Aqbeż għall-kontentut

Masada

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta mill-ajru ta' Masada mit-Tramuntana.

Masada (bl-Ebrajk: מְצָדָה məṣādā, "fortizza"; bl-Għarbi: جبل مسعدة, b'ittri Rumani: jabal musayda, li litteralment tfisser "l-Għolja ta' Museida") hija kumpless ta' fortizza fil-quċċata ta' għolja fid-Deżert tal-Ġudea, u tħares lejn ix-xatt tal-Punent tal-Baħar Mejjet fix-Xlokk ta' Iżrael. Il-forti, li nbena fis-seklu 1 Q.K., inbena fuq promontorju naturali 'l fuq minn 400 metru (1,300 pied) mill-art tal-madwar, 20 kilometru (12-il mil) fil-Lvant ta' Arad moderna.

L-iżjed fdalijiet sinifikanti fis-sit imorru lura għar-renju ta' Erodi l-Kbir, ir-Re tal-Ġudea, għall-ħabta tat-37–4 Q.K., li ttrasforma lil Masada f'post imkenni ffortifikat fid-deżert matul ir-renju tiegħu. Madwar il-quċċata tal-għolja huwa bena swar difensivi u torrijiet, u bena wkoll imħażen, sistema avvanzata tal-ilma u banjijiet, kif ukoll żewġ palazzi elaborati: wieħed fuq in-naħa tal-Punent u l-ieħor mibni tul tliet artijiet imtarrġin fuq l-irdum tat-Tramuntana. Dawn il-palazzi għadhom fost l-ifjen eżempji ta' arkitettura ta' żmien Erodi.

Masada hija rinomata l-iktar għar-rwol li kellha matul l-Ewwel Gwerra bejn il-Lhud u r-Rumani (66–73 W.K.), meta saret il-fortizza finali tar-ribelli Lhud wara l-qerda ta' Ġerusalemm. Grupp radikali magħruf bħala s-Sikarji u mmexxi minn Eleazar ben Ya'ir iddefenda s-sit kontra l-Għaxar Leġjun tar-Rumani taħt Luċju Flavju Silva. Ir-Rumani assedjaw il-fortizza billi bnew ħajt difensiv ieħor u rampa enormi. Skont Josephus, meta r-Rumani kissru s-swar fis-73/74 W.K. sabu madwar 1,000 abitant mejtin għax ikkommettew suwiċidju — stqarrija li għadha fil-mira ta' dibattiti fost l-istoriċi. Fiż-żminijiet moderni, il-ġrajja ta' Masada ġiet interpretata bħala simbolu tal-eroiżmu li sar influwenti fl-identità nazzjonali bikrija ta' Iżrael.

L-iskavi mwettqa mill-arkeologu Yigael Yadin fis-snin 60 tas-seklu 20 wasslu għas-sejbien ta' fdalijiet tassew ippreservati, fosthom palazzi ta' Erodi, imħażen bi fdalijiet tal-ikel, banjijiet ritwali, sinagoga, skrolli tal-Lhud, barumbara, u bċejjeċ tal-fuħħar bl-ismijiet imnaqqxa, wieħed minnhom b'"ben Ya'ir", li x'aktarx kien ikkollegat mal-jiem finali tad-difensuri, u knisja Biżantina żgħira. Il-fortifikazzjonijiet difensivi u l-bażijiet Rumani għadhom viżibbli u huma fost l-iżjed eżempji intatti ta' inġinerija militari tar-Rumani. Illum il-ġurnata, Masada hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO World Heritage bis-saħħa ta' dawk il-fdalijiet difensivi, u hija waħda mill-iżjed attrazzjonijiet turistiċi popolari, tant li tattira madwar 750,000 viżitatur fis-sena.[1]

L-irdum li tinsab fuqu Masada, ġeoloġikament fil-fatt huwa horst, jiġifieri pilastru tettoniku tal-qoxra tad-Dinja. Peress li l-promontorju jintemm f'daqqa f'irdumijiet weqfin ta' madwar 400 metru (1,300 pied) lejn il-Lvant u ta' madwar 90 metru (300 pied) lejn il-Punent, l-approċċi naturali lejn il-fortizza huma ferm diffiċli. Il-quċċata tal-promontorju qisu mesa hija ċatta u għandha għamla ta' rombu ta' madwar 550 metru (1,800 pied) b'270 metru (890 pied). Erodi bena swar ta' 4 metri (13-il pied) madwar il-promontorju, b'tul totali ta' 1,300 metru (4,300 pied) u saħħaħhom b'bosta torrijiet. Il-fortizza kien fiha mħażen, barrakki, armerija, palazz u sensiela ta' ċisterni (b'kapaċità ta' madwar 40,000 m3; 1.4 miljun pied kunu) li kienu mimlijin bl-ilma tax-xita – allegatament jingħat li bl-ilma li nġabar mix-xita ta' jum wieħed, setgħu jiġu sostnuti iktar minn 1,000 ruħ għal sentejn sa 3 snin. Tliet mogħdijiet iserrpu jwasslu minn qiegħ l-għolja sad-daħliet iffortifikati.

