Marjanu Vella
Marjanu Vella | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Tas-Sliema, 14 Diċembru 1927 |
Nazzjonalità | Malta |
Mewt | 25 Frar 1988 |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Malti |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | poeta |
Patri Marjanu Vella (Tas-Sliema, 14 ta' Diċembru 1927 - 25 ta' Frar 1988), kien poeta u Patri Franġiskan Minuri.
Studju
[immodifika | immodifika s-sors]Studja fi Stella Maris College u l-Liċeo u ġab il-Matrikola fil-Malti u t-Taljan. Ta' 18-il sena daħal patri (O.F.M.) u qaddes fl-1952. Kiseb il-lettorat fl-ilsien u l-letteratura Taljana fl-1960.
Għallem il-Malti u t-Taljan.
Poeżiji
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel poeżija tiegħu kitibha meta kien għadu l-Liċeo. Il-kitbiet tiegħu bdew jidhru f' Leħen il-Malti u fl-antoloġiji Il-Muża Maltija, Linji Ġodda u Poeti Maltin.
Ix-xogħlijiet tiegħu jinsabu miġbura f’ Ġiżimin Aħmar (1958), Dgħajjes tal-Karti (1969), Ħitan tas-Sejjieħ (1975), Ġarġir mal-Ħerża (1979), u Qoffa Riħ (1985).
Fl-1975, Ħitan tas-Sejjieħ intgħażel bħala test għall-istudenti tal-Malti fil-Matrikola.
Numru sew ta' poeżiji tiegħu nqalbu għall-Ingliż u t-Taljan.
Il-Prof. Oliver Friggieri janalizza hekk il-poeżija ta' Vella:
"Il-lirika tiegħu, oriġinali u personali ħafna, hi mfassla sikwit fuq il-Vanġelu jew fuq siltiet bibliċi. Il-ġrajjiet ta’ kuljum huma mbiddla f’xhieda tal-preżenza ta’ Alla fil-ħajja, waqt li n-niket huwa dejjem mogħti tifsira reliġjuża. Tema ewlenija fil-versi tiegħu hija l-ħtieġa tal-bniedem li jifhem il-misteru u jiltaqa’ ma’ Alla.
Il-kelma mhux biss titniżżel fuq il-karta bil-qies li titlob is-sengħa tal-kitba, iżda tirrifletti qagħda ġewwiena, esperjenza mġarrba tassew mill-awtur. Il-poeżija ta’ Marjanu Vella mhix magħluqa f’gaġġa provinċjali, ristretta fiċ-ċokon tal-lokalità Maltija, hi miftuħa biex tħaddan temi universali, ħielsa minn kull irbit ma’ żmien u spazju partikulari. Dan hu xkiel li sikwit il-poeżija Maltija tas-sittinijiet u tal-bidu tas-sebgħinijiet qajla rnexxielha tegħleb. Kontra ta’ dan, Marjanu Vella nxteħet mill-ewwel fil-kurrent ta’ ħsieb u ta’ sentiment li mhumiex tipiċi ta’ gżira ċkejkna.
It-tematika tiegħu hi nisranija u mistika. Bħal Dun Karm, Rużar Briffa, Anton Buttigieg u Karmenu Vassallo huwa jixrob min-nixxiegħa tat-tiġrib. Għal Vella l-ogħla quċċata fil-ġrajja tal-umanità tibqa’ dik li tirrappreżenta lid-divinità tmiss mal-umanità. Il-Kruċifissjoni ta’ Kristu tibqa’ għajn tal-akbar ispirazzjoni, kif fil-fatt għadha għal bosta artisti tas-seklu għoxrin. Il-bniedem imġarrab jagħraf lilu nnifsu fit-tislib, fit-tbatija li l-aqwa eżempju tagħha seħħ fuq il-Golgota. Fit-tema ċentrali tiegħu, jinġabru t-temi l-oħra kollha, ilkoll varjazzjonijiet tal-ħsieb Nisrani li l-bniedem jinsab fid-dinja biex bit-tbatija tiegħu jasal għall-ħelsien dejjiemi mit-tbatija. Il-kontenut bibliku jitbiddel f’kontenut liriku u ritwalistiku."
Xogħlijiet oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-1952 u l-1964 kiteb tmien bijografiji li kollha reġgħu ġew stampati t-tieni darba.
Fl-1985 kiteb Oratorjo Madonna tas-Sacro Cuor u, fl-1989, Demm fuq il-Verna li ġew immużikati mill-Maestro Prof. Joseph Vella li ttellgħu f'diversi okkażjonijiet. Dawn iż-żewġ oratorji flimkien ma' xi poeżiji, li kitibhom fiż-żmien li kien l-isptar, ġew ippubblikati ftit wara mewtu, fl-1989 fi ktieb bl-isem Demm fuq il-Verna.