Maria Adeodata Pisani
Maria Adeodata Pisani | |||
---|---|---|---|
![]() | |||
| |||
Ħajja | |||
Twelid | Napli, 29 Diċembru 1806 | ||
Mewt | Mdina, 25 Frar 1855 | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni | soru | ||
Festa | |||
25 ta' Frar |
Maria Adeodata Pisani (Ordni ta’ San Benedittu, 29 ta’ Diċembru 1806 - 25 ta’ Frar 1855) kienet soru Benedittina Kattolika Maltija fil-monasteru ta’ San Pietru l-Imdina, Malta.
Pisani ġiet ibbeatifikata mill-Papa Ġwanni Pawlu II fid-9 ta’ Mejju 2001. Numru ta’ isqfijiet ħarġu wkoll ittra pastorali , fejn enfasizzaw id-diffikultajiet serji li kellha taffaċċja. Huma stqarrew li Pisani kellha “tfulija diffiċli minħabba li l-ġenituri tagħha ma kinux jgħixu flimkien”. Qalu wkoll li hi rrinunzjat ġidha u użatu għall-karità u għexet bħala soru tal-klawsura minn jeddha.
Ħajja
[immodifika | immodifika s-sors]Maria Teresa Pisani twieldet fid-29 ta’ Diċembru 1806 f’Napli, u tgħammdet dakinhar stess fil-Parroċċa ta’ San Mark f’Pizzofalcone. Pisani kienet l-unika bint tal-Baruni Benedetto Pisani Mompalao Cuzkeri u Vincenza Carrano. Missierha kellu t-titlu Malti ta’ Barun ta’ Frigenuini u ommha kienet Taljana.
Missierha qabad il-vizzju tax-xorb u dan eventwalment wassal għall-problemi fiż-żwieġ, tant li meta Pisani kienet għadha ċkejkna, ommha telqet mid-dar konjugali u fdat lil bintha f’idejn il-kunjata, Elisabeth Mamo Mompalao, li kienet tgħix Napli. Mompalao mietet meta n-neputija tagħha Maria Teresa kellha biss għaxar snin. Wara l-mewt ta’ nannitha, intbagħtet tgħix fl-Istituto di Madama Prota, skola rinomata f’Napli li kienet teduka l-bniet tal-aristokratiċii tal-lokal. [1]
Fl-1821, missierha kien involut f’rewwixta f’Napli u kien imfittex mill-awtoritajiet. Minħabba li kien ċittadin Brittaniku, is-sentenza tiegħu ġiet sospiża u r-Re Ferdinandu II ta’ Napli keċċieh mil-pajjiż, u ġie deportat f’Malta. Fl-1825, Pisani u ommha marru joqgħodu r-Rabat Malta ma’ xi qraba.[2]
Barra diversi problemi ta’ saħħa, Pisani kellha deformazzjoni fl-ispalla kkawżata minn seftura li kienet issawwatha meta kienet tgħix ma’ nannitha f’Napli. Għalkemm ommha ppruvat iżżewwiġha, Pisani rriffjutat kull proposta matrimonjali u għażlet li tgħix ħajja trankwilla billi tiffrekwenta l-Knisja u tgħin lill-foqra. Xtaqet tidħol fil-Monasteru ta’ San Pietru bħala novizza.[2] Minkejja li ommha ppruvat tbiddlilha fehemitha, Pisani kienet determinata li tidħol soru tal-klawsura.
Meta għalqet 21 sena, ingħaqdet mal-komunità Benedittina tas-sorijiet tal-klawsura fil-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina u għażlet l-isem Maria Adeodata (" mogħtija minn Alla”). [2] Hi ħadet il-voti ta’ soru sentejn wara. Fil-monasteru, Pisani kienet tinqala’ ħafna biex taħdem il-bizzilla. Hi kellha bosta rwoli fosthom ta’ sagristana, purtinara, għalliema, u majjistra tan-novizzi.[3] Il-karità tagħha kienet ta’ benefiċċju kemm għas-sorijiet fil-monasteru kif ukoll għal bosta nies barra l-kunvent. [4]
Pisani kitbet diversi xogħlijiet. L-aktar wieħed magħruf, Ġnien mistiku tar-ruħ li tħobb lil Ġesù u lil Marija hu ġabra ta’ riflessjonijiet personali tagħha bejn is-snin 1835 u 1843. [4] Dan ix-xogħol ġie deskritt bħala “kapolavur fiċ-ċokon ta’ kitba spiritwali”. [5]
Serviet ta’ badessa mill-1851 sal-1853, iżda kellha tirtira mid-doveri tagħha minħabba problemi fil-qalb. Mietet fil-25 ta’ Frar, 1855, ta’ 48 sena, u ndifnet l-għada fil-kripta tal-monasteru Benedittin fl-Imdina. [6]
Pisani baqgħet magħrufa għall-qdusija tagħha, l-imħabba għall-foqra, is-sagrifiċċji li imponiet fuqha nnfisha, u estasijiet qawwijjin tant li kienu jarawha tinqata' mill-art.[6]
Venerazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kawża ta’ Pisani infetħet formalment fid-29 t’April 1898, fejn ingħatat it-titlu ta’ Qaddejja t' Alla. Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarha Beata fid-9 ta’ Mejju 2001, il-Furjana, Malta. [6] [7] Skont il-Papa, il-miraklu li wassal għall-beatifikazzjoni tagħha seħħ fl-24 ta’ Novembru, 1897, meta l-badessa Giuseppina Damiani mill-Monasteru ta’ San Ġwann il-Battista f’Subiaco, l-Italja, fieqet f’daqqa waħda minn tumur fl-istonku bl-interċezzjoni ta’ Maria Pisani. [8] Wara l-beatifikazzjoni tagħha inkixef ritratt enormi tal-Beata — replika ta’ pittura biż-żejt oriġinali kkummissjonata fl-1898 minn Pietro Pace, l-Arċisqof ta’ Rodi u l-Isqof ta’ Malta. Il-Papa ħabbar ukoll li l-festa tagħha se tibda tiġi ċċelebrata fil-25 ta’ Frar, il-ġurnata tal-mewt tagħha. [7]
"It-talb, l-ubbidjenza, is-servizz lil ħutha s-Sorijiet u l-maturità li biha kienet taqdi d-doveri tagħha kienu l-elementi li sawwru l-ħajja silenzjuża u qaddisa ta’ Maria Adeodata. Mistura fil-qalba tal-Knisja, “niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej sabiex tisma x’kien qiegħed jgħid” (Luqa 10:39) u taħseb “fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art” (Kolossin 3:2). Permezz tat-talb, il-ħidma u l-imħabba tagħha, hi saret fawwara tal-ispiritwalità u l-missjoni li tagħti l-frott, u li mingħajrhom il-Knisja ma tistax tippriedka il-Vanġelu kif ordna Kristu. Dan għaliex il-missjoni u l-kontemplazzjoni jirrikjedu lil xulxin b’mod assolut (cf. Novo Millennio Ineunte). L-eżempju qaddis tas-Soru Adeodata inkoraġġixa t-tiġdid ta’ ħajja reliġjuża fil-Monasteru tagħha. Għalhekk nixtieq li bl-interċezzjoni tagħha sseħħ intenzjoni partikolari li għandi f’qalbi. Dan l-aħħar, sar ħafna xogħol sabiex il-ħajja reliġjuża tadatta għaċ-ċirkostanzi taż-żminijiet tal-lum, u l-benefiċċju ta’ dan jidher fil-ħajja ta’ bosta nisa u rġiel reliġjużi. Madanakollu, hemm bżonn jiġġeded l-apprezzament għar-raġunijiet teoloġiċi profondi ta’ din il-forma speċjali ta’ konsakrazzjoni. Għadna nistennew it-twettiq sħiħ tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan it-Tieni dwar il-valur traxxendenti tal-imħabba speċjali t’Alla u oħrajn li jwasslu għal ħajja bil-voti ta’ povertà, kastità u ubbidjenza. Nirrakommanda li n-nisa u rġiel ikkonsakrati kollha jimxu mal-eżempju ta’ maturità u responsabilità personali li kienu evidenti fil-ħajja tal-Beata Adeodata". — Papa Ġwanni Pawlu II, mill-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni tal- Maria Adeodata Pisani, 9 ta’ Mejju, 2001.
Illum, il-parti ta’ wara tal-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina hija miftuħa għall-pubbliku bħala mużew. Il-kmamar tal-Beata Adeodata Pisani fil-monasteru huma wkoll miftuħin għall-viżitaturi.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "EWTN - Footsteps of St. Paul - EWTN News". www.ewtn.com. Miġbur 2018-06-18.
- ^ a b ċ Malta, Times of (2011-02-25). "Blessed Adeodata Pisani". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2025-04-01.
- ^ Opoka, Fundacja (2001-10-30). "Bł. Maria Adeodata Pisani". Fundacja Opoka. Miġbur 2025-04-01.
- ^ a b "BLESSED MARIA ADEODATA PISANI | CBCP News". web.archive.org. 2014-03-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-03-10. Miġbur 2025-04-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Caruana Dingli, Petra (2018). Introduction : visiting St Peter's Monastery (bl-Ingliż). St Peter's Monastery.
- ^ a b ċ "BLESSED MARIA ADEODATA PISANI :: Catholic News Agency (CNA)". web.archive.org. 2017-02-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-02-25. Miġbur 2025-04-01.
- ^ a b "Malta celebrates feast of San Ġorġ Preca, a day chosen by the Pope 15 years ago - TVM News". TVM English (bl-Ingliż). Miġbur 2018-06-18.
- ^ "Maria Adeodata Pisani (1806-1855)". www.vatican.va. Miġbur 2018-06-18.