Caldarium fil-banjijiet bi stil Ruman tat-Tramuntana (Nru 35 tal-pjanta).

Kważi l-informazzjoni storika kollha dwar Masada ġejja mingħad l-istoriku Lhudi Ruman tas-seklu 1 Josephus. Masada tissemma wkoll fid-Dokumenti tad-Deżert tal-Ġudea.

Fortizza tal-Ażmonej

[immodifika | immodifika s-sors]

Josephus jikteb li s-sit ġie ffortifikat għall-ewwel darba mill-mexxej tal-Ażmonej Alessandru Jannaeus fis-seklu 1 Q.K. Madankollu, sa issa għadhom ma ġewx identifikati binjiet ta' żmien l-Ażmonej matul l-iskavi arkeoloġiċi.

Josephus jikteb ukoll li Erodi l-Kbir ħakem il-fortizza fit-taqbida għall-poter li kien hemm wara l-mewt ta' missieru Antipater fit-43 Q.K. Il-fortizza baqgħet teżisti wara l-assedju tal-aħħar re tal-Ażmonej Antigonus II Mattathias, li rrenja bl-appoġġ tal-Partiċi.

Palazz-fortizza ta' Erodi

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont Josephus, bejn is-37 u l-31 Q.K., Erodi l-Kbir bena fortizza kbira fuq il-promontorju bħala post imkenni għalih innifsu f'każ ta' xi rewwixta u bena żewġ palazzi bi provvista tal-ikel interminabbli.

L-Ewwel Gwerra Bejn il-Lhud u r-Rumani

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-66 W.K., grupp ta' ribelli Lhud magħrufa bħala s-Sikarji għelbu l-gwarniġjon tar-Rumani ta' Masada bl-għajnuna ta' qerq. Skont Josephus, is-Sikarji kienu grupp estremist Lhudi li kien antagonist ta' raggruppament akbar ta' Lhud magħruf bħala ż-Żeloti, li wettaq il-biċċa l-kbira tar-ribelljoni. Josephus kiteb li s-Sikarji attakkaw il-villaġġi tal-Lhud fil-qrib, inkluż Ein Gedi, fejn immassakraw 700 persuna, li kienu nisa u tfal.

Fit-73 W.K., il-gvernatur Ruman tal-Ġudea, Luċju Flavju Silva, kien il-kap tal-Għaxar Leġjun Ruman Fretensis u mexxa assedju kontra Masada. Sors ieħor isostni li l-assedju kontra Masada sar fit-73 jew fl-74 W.K. Il-leġjun Ruman iċċirkonda Masada, billi bena sur madwarha u mbagħad rampa mal-faċċata tal-Punent tal-promontorju għall-assedju. Skont Dan Gill, l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20 ikkonfermaw l-osservazzjonijiet iktar bikrin li r-rampa għall-assedju li kienet għolja 114-il metru (375 pied) kienet tikkonsisti l-iktar minn biċċa naturali tas-saff ewlieni tal-blat.

Ir-rampa tlestiet fir-rebbiegħa tat-73 W.K., wara x'aktarx xahrejn sa 3 xhur ta' assedju, u b'hekk ir-Rumani rnexxielhom jegħlbu bil-forza s-swar tal-fortizza fis-16 ta' April. Ir-Rumani impjegaw l-Għaxar Leġjun u għadd ta' unitajiet awżiljarji u priġunieri tal-gwerra Lhud, li kienu jammontaw għal xi 15,000 ruħ, li minnhom huwa stmat li bejn 8,000 u 9,000 ruħ kienu rġiel, biex jegħlbu r-reżistenza tal-Lhud f'Masada.

Torri ġgantesk inbena b'ħila kbira fil-quċċata tar-rampa. Skont Josephus, meta t-truppi Rumani daħlu fil-fortizza, skoprew li d-difensuri tagħha kienu taw in-nar lill-binjiet kollha ħlief l-imħażen tal-ikel u kkommettew suwiċidju tal-massa jew qatlu lil xulxin; b'kollox kien hemm 960 ruħ. Josephus kiteb dwar żewġ diskorsi ta' tqanqil li l-mexxej tas-Sikarji kien għamel biex jikkonvinċi lil niesu joqtlu lilhom infushom. Instabu ħajjin żewġ nisa u ħamest itfal biss.

