Mehmet Ali Ağca
| Mehmet Ali Ağca | |
|---|---|
|
| |
| Ħajja | |
| Twelid | Hekimhan, 9 Jannar 1958 (68 sena) |
| Nazzjonalità | Turkija |
| L-ewwel lingwa | Tork |
| Edukazzjoni | |
| Lingwi | Tork |
| Okkupazzjoni | |
| Okkupazzjoni | nazzjonalist |
|
Parteċipant | |
| Sħubija | Lupi Griżi |
Mehmet Ali Ağca (bit-Tork: [mehˈmet aˈli ˈaːdʒa]; twieled fid-9 ta' Jannar 1958) huwa eks tiratur qattiel Tork tal-Lupi Griżi. Fl-1 ta' Frar 1979, huwa qatel lill-ġurnalist Abdi İpekçi, magħruf għall-fehmiet Xellugin tiegħu, u weħel il-ħabs, iżda rnexxielu jaħrab. Huwa vvjaġġa illegalment lejn il-Belt tal-Vatikan fit-13 ta' Mejju 1981, u pprova joqtol lill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-istess jum. Madankollu, it-tentattiv ta' assassinju ma rnexxiex, u nqabad u ntefa' l-ħabs mill-pulizija Taljana.[1][2]
Wara li għamel 19-il sena ħabs fl-Italja fejn kien żaru l-Papa, huwa ġie deportat lejn it-Turkija, fejn skonta sentenza ta' 10 snin ħabs. Ağca nħeles mill-ħabs fit-18 ta' Jannar 2010.[3] Huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala merċenarju bl-ebda orjentazzjoni politika, għalkemm huwa magħruf li kien membru tal-organizzazzjoni Torka tal-Lemin Estrem, il-Lupi Griżi,[4] kif ukoll tal-Kontro-Guerrilla sponsorjata mill-istat.[5]
Fl-2014, 33 sena wara li wettaq ir-reat, Ağca żar il-Belt tal-Vatikan biex iqiegħed ward abjad fuq il-qabar ta' Ġwanni Pawlu II li kien għadu kemm ġie kanonizzat, u qal li ried jiltaqa' mal-Papa Franġisku, talba li ġiet miċħuda.[6][7]
Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Mehmet Ali Ağca twieled fid-9 ta' Jannar 1958 f'Hekimhan f'familja fqira ta' raħħala Torok.
Bħala żagħżugħ, huwa wettaq għadd ta' reati żgħar u sar membru ta' bosta gruppi kriminali tat-toroq f'raħal twelidu. Huwa sar kuntrabbandist bejn it-Turkija u l-Bulgarija. Huwa jsostni li ngħata xahrejn taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar u t-tattiċi terroristiċi fis-Sirja bħala membru tal-Front Popolari Marxist għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PFLP) imħallsin mill-gvern Bulgaru Komunist, għalkemm il-PFLP ċaħdu dan.[8][9]
Involviment mal-Lupi Griżi
[immodifika | immodifika s-sors]Wara t-taħriġ, Ağca mar jaħdem għall-organizzazzjoni ultranazzjonalista Torka tal-Lupi Griżi. Fl-1 ta' Frar 1979, f'Istanbul, skont l-ordnijiet tal-Lupi Griżi, huwa qatel lil Abdi İpekçi, l-editur tal-gazzetta ewlenija Torka Milliyet. Wara li ġie rrapportat minn xi ħadd, huwa nqabad fil-25 ta' Ġunju 1979 u ngħata sentenza ta' għomor il-ħabs. Fil-25 ta' Novembru 1979, wara li skonta 5 xhur ħabs, huwa ħarab bl-għajnuna ta' Abdullah Çatlı, it-tieni persuna tal-kmand tal-Lupi Griżi, u ħarab lejn il-Bulgarija, li kienet il-bażi tal-operazzjonijiet għall-mafja Torka. Skont il-ġurnalista investigattiva Lucy Komisar, Ağca kien orkestra l-assassinju ta' İpekçi flimkien ma' Çatlı, li mbagħad jingħad li organizza l-ħarba ta' Ağca minn ħabs militari ta' Istanbul. Skont Komisar, uħud issuġġerew li Çatlı kien saħansitra involut fit-tentattiv ta' assassinju tal-Papa. Skont Reuters, Ağca kien ħarab bl-għajnuna ssuspettata ta' simpatizzanti fis-servizzi tas-sigurtà.[10] Komisar żiedet li fix-xena tal-ħabta tal-karozza tad-ditta Mercedes-Benz li fiha miet Çatlı, huwa nstab b'passaport bl-isem ta' "Mehmet Özbay" – psewdonimu użat ukoll minn Ağca.[11]
