Margaritu ta' Brindisi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search

Margaritu ta' Brindisi, jew Margaritun (Brindisi, madwar 1145 – 1197 jew 1200), kien ammirall tar-Renju Normann ta' Sqallija u l-ewwel konti ta' Malta.

Margaritu f'inciżjoni tsa-seklu 17

Il-ħajja[immodifika | immodifika s-sors]

Margaritu ssuċċieda l-ammiralli Ġorġ ta' Antijokja u Maione ta' Bari fit-tmexxija tal-flotta Normanna fir-renji ta' Guliermu II ta' Sqallija (1166-1189) u Tankredi ta' Sqallija (1189–1194). X'aktarx beda l-karriera tiegħu bħala pirata Grieg u forsi veru li ismu Margaritus hi l-forma Latina tal-kelma Griega Megareites (= ta' Megara). Għażel il-belt ta' Brindisi minħabba l-port tagħha, eċċezjonali għall-kobor, sigurtà u l-pożizzjoni ġeografika tajba tiegħu. Kien jgħix u jżomm il-parti l-kbira tal-flotta hemm. In-nies ta' żmienu kellhom rispett kbir għall-kwalitajiet li kellu tant li kienu jsejħulu Rex maris jew Novus Neptunus; l-għedewwa tiegħu kienu jibżgħu ħafna minnu u ma kinux iqisuh ħlief arċipirata.

Margaritu jidher għall-ewwel darba ma' ġenb Tankredi, dak iż-żmien konti ta' Lecce u f'ras il-flotta fil-ġlieda mmexxija minn Guliermu II kontra l-Biżantini. Madwar l-1185 okkupa l-gżejjer Jonji u wara assalta l-gżira ta' Patmos. Fil-ħarifa tal-1186 mexxa l-flotta Normanna kontra Ċipru (fejn il-gvernatur, Iżaqq Komnenu kien irbella kontra Biżanzju) u f'attakk bla rażan qabad 70 galeja tal-imperatur Biżantin, Iżaqq II Anġlu li sofra l-ikbar telfa navali tal-imperu tal-Orjent bid-deportazzjoni għal Sqallija tal-ġenerali Biżantini. Wara Margaritu nħatar konti ta' Zakintos, Ċefalonja u Itaka.

Fil-ħarifa tal-1187, ir-re Guliermu II bagħtu l-Art Imqaddsa wara li Saladin kien irrikonkwista Ġerusalemm. Margaritu, b'60 frejgata u 200 kavalier, għases ix-xtajtatiet tal-Palestina il-ħin kollu u ma ħalliex lil Saladin li jokkupa l-portijiet l-oħra tal-kruċjati. Fl-aħhar fl-Lulju tal-1188 niżel Tripli, u ġiegħel lil Saladin li jirtira, u keċċa s-saraċini anki minn Marqab, Latakja u Tiru.

Meta miet Guliermu (Novembru tal-1189) Margaritu mar lura Sqallija u appoġġa bil-qawwa lil Tankredi fil-ġlieda għat-tron. Xorta waħda, is-sena ta' wara kellu jħalli l-port ta' Messina minħabba l-attakk minn Rikkardu Qalb ta' Ljun li għamel ħerba mill-belt (4 ta' Ottobru 1190). Margaritu dejjem iddefenda l-interessi ta' Tankredi fuq kollox fil-konfronti tiegħu mar-re tal-Ġermanja Enriku VI, li kien iżżewweġ iz-zija ta' Tankredi, Costanza d'Altavilla u dehrlu li kellu dritt għar-renju ta' Sqallija.

Meta Enriku VI assedja 'l Napli fis-sajf tal-1191, Margaritu mar jiġri jiddefendi l-belt, attakka l-frejgati Piżanin u ħeles il-port. Sadattant f'Salerno Costanza ttieħdet priġuniera u nġiebet Messina. Forsi kien f'din l-okkażżjoni ta' suċċess kbir li Tankredi ħatar 'l Margaritu l-ewwel konti ta' Malta (1192). It-titlu tal-konteja ta' Malta kien iġib miegħu ġid enormi u sehem inportanti, daqs tal-portijiet ta' Brindisi u Messina, fl-infrastruttura tat-tħejjija tal-frejgati tar-re, l-ankraġġ u l-impieg tal-baħrin.