Josephus x'aktarx li bbaża r-rakkont tiegħu fuq il-kummentarji personali tal-kmandanti Rumani li kienu aċċessibbli għalih.

Hemm diskrepanzi bejn is-sejbiet arkeoloġiċi u l-kitbiet ta' Josephus. Josephus isemmi wieħed biss miż-żewġ palazzi li ġew skavati, jirreferi għal nar wieħed biss, għalkemm bosta binjiet għandhom sinjali ta' ħsara min-nar, u jsostni li nqatlu 960 ruħ, għalkemm ma nstabux iktar minn 28 katavru. Uħud mid-dettalji l-oħra li jagħti Josephus huma korretti – pereżempju, huwa jiddeskrivi l-banjijiet li nbnew hemmhekk, il-fatt li l-artijiet f'uħud mill-binjiet "kienu pavimentati b'ġebel b'diversi lwien", u li bosta fosos tħaffru fil-blat biex jintużaw bħala ċisterni. Yadin sab xi artijiet parzjalment intatti bil-mużajk li jaqblu ma' dik id-deskrizzjoni.

Monasteru Biżantin ta' Marda

[immodifika | immodifika s-sors]

Masada ġiet okkupata l-aħħar matul żmien il-Biżantini, meta ġiet stabbilita knisja żgħira fis-sit. Il-knisja kienet tagħmel parti minn insedjament monastiku identifikat mal-monasteru ta' Marda magħruf permezz tal-letteratura aġjografika. Din l-identifikazzjoni ġeneralment hija aċċettata mir-riċerkaturi. In-nom komuni bl-Aramajk marda, jiġifieri "fortizza", jikkorrispondi għall-isem Grieg ta' monasteru ieħor tad-deżert ta' dak iż-żmien, Kastellion, u jintuża biex jiddeskrivi dak is-sit fil-vita (bijografija) ta' San Sabbas, iżda jintuża bħala isem proprju għall-monasteru ta' Masada biss, kif joħroġ fid-dieher mill-vita ta' San Ewtemju.

Żmien Kalkolitiku

[immodifika | immodifika s-sors]

F'għar kważi inaċċessibbli, imlaqqam bħala l-Għar ta' Yoram, li jinsab man-naħa tal-irdumijiet tan-Nofsinhar xi 100 metru 'l isfel mill-promontorju, instabu bosta fdalijiet ta' pjanti, fosthom żrieragħ tax-xgħir ta' xi 6,000 sena ilu, u dawn tant kienu fi stat tajjeb ta' preservazzjoni li l-ġenoma tagħhom setgħet tiġi sekwenzjata. Din kienet l-ewwel darba li seħħet b'ġenoma ta' pjanta taż-Żmien Kalkolitiku, u hija l-eqdem waħda li ġiet sekwenzjata sa issa. Ir-riżultat għen biex jiġi ddeterminat li l-iktar domestikazzjoni bikrija tax-xgħir, li f'postijiet oħra ġiet datata li seħħet 10,000 sena ilu fin-Nieqa Għammiela, fil-fatt seħħet iktar fit-Tramuntana tal-Wied tal-Fossa Tettonika tal-Ġordan, jiġifieri l-Wied tan-Naħa ta' Fuq tax-Xmara Ġordan fit-Tramuntana ta' Iżrael.

Instab li ż-żrieragħ tal-Għar ta' Yoram kienu pjuttost differenti mill-varjetà li tikber fis-selvaġġ, u din tqieset bħala prova li diġà kien hemm proċess avvanzat ta' domestikazzjoni, iżda kienu simili ħafna għat-tipi ta' xgħir li għadhom jiġu kkultivati fir-reġjun — indikazzjoni ta' kostanza notevoli. Meta wieħed iqis id-diffikultà biex wieħed jasal fl-għar, b'bokka li tinsab xi 4 metri 'l fuq mill-mogħdija espost li tagħti aċċess għall-għar, ir-riċerkaturi spekulaw li x'aktarx li kien post imkenni li ntuża għal ftit żmien min-nies taż-Żmien Kalkolitiku biex jaħarbu minn xi diżastru mhux magħruf.

Identifikazzjoni u skavi inizjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit ta' Masada ġie identifikat fl-1838 mill-Amerikani Edward Robinson u Eli Smith, u fl-1842, il-missjunarju Amerikan Samuel W. Wolcott u l-pittur Ingliż W. Tipping kienu l-ewwel nies moderni li xxabtu miegħu. Wara li żar is-sit diversi drabi fis-snin 30 u 40 tas-seklu 20, Shmarya Guttman wettaq l-esplorazzjoni inizjali tal-iskavi tas-sit fl-1959.