Tentattiv ta' assassinju tal-Papa Ġwanni Pawlu II
[immodifika | immodifika s-sors]
Fl-1979, in-New York Times irrapportat li Ağca, li ddeskrivietu bħala "l-qattiel li kien ikkonfessa li kien qatel persuna mill-qasam tal-gazzetti f'Istanbul", kien iddeskriva l-Papa bħala "l-mexxej maskerat tal-Kruċjati" u hedded li jisparalu jekk ma jikkanċellax iż-żjara ppjanata tiegħu fit-Turkija, li saret fl-aħħar ta' Novembru 1979.[12][13] Il-gazzetta qalet ukoll (fit-28 ta' Novembru 1979) li l-qtil kien ikun it-tpattija għall-attakk li kien għadu għaddej dak iż-żmien fuq il-Moskea l-Kbira tal-Mekka, li kien beda fl-20 ta' Novembru, u li skontu kien xogħol l-Istati Uniti jew Iżrael.[14]
Minn Awwissu 1980, Ağca beda jmur minn post għall-ieħor fir-reġjun tal-Mediterran. Skont l-aħħar xhieda tiegħu, huwa ltaqa' ma' tliet kompliċi f'Ruma, wieħed Tork u żewġ Bulgari. L-operazzjoni saret taħt il-kmand ta' Zilo Vassilev, l-attaché militari Bulgaru fl-Italja. Huwa qal li ġie assenjat din il-missjoni mill-mafjuż Tork Bekir Çelenk fil-Bulgarija. Madankollu, Le Monde diplomatique allegat li t-tentattiv ta' assassinju ġie organizzat minn Abdullah Çatlı "għal somma ta' 3 miljun Mark", imħallsa minn Bekir Çelenk lil-Lupi Griżi.[15]
Skont Ağca, il-pjan kien li hu u t-tiratur ta' riżerva Oral Çelik jisparaw fil-Pjazza ta' San Pietru u jaħarbu lejn l-ambaxxata Bulgara waqt il-paniku ġġenerat minn splużjoni żgħira. Fit-13 ta' Mejju stennew fil-pjazza, u qagħdu jiktbu l-kartolini u jistennew lil Papa jasal. Meta l-Papa għadda minn ħdejhom, Ağca spara diversi tiri u darab lill-Papa, iżda nħataf mill-ispettaturi u mill-kap tas-sigurtà tal-Vatikan Camillo Cibin. B'hekk ma rnexxilux itemm l-assassinju jew jaħrab. Żewġ balal laqtu lil Ġwanni Pawlu II, u waħda minnhom waslet fl-imsaren inferjuri, filwaqt li l-oħra laqtitlu idu x-xellugija. Intlaqtu wkoll żewġ spettaturi. Çelik ippanikkja u ħarab mingħajr ma sploda l-bomba jew mingħajr ma spara. B'xorti tajba l-Papa baqa' ħaj wara dak it-tentattiv ta' assassinju.
Sentenza l-ħabs, ħelsien u arrest mill-ġdid
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-23 ta' Lulju 1981 Ağca ngħata s-sentenza ta' għomor il-ħabs fl-Italja għat-tentattiv ta' assassinju.[16] Wara l-isparar, il-Papa Ġwanni Pawlu II staqsa lin-nies biex "jitolbu għall-ħija (Ağca), li ħfirtlu mill-qalb".[17] Fl-1983, il-Papa u Ağca ltaqgħu u tkellmu fil-privat fil-ħabs fejn kien miżmum Ağca. Il-Papa kkuntattja wkoll il-familja ta' Ağca matul is-snin, u ltaqa' ma' ommu fl-1987 u ma ħuh deċennju wara.[18] Wara li weħel il-ħabs, Ağca ħabbar li abbanduna l-Iżlam u kkonverta għall-Kristjaneżmu.[19]
Il-ħelsien ta' Ağca ntalab fis-sajf tal-1983 minn dawk li allegatament kienu ħatfu lil Emanuela Orlandi, bint impjegat tal-Vatikan, li għebet b'mod misterjuż f'Ruma f'Ġunju ta' dik is-sena.[20] Fid-9 ta' Ġunju 1997, it-titjira 830 tal-Air Malta nħatfet b'mod illegali minn żewġt irġiel. Wara l-inżul f'Köln, il-Ġermanja, iż-żewġt irġiel talbu l-ħelsien ta' Ağca. Huwa ma ġiex meħlus u ż-żewġt irġiel arrendew. Wara li skont kważi 20 sena ħabs fl-Italja, fuq talba tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Ağca ngħata l-maħfra mill-eks President Taljan Carlo Azeglio Ciampi f'Ġunju 2000 u ġie deportat lejn it-Turkija.[21]