Imma meta miet Tankredi (20 ta' Frar 1194) sar iżjed faċli għal Enriku VI biex jikseb il-konkwista tar-renju. Markuvaldu ta' Annweiler, f'ras il-flotta ta' frejgati Piżanin, Ġenoviżi, u Ingliżi, l-ewwel ġiegħel 'l Napli u Messina jċedu u mbagħad assedja 'l Palermo, li Margaritu ddefenda bl-aħrax sal-20 ta' Novembru. Fil-patti tar-reża, Margaritu kiseb li konkwistaturi ma jgħamlux ħerba minn Palermo u li jiġi rispettati l-ħajjiet Sibilla ta' Acerra, l-armla ta' Tankredi, u uliedha. Però, erbagħt ijem wara l-inkurunazzjoni ta' Enriku VI (fil-Milied tal-1194), Sibilla u uliedha ma' nobbli oħra tal-qorti Normanna (li fosthom kien hemm Margaritu), ġew akkużati b'rewwixta kontra Enriku, intefgħu il-ħabs u ntbagħtu l-Ġermanja.

Xi storiċi jsostnu li Margaritu miet il-Ġermania fl-1197, wara li ġie magħma u emaskulat. Oħrajn isostnu li ta' min jemminha l-istorja fil-Kronaka ta' Ruġġier ta' Hoveden, li skontha fis-sena 1200, Margaritu, kważi għama, qiegħed ruħu fis-servizz tar-re ta' Franza, Filippu II, u waqt li kien sejjer Brindisi fejn kien ġabar flotta, miet Ruma maqtul minn qaddej tiegħu.

Il-familja[immodifika | immodifika s-sors]

Iżżewweġ lil Matina, bint illeġittma ta' Guliermu I ta' Sqallija. Magħha kellu tnejn jew tlett itfal:

  • Guliermu l-Oħxon, II-konti ta' Malta
  • tifla li żżewġet lil Rikkardu Orsini u ħadet magħha bħala dota l-konteja ta' Ċefalonja u Zakintos
  • tifla oħra li żżewġet lil Leone Vetrano li ggverna 'l Corfù mill-1199 sal-1206

Il-proprjetajiet u l-legat[immodifika | immodifika s-sors]

Il-firma ta' Margaritu

Nafu li Margaritu kellu dar Messina li nħarqet matul il-ħerba li għamel mill-belt Rikkardu Qalb ta' Ljun fl-1190.

Għandna ħafna dokumenti tas-seklu 13 fuq dar oħra lussuża fuq il-port ta' Brindisi (imsejħa Domus Margariti, li kien fiha ħafna kmamar u balneum, jiġifieri banjijiet termali privati). L-ewwel Federiku II tal-Imqaddes Imperu Ruman ta lill-Kavalieri Tewtoniċi (1215), imbagħad (1229) l-imperatur hadha lura u għamilha s-sedi taz-Zekka Imperjali. Wara li z-Zekka ġiet trasferita minn Brindisi għal Napli, Karlu t'Anġù ta d-Domus Margariti lill-franġiskani ta' Brindisi biex jibnu l-kunvent tagħhom hemm (1284).

Margaritu għamel donazzjonijiet importanti: tnejn lill-knisja ta' San Nikola ta' Peratico (Colobraro) (1192 u 1194), waħda lill-monasteru tas-San Salvatur ta' Messina (1193) u oħrajn lill-knisja tal-premostratensi ta' Santa Marija ta' Parvo Ponte fi Brindisi.

Bibljografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Annales Ianuenses Otoboni Scribae, f' Annali Genovesi di Caffaro e de' suoi continuatori, II (1189-1196), ed L. T. Belgrano u C. Imperiale di Sant'Angelo (Fonti per la storia d'Italia, 1902), pp. 38-53.
  • Rogeri de Hoveden Chronica, ed. MGH SS 27 pp.181-182.
  • John Julius Norwich, The Kingdom in the Sun 1130-1194. Longman: Londra, 1970.
  • Carlo Alberto Garufi, Margaritu di Brindisi, conte di Malta e ammiraglio del re di Sqallija, in: Miscellanea di archeologia, storia e filologia dedicata al prof. Antonino Salinas, Palermo, 1907, 273-282.
  • Pasquale Camassa, Brindisini illustri. Brindisi, 1909
  • Alberto Del Sordo, Ritratti brindisini; presentazzjoni ta' Aldo Vallone. Bari, 1983
  • Donald Matthew, I normanni in Italia, Laterza, Bari 1997
  • Andreas Kiesewetter, Megareites di Brindisi, Maio di Monopoli e la signoria sulle isole ionie, "Archivio Storico Pugliese", 59, 2006, pp.46-90

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]