Spedizzjoni ta' Yigael Yadin

[immodifika | immodifika s-sors]

Masada ġiet skavata b'mod estensiv bejn l-1963 u l-1965 permezz ta' spedizzjoni mmexxija mill-arkeologu minn Iżrael u l-eks kap tal-persunal militari Yigael Yadin.

Minħabba l-ambjent aridu tiegħu u minħabba li jinsab 'il bogħod mill-abitazzjonijiet umani, is-sit baqa' mhux mittiefes wisq mill-bnedmin jew min-natura għal żewġ millenji sħaħ.

Bosta mill-binjiet tal-qedem ġew irrestawrati mill-istat ta' fdalijiet li kienu jinsabu fih, flimkien mal-affreski taż-żewġ palazzi prinċipali ta' Erodi, u l-banjijiet bi stil Ruman li bena. Is-sinagoga, l-imħażen u d-djar tar-ribelli Lhud ġew identifikati wkoll u ġew irrestawrati.

Fiċ-ċisterni tal-ilma xi żewġ terzi 'l fuq mill-irdumijiet jiskula l-ilma mill-widien fil-qrib permezz ta' sistema elaborata ta' kanali, u dan jispjega kif ir-ribelli rnexxielhom jikkonservaw biżżejjed ilma għal żmien daqstant twil.

Ir-rampa għall-assedju tar-Rumani għadha tinsab fuq in-naħa tal-Punent u wieħed jista' jitla' sa fuq bil-mixi. Il-ħajt difensiv għoli metru li bnew ir-Rumani madwar Masada għadu viżibbli, flimkien ma' tmien kampijiet tal-assedju tar-Rumani ftit 'il barra minn dawn is-swar. Inġenerali, il-fortifikazzjonijiet tal-assedju tar-Rumani, speċjalment ir-rampa għall-assedju, huma l-iżjed ippreservati sew, u b'hekk wasslu biex Masada ssir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Fid-dawl tal-interess kbir li ntwera mill-pubbliku, Yadin ippubblika ktieb għall-pubbliku ġenerali fl-1966 bit-titlu "מצדה" ("Masada").

Sejbiet epigrafiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sinagoga nstabet biċċa tal-fuħħar bil-kitba mnaqqxa ma'aser cohen (מעשר כוהן‎, miżata għall-qassis), flimkien ma' frammenti ta' żewġ skrolli: partijiet mid-Dewteronomju u l-Ktieb ta' Eżekjel bix-xbieha tal-"għadam niexef" (Dewteronomju 33–34 u Eżekjel 35–38), li nstabu f'fosos imħaffrin taħt l-art ta' kamra żgħira fi ħdan is-sinagoga. F'postijiet oħra nstabu frammenti mill-kotba tal-Ġenesi, tal-Levitiku, tas-Salmi u ta' Sirak, kif ukoll tal-Għanjiet tas-Sagrifiċċju tas-Sabbath.

Fl-inħawi ta' quddiem il-Palazz tat-Tramuntana, instabu 11-il biċċa tal-fuħħar, kollha kemm huma b'isem partikolari. Waħda minnhom fiha l-kitba mnaqqxa ta' "ben Ya'ir" (בןיאיר‎) li jaf hija l-forma mqassra ta' Eleazar ben Ya'ir, il-kmandant tal-fortizza. L-għaxar ismijiet l-oħra jaf huma dawk tal-irġiel magħżula mill-kotra biex joqtlu lill-oħrajn u mbagħad lilhom infushom, kif irrakkonta Josephus.

Fdalijiet umani

[immodifika | immodifika s-sors]
Funeral tal-fdalijiet umani li nstabu f'Masada, 1969. Menachem Begin u Yisrael Yeshayahu, it-tieni u t-tielet fuq quddiem mil-lemin.

Il-fdalijiet ta' massimu ta' 28 ruħ ġew skavati f'Masada, x'aktarx ta' 29 ruħ, inkluż fetu. Il-fdalijiet ta' għadam ta' 25 individwu nstabu f'għar 'il barra u taħt is-swar tan-Nofsinhar. Il-fdalijiet ta' żewġ irġiel oħra u ta' mara nstabu fil-banjijiet tal-Palazz tat-Tramuntana.

Mill-fdalijiet tal-banjijiet, huwa stmat li l-irġiel kellhom madwar 40 u 20–22 sena, jew 22 u 11–12-il sena, jew abbażi tal-fdalijiet ta' snien, madwar 16–18-il sena. Ġie stmat li l-mara kellha xi 17–18-il sena. Il-fdalijiet ta' għadam tal-irġiel ma kinux kompluti. Instab ix-xagħar sħiħ immaljat, iżda l-ebda għadam.