Wara l-estradizzjoni tiegħu, huwa weħel il-ħabs għall-qtil tal-1979 ta' Abdi İpekçi u għal żewġ attakki f'banek li kien wettaq fis-snin 70 tas-seklu 20. Ağca ġie arrestat fil-25 ta' Ġunju u ntefa' fil-Ħabs Militari ta' Maltepe. Huwa ħarab lejn il-Bulgarija fil-25 ta' Novembru u ngħata sentenza ta' għomor il-ħabs in absentia. Ağca ġie estradit lejn it-Turkija fis-sena 2000 peress li bbenefika mil-Liġi tal-Amnestija Kondizzjonali. Dan il-benefiċċju mogħti lil Ağca qanqal reazzjonijiet kontrastanti. Iż-żewġ każijiet ġew fużi u għaddew quddiem ġuri fl-Ewwel Qorti Kriminali Superjuri ta' Kadıköy. Il-proċess uniku kien rigward il-ħtif illegali tat-taksi ta' Cengiz Aydos fl-1979, is-serqa fil-ġojjellerija ta' Yıldırım f'Kızıltoprak fit-22 ta' Marzu 1979 u s-serq ta' flus mill-maħżen ta' Fruko fl-4 ta' April 1979. Fit-18 ta' Jannar 2000, l-imħallfin waqqgħu l-akkużi minħabba l-istatut ta' limitazzjonijiet fir-rigward tal-każ imressaq għas-serqa tal-ġojjellerija u minħabba l-"ksur tal-Att dwar l-Armi tan-Nar" (il-liġi nru 6136). Għall-approprjazzjoni indebita u s-serq ta' flus, Ağca ngħata sentenza ta' 36 sena ħabs. L-avukati ta' Ağca appellaw għall-ħelsien tiegħu skont il-Liġi Nru 4516 dwar il-Libertà Kundizzjonata u d-Differiment tal-Penali f'Diċembru 2000. It-talba tagħhom ma ġietx aċċettata mill-Ewwel Qorti Kriminali Superjuri ta' Kartal. L-avukati ressqu appell kontra din id-deċiżjoni, iżda l-qorti tal-appell ikkonfermat id-deċiżjoni. Is-sentenza ta' għomor il-ħabs ta' Ağca tnaqqset għal 10 snin skont liġi Torka li kienet tqassar is-sentenzi ta' ħabs jekk wieħed jiskontahom f'ħabs barrani. L-akkuża ta' ħasil tal-flus u s-sentenza ta' 36 sena ħabs twaqqgħu minħabba l-istatut ta' limitazzjonijiet għas-serq, li skont il-liġi Torka kienet ta' massimu ta' 7 snin.
Fil-bidu ta' Frar 2005, waqt il-mard finali tal-Papa, Ağca bagħat ittra lil Papa b'xewqat sbieħ u bi twissija li d-Dinja dalwaqt kienet waslet fi tmiemha. Meta l-Papa miet fit-2 ta' April 2005, ħu Ağca, Adnan, għamel intervista fejn qal li Ağca u l-familja kollha tiegħu kienu f'luttu, u li l-Papa kien ħabib kbir tagħhom.[22]
Ağca nħeles b'libertà kundizzjonata fit-12 ta' Jannar 2006. Mustafa Demirbağ, l-avukat tiegħu, spjega il-ħelsien tiegħu bħala kombinament ta' amnistija u riforma penali: amnistija fis-sena 2000 naqqset 10 snin mill-piena tiegħu, u mbagħad il-qorti naqqset l-20 sena ħabs fl-Italja skont artiklu ġdid fil-kodiċi penali, u b'hekk kien eliġibbli għal libertà kundizzjonata bis-saħħa ta' mġiba tajba. Madankollu, rapport mill-aġenzija tal-aħbarijiet Franċiża AFP stqarr li "l-awtoritajiet ġudizzjarji Torok kienu għadhom ma spjegawx eżattament liema riżorsi legali kellu aċċess għalihom", u l-eks Ministru għall-Ġustizzja Hikmet Sami Türk, li kien fil-gvern fi żmien l-estradizzjoni ta' Ağca, sostna li minn puntdivista legali, il-ħelsien tiegħu l-iktar l-iktar kien "żball serju", u li ma kellux jinħeles qabel l-2012. Madankollu, fl-20 ta' Jannar 2006, il-Qorti Suprema Torka ddeċidiet li ż-żmien il-ħabs li skonta fl-Italja ma setax jitnaqqas mis-sentenza Torka u reġa' ntefa fil-ħabs.
