Mary Moser

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Mary Moser
MaryMoser.jpg
Ħajja
Twelid Londra, 27 Ottubru 1744
Nazzjonalità Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda
Gran Brittanja
Żvizzera
Mewt Londra, 2 Mejju 1819
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni illustratur botaniku
pittur
Sħubija Akkademja Rjali tal-Arti
Moviment artistiku pittura tal-fjuri

Mary Moser (twieldet fis-27 ta' Ottubru 1744 – mietet fit-2 ta' Mejju 1819) kienet pittriċi Ingliża u waħda mill-iktar artisti nisa rinomati tar-Renju Unit fis-seklu 18. Mary Moser kienet waħda minn żewġ membri nisa li kienu l-fundaturi tal-Akkademja Rjali (bl-Ingliż: Royal Academy) fl-1768 (flimkien ma' Angelica Kauffman). Hija pittret diversi ritratti iżda baqgħat magħrufa b'mod partikolari għall-pitturi tagħha ta' fjuri differenti.[1]

Ħajja u karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Mary Moser twieldet Londra u ġiet imħarrġa minn missierha George Michael Moser (1706-1783) li kien twieled l-Iżvizzera u kien artist inġenerali u bl-enemel. It-talenti tagħha kienu evidenti minn età bikrija: rebħet l-ewwel medalja tagħha mill-Għaqda tal-Arti (bl-Ingliż: Society of Arts) meta kellha 14-il sena[2], u regolarment kienet teżibixxi pitturi ta' fjuri, u okkażjonalment pitturi storiċi, fis-Society of Arts tal-Gran Brittanja. Madankollu, għaxar snin wara, il-kilba tagħha għar-rikonoxximent professjonali wassalha biex tissieħeb ma' 35 artist (inkluż missierha) sabiex flimkien isawru l-Akkademja Rjali, u ma' Angelica Kauffman, kellha rwol attiv fil-proċedimenti.[3]

F'ritratt fi grupp ta' Johan Zoffany, The Academicians of the Royal Academy (L-Akkademiċi tal-Akkademja Rjali; 1771-1772; il-Kollezzjoni Rjali, Londra), il-membri jidhru miġbura madwar mudell maskili għerwien fi żmien meta n-nisa kienu esklużi minn tali taħriġ sabiex jipproteġu l-modestà tagħhom. Sabiex Moser u Kauffman setgħu jiġu inklużi, Zoffany żiedhom bħala ritratti mdendlin mal-ħajt.[2]

Pittura ta' Mary Moser fil-Mużew ta' Brooklyn, l-Istati Uniti

George Romney (għall-ħabta tal-1770) pitter ritratt ta' Mary Moser waqt li kienet qed tpitter pittura tan-natura mejta li ġie akkwistat min-National Portrait Gallery (Londra) fl-2003.[4]

Fis-snin 90 tas-seklu 18, Mary Moser irċeviet kummissjoni prestiġjuża, li għaliha tħallset iktar minn £900, mir-Reġina Charlotte biex twettaq skema dekorattiva bil-fjuri għal kamra f'Frogmore House f'Windsor, Berkshire.[5] Din il-kummissjoni kienet waħda mill-aħħar xogħlijiet professjonali tagħha; wara li żżewġet mal-Kaptan Hugh Lloyd fit-23 ta' Ottubru 1793, hija rtirat u bdiet teżibixxi x-xogħol tagħha bħala dilettanta b'kunjom żewġha.[1] Mary Moser kompliet teżibixxi xi xogħlijiet fl-Akkademja Rjali sal-1802.[2]

F'dak il-perjodu, Mary Moser kellha relazzjoni ekstrakonjugali mhux mistura ma' Richard Cosway, li dak iż-żmien kien isseparat minn martu Maria. Hija vvjaġġat miegħu għal sitt xhur fi vjaġġ tal-iskeċċjar/tat-tpinġijiet fl-1793. Fid-dokumenti tiegħu fejn kien jikteb xi noti, huwa kiteb “dikjarazzjonijiet mimlija żina” u “tqabbil invidjuż bejnha u bejn is-Sinjura Cosway”, fejn kien jimplika li Mary Moser kienet iktar sesswalment risponsiva minn martu.[6] Moser mietet f'Upper Thornhaugh Street, Londra, fit-2 ta' Mejju 1819, u ġiet midfuna maġenb ir-raġel tagħha fiċ-Ċimiterju ta' Kensington.[5]

Legat[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li Moser mietet fl-1819, l-ebda mara oħra ma ġiet eletta bħala membru sħiħ tal-Akkademja sad-Dama Laura Knight fl-1936.[1]

Iktar Qari[immodifika | immodifika s-sors]

  • de Bray, Lys (2001). The Art of Botanical Illustration: A history of classic illustrators and their achievements, p. 72. Quantum Publishing Ltd., Londra. ISBN 1-86160-425-4.
  • Paris Spies-Gans, “Mary Moser: Portraitist,” Journal 18 Issue 8 Self/Portrait (Fall 2019).[7]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c Brian Stewart & Mervyn Cutten (1997). The Dictionary of Portrait Painters in Britain up to 1920. Antique Collectors' Club. ISBN 1-85149-173-2.
  2. ^ a b c "Gallery honours pioneering woman painter". the Guardian (bl-Ingliż). 2003-09-24. Miġbur 2021-05-02.
  3. ^ "Mary Moser and Angelica Kauffman: the RA's founding women | Blog | Royal Academy of Arts". www.royalacademy.org.uk. Miġbur 2021-05-02.
  4. ^ "Mary Moser - National Portrait Gallery". www.npg.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-02.
  5. ^ a b Moser, Mary. 39. Miġbur 2021-05-02.
  6. ^ Schuchard Martha, Why Mrs Blake Cried: William Blake and the Erotic Imagination, Pimlico, 2007, p. 253.
  7. ^ Assistant (2019-11-06). "Mary Moser: Portraitist" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-02.