Analiżi forensika wriet li x-xagħar kien tqaxxar minn ras il-mara permezz ta' strument jaqta' meta kienet għadha ħajja, li kienet prattika li kienet issir għan-nisa maħtufa kif deskritt fil-Bibbja (Dewteronomju 21:10–12) u fl-Iskroll tat-Tempju tas-seklu 2 Q.K. Il-malji jindikaw li kienet miżżewġa. Abbażi tal-evidenza, l-antropologu Joe Zias u x-xjenzat forensiku Azriel Gorski jemmnu li l-fdalijiet jaf kienu ta' Rumani li r-ribelli kienu qabdu meta ssekwestraw il-gwarniġjon.

Fir-rigward tal-fdalijiet sparpaljati ta' 24 ruħ li nstabu fl-għar tan-Nofsinhar fil-bażi tal-irdum, l-iskavatur Yigael Yadin ma kienx ċert dwar l-etniċità tagħhom. L-istabbiliment tar-rabbi kkonkluda li kienu l-fdalijiet tad-difensuri Lhud, u f'Lulju 1969 reġgħu ndifnu bħala Lhud f'ċerimonja statali. Id-datazzjoni bir-radjokarbonju tat-tessuti li nstabu flimkien mal-fdalijiet fl-għar tindika li kienu kontemporanji ta' żmien ir-rewwixta, u kien preżenti wkoll għadam tal-ħnieżer, xi ħaġa li okkażjonalment kienet dovuta għas-sagrifiċċji ta' ħnieżer matul id-difniet tar-Rumani. Dan jindika li l-fdalijiet jaf kienu ta' suldati Rumani jew ċittadini mhux Lhud li okkupaw is-sit qabel jew wara l-assedju. Zias kellu dubji dwar jekk kienx hemm il-fdalijiet ta' 24 individwu, peress li 4 % biss ta' dak l-għadd ta' għadam ġie rkuprat.

Żerriegħa ta' Siġra tal-Palm tat-Tamal ta' Żmien ir-Rumani

[immodifika | immodifika s-sors]

Żerriegħa ta' siġra tal-palm tat-tamal tal-Ġudea ta' 2,000 sena ilu, li ġiet skoperta matul l-iskavi arkeoloġiċi fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20, irnexxielha tasal għall-ġerminazzjoni f'pjanta tat-tamal, magħrufa popolarment bħala "Methuselah", f'ġieħ l-iktar figura anzjana tal-Bibbja bl-Ebrajk. Dak iż-żmien, kienet l-iktar ġerminazzjoni antika magħrufa, u baqgħet hekk sa ma ġie stabbilit rekord ġdid fl-2012. Sa Frar 2024 kienet l-eqdem ġerminazzjoni minn żerriegħa.

Monasteru Biżantin

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fdalijiet ta' knisja Biżantina li tmur lura għas-sekli 5 jew 6 ġew skavati fuq il-promontorju.

Arkeoloġija vs Josephus

[immodifika | immodifika s-sors]

Sejbien ta' ebda binja tal-Ażmonej

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tim ta' Yadin ma rnexxielu jsib l-ebda fdal arkitettoniku ta' żmien l-Ażmonej; l-uniċi sejbiet li jmorru lura għal dak il-perjodu huma l-bosta muniti ta' Alessandru Jannaeus. Ir-riċerkaturi spekulaw li s-sezzjoni tal-Lbiċ tal-Palazz tal-Punent u l-binjiet awżiljarji fil-Lvant u fin-Nofsinhar tiegħu jaf imorru lura għal żmien l-Ażmonej, minħabba xebħ mal-Palazzi Tewmin ta' Ġeriko. Madankollu, l-iskavaturi tagħhom ma rnexxielhom jagħmlu l-ebda skoperta arkeoloġika biex jappoġġaw din is-suppożizzjoni.

Deskrizzjoni mhux akkurata

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont Shaye Cohen, l-arkeoloġija turi li r-rakkont ta' Josephus "mhuwiex komplut u mhuwiex akkurat". Josephus jikteb dwar palazz wieħed biss; l-arkeoloġija żvelat tnejn. Id-deskrizzjoni tiegħu tal-Palazz tat-Tramuntana fiha diversi ineżattezzi, u huwa jagħti figuri eżaġerati rigward l-għoli tas-swar u tat-torrijiet. Hemm ukoll kontradizzjoni mar-rakkont ta' Josephus mill-"skeletri fl-għar, u l-bosta nirien separati".