Żviluppi iktar 'il quddiem u ħelsien
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-2 ta' Mejju 2008, Ağca staqsa li jingħata ċ-ċittadinanza Pollakka peress li xtaq iqatta' l-aħħar snin ta' ħajtu fil-Polonja, il-pajjiż tat-twelid tal-Papa Ġwanni Pawlu II. Ağca stqarr malli nħeles li ried iżur il-qabar tal-Papa Ġwanni Pawlu II u jkun sħab ma' Dan Brown biex jikteb ktieb.[23]
Ağca nħeles mill-ħabs fit-18 ta' Jannar 2010. Huwa ġie ttrasferit lejn sptar militari sabiex jiġi vvalutat jekk ta' 52 sena kienx għadu idoneu għas-servizz militari obbligatorju. Il-militar sostna li ma kienx idoneu għas-servizz militari peress li kellu "diżordni ta' personalità antisoċjali". Fi stqarrija, huwa ħabbar: "Niltaqa' miegħek fit-tlett ijiem li ġejjin. F'isem Alla li jista' kollox, nipproklama tmiem id-dinja f'dan is-seklu. Id-dinja kollha se tinqered, kull bniedem se jmut. Jien mhux Alla, jien mhux iben Alla, jien Kristu etern".[24]
Ağca żar il-qabar ta' Ġwanni Pawlu II fis-27 ta' Diċembru 2014. Huwa xtaq isir patri Kattoliku fl-2016 u jmur Fátima, il-Portugall biex jiċċelebra l-100 anniversarju tad-dehriet Marjani hemmhekk (il-Madonna ta' Fátima).[25]
F'Novembru 2025, Ağca żar Iznik f'tentattiv li jiltaqa' mal-Papa Ljun XIV qabel iż-żjara tiegħu iżda tneħħa mill-awtoritajiet.[26]
Għajdut ta' involviment estern fit-tentattiv ta' assassinju
[immodifika | immodifika s-sors]F'Novembru 2010, Ağca akkuża lill-Kardinal Agostino Casaroli li kien il-moħħ wara t-tentattiv ta' assassinju ta' Ġwanni Pawlu II.[27] Ġie allegat ukoll li l-KGB tal-Unjoni Sovjetika ordnaw l-assassinju, minħabba li Ġwanni Pawlu II kien jappoġġa l-moviment tal-ħaddiema Solidarność (bil-Malti: Solidarjetà) fil-Polonja. Ağca stqarr dan waqt waħda mill-interrogazzjonijiet tiegħu qabel il-proċess ġudizzjarju.[28]
Meta Ağca ppubblika l-memorji tiegħu fl-2013, l-istorja li rrakkonta nbidlet għalkollox, u kiteb li l-gvern Iranjan u l-Ayatollah Khomeini ordna t-tentattiv ta' assassinju ta' Ġwanni Pawlu II. Skont din il-verżjoni l-ġdida tal-avvenimenti, Ağca ngħata struzzjonijiet u taħriġ fl-użu tal-armi tan-nar u tal-isplussivi fl-Iran, mingħand Mohsen Rezai, skont l-ordnijiet tal-Ayatollah Jaffar Subhani u tal-Ayatollah Khomeini. Fil-ktieb tiegħu, Ağca jirrikonoxxi li huwa kien gideb qabel dwar ir-rabta Bulgara u Sovjetika. Huwa qagħad f'Sofija għal madwar xahar iżda ma kienx f'kuntatt ma' xi uffiċjal tal-intelligence Bulgaru jew oħrajn. Fi tranżitu mit-Turkija għall-Punent tal-Ewropa, huwa ddewwem f'Sofija minħabba li kellu passaport Indjan falz li tant kien ta' kwalità ħażina li f'diversi okkażjonijiet kellu jxaħħam lill-uffiċjali li kienu suspettużi. Għalhekk, huwa stenna biex jingħata passaport Tork ta' kwalità ferm aħjar mingħand il-Lupi Griżi: passaport ġenwin maħruġ mill-gvern Tork għal persuna oħra, Faruk Faruk Özgün, u nbidel biss ir-ritratt ta' Özgün ma' wieħed ta' Ağca.[29]
Meta l-Papa Ġwanni Pawlu II żaru fil-ħabs fl-Italja fis-27 ta' Diċembru 1983 (sentejn u nofs wara t-tentattiv ta' assassinju), Ağca jfakkar fil-memorji tiegħu li kien bies id il-Papa, wara li 3 snin qabel kien bies id Khomeini fl-Iran, u meta ġie mistoqsi, huwa qal lil Ġwanni Pawlu II li Ruhollah Khomeini kien ordna l-assassinju. Sussegwentement dan ġie miċħud mill-Vatikan bħala gidba.
