livell B ta' Gombore I, max-xatt tal-lemin tax-xmara Awash. Sit Oldowan x'aktarx kontemporanju ġie ddokumentat f'Garba IV. Is-sekwenza manjetostratigrafika ta' Jaramillo tinsab bejn it-Tufu A, li jinsab fuq is-siti Oldowani, u t-Tufu B, li ġie datat li jmur lura bejn 1.0 u 0.84 miljun sena ilu. Xi siti importanti, bħal Garba XII u Simbiro III, li jmorru lura għal fażi tranżizzjonali mill-Oldowan aħħari sal-Akewlean Bikri (Garba XII) jew għal fażi arkajka tal-Akewlean (Simbiro), jinsabu wkoll f'din il-medda kronoloġika.

Fażi iktar 'il quddiem tal-Akewlean Afrikan hija rrappreżentata sew b'diversi siti fl-inħawi ta' Gombore II (datat li jmur lura għal madwar 0.8 mya). L-iżjed sit Akewlean aħħari huwa Garba I, li ġie datat li jmur lura għal madwar 0.5 mya, filwaqt li t-tmiem ta' din is-sekwenza twila hija rrappreżentata f'Melka Kunture bis-sit ta' Garba III, li ġie datat li jmur lura għal madwar 0.2 mya, u li jista' jitqies bħala sit tranżizzjonali lejn Żmien il-Ħaġar Nofsani. F'uħud mil-livelli msemmijin hawn fuq instabu fdalijiet ta' ominidi: framment ta' omeru ta' Homo erectus f'Gombore I; emimandibola ta' wild ta' Homo erectus f'Garba IV; żewġ frammenti ta' kranji ta' Homo erectus f'Gombore II; u tliet frammenti ta' kranji arkajċi ta' Homo sapiens f'Garba III.

Żmien il-Ħaġar Aħħari fil-Lvant tal-Afrika ma tantx huwa ddokumentat sew f'Melka Kunture, peress li sa issa ġie rrappreżentat minn xi sejbiet f'Wofi u f'Kella. Fi ftit inqas minn 7 kilometri minn Melka Kunture, f'sit magħruf bħala Balchit, instabu depożiti imponenti tal-ossidjana. Bħalma nstab minn analiżijiet reċenti minn kampjuni minn diversi siti f'Melka Kunture, dawn id-depożiti kienu jintużaw mill-iżjed fażijiet Oldowani bikrin bħala sors importanti ta' materja prima. L-isfruttament tal-ossidjana fir-reġjun ta' Melka baqa' għaddej saż-żminijiet storiċi, u tħallew bosta akkumuli estensivi ta' għexieren ta' eluf ta' xfafar, eżemplari u laqx ta' dan il-blat vulkaniku.

Il-Kummissjoni għall-Kultura ta' Oromia u t-Turiżmu bniet mużew fis-sit arkeoloġiku bl-assistenza finanzjarja tal-Komunità Ewropea. Il-mużew jikkonsisti minn erba' binjiet bl-affarijiet għall-wiri — waħda fuq l-Afrika preistorika, oħra fuq il-ġeoloġija u l-vulkanoloġija, oħra fuq il-paleoantropoloġija, u l-aħħar waħda fuq il-preistorja ta' Melka Kunture. Barra minn hekk, hemm "Mużew fil-Beraħ" ukoll, fejn jintwerew l-iskavi ta' żewġ siti Akewleani li ġew datati li jmorru lura għal 0.8 miljun sena qabel il-preżent. Minn Mejju 2016 inbena mużew ieħor li ġie ffinanzjat mill-Bank Dinji.[8]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Melka Kunture u Balchit: Siti Arkeoloġiċi u Paleontoloġiċi fl-Artijiet Għoljin tal-Etjopja ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

  1. ^ Philip Briggs, Ethiopia: The Bradt Travel Guide, 3rd edition (Chalfont St Peters: Bradt, 2002), p. 374.
  2. ^ a b ċ "Melka Kunture and Balchit: Archaeological and Palaeontological Sites in the Highland Area of Ethiopia - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-10.
  3. ^ Mohr, P., 1999. Le système des rifts Africains. Environnement Géologique et géographique. In: Gallay, A. (Ed.), Commentl’Homme? À la découverte des premiers hominidés d’Afrique del’Est. Éditions Errance, Pariġi, pp. 231–288.
  4. ^ Kieffer, G., Raynal, J.-P., Bardin, G., 2002. Cadre structural et vol-canologiques des sites du Paléolithique ancien de Melka Kunture(Awash, Ethiopie): premiers résultats. In: Raynal, J.-P., Albore-Livadie, C., Piperno, M. (Eds.), Hommes Et Volcans. De l’éruptionà l’objet. Les Dossiers de l’Archéologie 2, Proceedings Sympo-sium 15.2 , XIV UISPP Congress, Liège, 2001, pp. 77–92.
  5. ^ Paul B. Henze, Layers of Time (New York: Palgrave, 2000), p. 8.
  6. ^ Briatico, Giuseppe; Bocherens, Hervé; Bonnefille, Raymonde; Geraads, Denis; Mussi, Margherita (15 November 2023). "Isotopic insights into the Early Acheulean (1.95 Ma–1.66 Ma) high-elevation paleoenvironments at Melka Kunture (Upper Awash Valley, Ethiopia)". Archaeological and Anthropological Sciences. 15 (12). doi:10.1007/s12520-023-01879-1. ISSN 1866-9557.
  7. ^ Gossa, Tegenu; Asrat, Asfawossen; Hovers, Erella; Tholt, Andrew J.; Renne, Paul R. (15 February 2024). "Claims for 1.9–2.0 Ma old early Acheulian and Oldowan occupations at Melka Kunture are not supported by a robust age model". Quaternary Science Reviews. 326: 108506. Bibcode:2024QSRv..32608506G. doi:10.1016/j.quascirev.2024.108506.
  8. ^ "Melka Kunture - The official web site". www.melkakunture.it. Miġbur 2025-03-10.