Storiċità ta' suwiċidju tal-massa

[immodifika | immodifika s-sors]

Skont Josephus, l-assedju ta' Masada mit-truppi Rumani mit-73 sal-74 W.K., fl-aħħar tal-Ewwel Gwerra bejn il-Lhud u r-Rumani, intemm f'suwiċidju tal-massa ta' 960 Sikarju ribelli li kienu qed jinħbew hemmhekk. Madankollu, l-evidenza arkeoloġika relevanti għal dan l-avveniment hija ambigwa u rrifjutata għalkollox minn xi studjużi. Eric Cline jemmen ukoll li Josephus qed jerġa' jirrakkonta avveniment simili li seħħ matul l-Assedju ta' Yodfat. Hemmhekk, Josephus u suldat ieħor, l-aħħar persuni li baqgħu ħajjin, iddeċidew li jarrendu minflok joqtlu lil xulxin.

Fażijiet u konfigurazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Mudell tal-Palazz tat-Tramuntana.

Masada hija eżempju tal-arkitettura ta' żmien Erodi u kienet l-ewwel sit iffortifikat minn Erodi l-Kbir wara li kiseb il-kontroll tar-renju tiegħu.

Fażi I: il-Palazz tal-Punent

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel fażi minn tliet fażijiet ta' kostruzzjoni fi żmien Erodi bdiet fil-35 Q.K. Matul l-ewwel fażi nbena l-Palazz tal-Punent, flimkien ma' tliet palazzi iżgħar, maħżen u barrakki għall-armata. Matul din il-fażi tlestew ukoll tliet barumbari b'għamla ta' torrijiet u pixxina fin-naħa tan-Nofsinhar tas-sit.

Iċ-ċentru oriġinali tal-Palazz tal-Punent kien kwadru u kien aċċessat minn bitħa fil-beraħ fin-naħa tal-Majjistral tal-binja. Il-bitħa kienet il-kompartiment ċentrali tal-Palazz tal-Punent u minnha l-viżitaturi kienu jaslu lejn portiku li kien jintuża bħala post għall-akkoljenza tal-viżitaturi. Imbagħad il-viżitaturi kienu jittieħdu lejn is-sala tat-tron. Biswitha kien hemm kuritur li kien jintuża mir-re, b'kamra privata fejn kien jilbes, li kellha wkoll entrata oħra kkollegata mal-bitħa permezz ta' sala bil-mużajk. Din is-sala bil-mużajk kien fiha taraġ li kien jagħti għat-tieni sular bi kmamar tas-sodda separati għar-re u għar-reġina.

Fażi II: il-Palazz tat-Tramuntana

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tieni fażi ta' kostruzzjoni fil-25 Q.K. kienet tinkludi żieda mal-Palazz tal-Punent, kumpless kbir għall-ħżin tal-ikel, u l-Palazz tat-Tramuntana. Il-Palazz tat-Tramuntana huwa wieħed mill-iktar palazzi-fortizzi lussużi ta' Erodi, u nbena fil-quċċata tal-għolja fuq in-naħa tat-Tramuntana ta' Masada u jkompli sa żewġ sulari 'l isfel, sat-tarf tal-irdumijiet. L-art imtarrġa ta' fuq tal-Palazz tat-Tramuntana kienet tinkludi l-kwartieri residenzjali tar-re u portiku b'għamla ta' nofs ċirku li kien jipprovdi veduta tal-inħawi. Fuq in-naħa tal-Punent kien hemm taraġ li kien jagħti għall-art imtarrġa tan-nofs b'sala tar-riċevimenti ċirkolari dekorattiva. L-art imtarrġa t'isfel kienet tintuża wkoll għar-riċevimenti u għall-banketti. Kienet magħluqa mill-erba' naħat b'portiċi u kienet tinkludi banjijiet Rumani.

Fażi III: is-Swar

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-15 Q.K., matul it-tielet u l-aħħar fażi ta' kostruzzjoni, is-sit kollu ta' Masada — għajr il-Palazz tat-Tramuntana — ġie mdawwar bi swar difensivi, li kienu jikkonsistu minn ħajt dobblu bi spazju fin-nofs li kien maqsum fi kmamar b'ħitan perpendikolari; dawn kienu jintużaw bħala l-kwartieri residenzjali għas-suldati u bħala spazju addizzjonali għall-ħżin. Il-Palazz tal-Punent ġie estiż ukoll għat-tielet darba biex jinkludi iktar kmamar għall-qaddejja u għall-qadi ta' dmirijiethom.