L-isparar tal-Papa min-naħa ta' Ağca u l-involviment possibbli tal-KGB jissemmew fir-rumanz ta' Tom Clancytal-2002 Red Rabbit u fir-rumanz ta' Frederick Forsyth The Fourth Protocol. Ağca ssemma wkoll fil-ktieb The Third Revelation ta' Ralph McInerny, u ħadmu l-parti tiegħu l-atturi Christopher Bucholz fil-produzzjoni tar-RAI Attentato al papa, Sebastian Knapp fil-film tal-ABC TV Have No Fear: The Life of Pope John Paul II, Massimiliano Ubaldi fil-minisensiela televiżiva tas-CBS Pope John Paul II (it-tnejn fl-2005) u Alkis Zanis fil-film televiżiv Kanadiż tal-2006 Karol: The Pope, The Man.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Freedman, Robert Owen, The Middle East from the Iran-Contra affair to the Intifada, (Syracuse University Press, 1991), 396; "Demirag was known as an admirer of Mehmet Ali Agca, the Turk that shot and wounded Pope John Paul II in 1981."
- ↑ Weigel, George, Witness to Hope: The Biography of Pope John Paul II, (HarperCollins Publisher, 1999), 397.
- ↑ "Man who shot pope released from prison - CNN.com". www.cnn.com (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ Atkins, Stephen E. (2004). Encyclopedia of Modern Worldwide Extremists and Extremist Groups. Bloomsbury Academic. p. 111. ISBN 9780313324857.
- ↑ Mayr, Walter (2007-07-15). "Wie Olivenöl und Wasser" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ News, V. O. A. (2014-12-27). "Pope John Paul II's Would-be Assassin Puts Roses on Tomb". Voice of America (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Pope gunman Mehmet Ali Agca visits John Paul II's grave" (bl-Ingliż). 2014-12-27. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Scrap Book - Doco - Documentation - Media Snippets: CIA invovled in POPE ASSASSINATION" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "ZAMAN". www.zaman.com.tr. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "National, World and Business News | Reuters.com". today.reuters.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-07-10. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "(4/6/97) The Assassins of a Pope". www.monitor.net. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "John Paul II's visit sparked little interest in Turkey". Anadolu (bit-Tork). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Turkey". www.vatican.va (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ Times, Marvine Howe; Special to The New York (1979-11-28). "POPE'S TURKISH VISIT GETS EXTRA SECURITY" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ Viennot, Eliane (1997-03-01). "Pour la parité". Le Monde diplomatique (bil-Franċiż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ Tanner, Henry; Times, Special To the New York (1981-07-23). "POPE'S ASSAILANT SENTENCED TO LIFE" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "EWTN News". Catholic News Agency (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Would-Be Assassin Mourns Pope - CBS News". www.cbsnews.com (bl-Ingliż). 2005-04-03. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ Busted: Mugshots and Arrest Records of the Famous and Infamous, Thomas J. Craughwell, 2011, p. 18, ISBN 9781603762694.
- ↑ "Il caso Orlandi-Gregori e le prove dimenticate: l'amica pedinata, Emanuela emigrata in Vaticano, la trattativa su Agca". Corriere della Sera (bit-Taljan). 2022-12-23. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Italy: Turkish gunman wants to be baptised at the Vatican - Adnkronos Security". www.adnkronos.com. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Attempted assassination of Pope John Paul II (1981)". The Friday Times (bl-Ingliż). 2020-05-15. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Gunman Mehmet Ali Agca who shot Pope John Paul II seeks £3m in book deals - Times Online". www.timesonline.co.uk (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-06-04. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ Allen, John L. (2016) [2013]. The Global War on Christians: Dispatches from the Front Lines of Anti-Christian Persecution. New York, NY: Random House LLC. p. 211. ISBN 9780770437374.
- ↑ "John Paul II's assailant wants to be a priest". cathnews.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-11-07. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Attacker of Pope John Paul II removed from Turkish town ahead of Leo's visit: media". France 24 (bl-Ingliż). 2025-11-28. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "John Paul II rejected assassination inquiry 'for now' - The Institute of World Politics" (bl-Ingliż). 2005-05-08. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ "Bizarre story of Pope's failed assassin" (bl-Ingliż). 2010-01-18. Miġbur 2026-05-13.
- ↑ Yalçın, Soner; Yurdakul, Doğan (1997). Reis: Gladio'nun Türk Tetikçisi. Kırmızı Kedi.