Pjanta tas-sit
  1. Daħla tal-Mogħdija Mserrpa
  2. Abitazzjonijiet tar-ribelli
  3. Għar monastiku Biżantin
  4. Ċisterna tal-ilma tal-Lvant
  5. Abitazzjonijiet tar-ribelli
  6. Mikveh
  7. Daħla tan-Nofsinhar
  8. Abitazzjonijiet tar-ribelli
  9. Ċisterna tal-ilma tan-Nofsinhar
  10. Forti tan-Nofsinhar
  11. Pixxina
  12. Palazz żgħir
  13. Barumbara b'għamla ta' torri tond
  14. Post fejn kien jitħejja l-mużajk
  15. Palazz żgħir
  16. Palazz żgħir
  17. Pixxina mtarrġa
  18. Palazz tal-Punent: żona tas-servizzi
  19. Palazz tal-Punent: żona residenzjali
  20. Palazz tal-Punent: imħażen
  21. Palazz tal-Punent: żona amministrattiva
  22. Torri tal-konziera
  23. Daħla Biżantina tal-Punent
  24. Barumbari b'għamla ta' torrijiet
  25. Singagoga
  26. Knisja Biżantina
  27. Barrakki
  28. Kumpless tat-Tramuntana: residenza grandjuża
  29. Kumpless tat-Tramuntana: barriera
  30. Kumpless tat-Tramuntana: kwartieri ġenerali tal-kmandant
  31. Kumpless tat-Tramuntana: torri
  32. Kumpless tat-Tramuntana: bini amministrattiv
  33. Kumpless tat-Tramuntana: daħla
  34. Kumpless tat-Tramuntana: imħażen
  35. Kumpless tat-Tramuntana: banjijiet
  36. Kumpless tat-Tramuntana: daħla tal-ilma
  37. Palazz tat-Tramuntana: art imtarrġa ta' fuq
  38. Palazz tat-Tramuntana: art imtarrġa tan-nofs
  39. Palazz tat-Tramuntana: art imtarrġa t'isfel

A. Bċejjeċ tal-fuħħar bil-kitbiet imnaqqxin li nstabu fil-fortifikazzjonijiet B. Sala tat-tron ta' Erodi C. Mużajk ikkulurit D. Il-punt fejn ir-Rumani rnexxielhom ikissru s-swar u jidħlu E. Fejn instabu bosta muniti F. Fejn instabu diversi bċejjeċ tal-fuħħa bil-kitbiet imnaqqxin G. Fejn instabu tliet skeletri

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Masada ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Turiżmu modern

[immodifika | immodifika s-sors]
Pittura ta' Masada ta' Edward Lear, 1858.

Fl-2007, il-Mużew ta' Masada bħala Mafkar ta' Yigael Yadin infetaħ fis-sit, u fih jintwerew is-sejbiet arkeoloġiċi f'ambjent teatrali. Bosta mill-artefatti għall-wiri nstabu minn Yadin u mit-tim arkeoloġiku tiegħu mill-Università Ebrajka ta' Ġerusalemm matul is-snin 60 tas-seklu 20.

Is-sit arkeoloġiku jinsab fil-Park Nazzjonali ta' Masada, u biex wieħed iżur il-park irid iħallas miżata tad-dħul (anke jekk bil-mixi). Hemm żewġ mogħdijiet għall-mixi, it-tnejn li huma weqfin ħafna:

  • Il-Mogħdija Mserrpa tibda min-naħa tal-Lvant fil-Mużew ta' Masada (l-aċċess huwa mill-Awtostrada tal-Baħar Mejjet) u titla' sa madwar 301 metru (988 pied) bħala elevazzjoni.
  • Il-Mogħdija tar-Rampa tar-Rumani hija wieqfa ħafna wkoll, iżda b'inqas elevazzjoni, u wieħed jaċċessaha min-naħa tal-Punent tal-għolja (l-aċċess bil-karozza huwa mit-triq ta' Arad).

Min iħobb jimxi spiss jibda xi siegħa qabel ma titla' x-xemx, meta jiftaħ il-park, biex jevita s-sħana ta' nofsinhar, li tista' taqbeż it-43 °C (109 °F) fis-sajf. Fil-fatt, il-mogħdijiet għall-mixi spiss jingħalqu matul il-jum fis-sajf minħabba s-sħana. Il-viżitaturi jiġu mħeġġa jġibu l-ilma tax-xorb magħhom għal waqt il-mixi, peress li l-ilma huwa disponibbli biss fil-quċċata.

Inkella, għal miżata iktar għalja, il-viżitaturi jistgħu jużaw il-cable car (il-cableway ta' Masada tiftaħ fit-8 ta' filgħodu) sal-quċċata tal-promontorju.

Fil-bażi tal-cableway hemm ċentru għall-viżitaturi u l-mużew.

F'xi ljieli fis-sajf jintwera spettaklu bid-dwal u bil-mużika fuq in-naħa tal-Punent tal-għolja (l-aċċess bil-karozza jkun mit-triq ta' Arad u l-aċċess bil-mixi jkun permezz tal-Mogħdija tar-Rampa tar-Rumani).

Leġġenda ta' Masada

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-leġġenda ta' Masada tirrakkonta l-ġrajja Żionista bikrija tal-Assedju ta' Masada, narrattiva misluta u msejsa abbażi tar-rakkont ta' Josephus, bis-Sikarji minflok deskritti bħala eroj nazzjonali, u fejn is-Sikarji ġew deskritti bħala grupp partikolari miż-Żeloti.

L-assedju ta' Masada u l-leġġenda ta' Masada li tirriżulta minnu spiss jitqiesu sinifikanti f'Iżrael bħala "simbolu tal-eroiżmu Lhudi". Skont Klara Palotai, "Masada saret simbolu tar-reżistenza erojka għall-Istat ta' Iżrael u kellu rwol ewlieni għal Iżrael fit-tiswir tal-identità nazzjonali".

Għal Iżrael, kienu simbolu tal-qlubija tal-ġellieda ta' Masada, tal-qawwa li ħarġet fid-dieher meta rnexxielhom jirreżistu u jżommu l-kontroll tal-fortizza ta' Masada għal kważi 3 snin, kif ukoll tal-għażla tagħhom li jippreferu l-mewt minflok il-jasar fit-taqbida kontra imperu daqstant aggressiv. Masada kienet saret "l-ispazju fejn ħareġ fid-dieher il-wirt nazzjonali" u s-sit ta' ċerimonji militari. Palotai jiddikjara kif Masada "bdiet issir attraenti ferm għall-arkeoloġija" minħabba li s-sit stess kien attira lil nies minn madwar id-dinja kollha biex jgħinu ħalli jinstabu l-fdalijiet tal-fortizza u tal-battalja li seħħet hemmhekk.

It-Tieni Gwerra Dinjija

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ġrajja ta' Masada ispirat il-"pjan ta' Masada" imfassal mill-Brittaniċi matul l-era tal-Mandat. Il-pjan kien li l-pożizzjonijiet difensivi fuq l-Għolja tal-Karmnu jiġu ssorveljati minn inġenji Palmach, sabiex irażżnu l-imxija mistennija ta' Erwin Rommel tul ir-reġjun fl-1942. Il-pjan ġie abbandunat wara t-telfa li ġarrab Rommel f'El Alamein.

Armata ta' Iżrael

[immodifika | immodifika s-sors]
Sett ta' tliet bolol postali kommemorattivi ta' Masada, maħruġa f'Iżrael fl-1965.

Il-kap tal-persunal tal-Forzi tad-Difiża ta' Iżrael (IDF, Israel Defence Forces), Moshe Dayan, ta bidu lill-prattika li fil-quċċata ta' Masada tiġi organizzata ċ-ċerimonja tal-ġurament tas-suldati tal-Korpi Armati ta' Iżrael li jkunu temmew it-tironut (taħriġ bażiku tal-IDF). Iċ-ċerimonja kienet tintemm bid-dikjarazzjoni: "Masada ma għandhiex terġa' taqa' f'idejn l-għadu". Is-suldati kienu jitilgħu mill-Mogħdija Mserrqa billejl u kienu jieħdu l-ġurament f'ambjent mixgħul bit-torċi. Dawn iċ-ċerimonji issa jsiru wkoll f'postijiet importanti oħra, fosthom il-Mafkar tal-Korpi Armati f'Latrun, il-Ħajt tan-Newwieħa u l-Għolja tal-Munizzjon f'Ġerusalemm, il-Ħabs ta' Akko u l-bażijiet tat-taħriġ.

Fil-kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Minisensiela dwar iċ-ċittadella ġiet imxandra fl-1981.
  • Il-lottatur Amerikan Lhudi, li kien light welterweight champion, Cletus Seldin, jilbes ġakketta li fuq daharha kien hemm il-kitba "Ftakru fil-Masada".
  • Masada dehret matul id-disa' u l-għaxar episodji ta' The Amazing Race Australia 1 (2011).
  • Fl-2017, Jean Michel Jarre tella' kunċert tal-mużika elettronika qrib il-fortizza.
  • Masada hija s-sit ewlieni fejn inħadem ir-raba' staġun ta' Preacher.
  • 'XK Masada' huwa l-isem f'kodiċi ta' pjaneta ta' refuġju mbiegħda tal-kontinwità tal-kmand f'"A Colder War".
  • Masada hija sit ewlieni fejn ġie ambjentat ir-rumanz The Dovekeepers kif ukoll id-dramm televiżiv maqsum f'żewġ partijiet tal-istess isem.
  • Masada huwa t-titlu ta' kanzunetta u ta' album iddedikati lis-sit mill-kantant reggae mill-Kosta tal-Avorju Alpha Blondy.
  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Masada". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-02-19.