Aqbeż għall-kontentut

Ferrovija Maltija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Malta Railway)
L-istazzjon tal-ferrovija tal-Belt Valletta madwar l-1890

Il-Ferrovija Maltija kienet l-unika linja ferrovjarja li qatt kienet fil-gżira ta’ Malta, u kienet tikkonsisti f’linja ferrovjarja waħda mill-Belt Valletta għall-Imdina. Kienet linja single-track f’meter gauge, li kienet topera mill-1883 sal-1931. Il-ferrovija kienet magħrufa lokalment bil-Malti bħala il-vapur tal-art.

Qabel il-ftuħ

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1870, il-proġett ta' ferrovija kien propost minn ċertu John Scott Tucker,[1] inġinier li twieled l-Ingilterra u li serva wkoll f'porti fl-Azores u Bermuda.[2] Il-proġett għall-ewwel ma tantx kien popolari, iżda madwar tliet snin wara, is-sapport għalih beda jikber. Il-gvern irċieva diversi pjanijiet, iżda l-aktar wieħed żviluppat kien pjan mill-inġinier Charles Andrews. Huwa pprovda skema realistika tal-mappa ta' Malta, flimkien ma' xi tpinġijiet u ġustifikazzjonijiet għall-mappa tiegħu.[1] Il-pjanta ta' Andrews kienet magħżula mill-Gvern, u taw lilu u lill-kollega tiegħu Edward Rosenbusch biss sena biex jiffurmaw kumpanija.[1]

Eventwalment, Andrews u Rosenbuch iffurmaw il-kumpanija Valletta-Notabile Railway Co. Ltd. fl-1876, b'kapital ta' £100,000, iżda sfortunatament il-kumpanija ngħalqet minħabba li ma kellhomx saħħa u sapport daqs kemm kellhom qabel. Wara dan, il-kumpanija tal-ferrovija tal-Ingilterra u l-inġinieri Richard Gervase Elwes u l-kollega tiegħu George Wells Owen fetħu kumpanija ġdida tal-ferrovija, iżda din ingħalqet ukoll meta l-Qorti ta' Malta ikkanċellat il-kuntratt tagħhom mal-gvern.[1]

Elwes ma qatax qalbu, u kompla jaħdem fuq il-pjanijiet u t-tpinġijiet tiegħu sakemm kellu xi tip ta' sapport mill-gvern. F'Lulju tal-1880, infetħet kumpanija oħra bl-isem ta' Malta Railway Company Limited. Din il-kumpanija kienet irreġistrata f'Londra u kellha ħames diretturi fil-bord. Sadanittant, Elwes u Owen kellhom l-akbar proporzjon ta' stokk tal-kumpanija. Pjanijiet u tpinġijiet bdew jiġu ċċirkulati biex l-investituri jagħtu £60,000 lill-kumpanija. Oriġinarjament, laħqu biss £49,830, iżda dan kien biżżejjed biex jibda l-proġett. F'Novembru tal-1880, il-kuntratt biex jibda l-bini kien iffirmat mill-inġinier Frank Alexander Brown Geneste, li kellu ħafna esperjenza fejn jidħol il-bini tal-ferroviji. Il-bini beda f'Marzu tal-1881, u meta x-xogħol kien kważi lest, il-flus li kienu użaw kien ikkalkulat bħala £76,971. Geneste laħaq sar l-eżekuttiv tal-proġett. Dan ġie bir-responsabbiltà li jopera l-kumpanija b'mod effiċjenti u profitabbli.[1]

Inawgurazzjoni u tmexxija taħt Geneste

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-ferrovija kienet inawgurata fit-28 ta' Frar, 1883.[3] Bdiet tisfolla l-Belt min-nies fuq xulxin li kienu jgħixu fiha, b’mod speċjali fil-Mandraġġ, fil-ħafna kerrejiet u fl-Arċipierku. In-nies qabdu t-triq tal-Ħamrun, ta’ Birkirkara, ta’ Ħ’Attard u tar-Rabat, li bdew jikbru minn sena għal oħra. Il-Ħamrun, li sa l-1850 kellu biss mat-30 dar, f’ħamsin sena kellu popolazzjoni ta’ fuq 10,000 ruħ. Il-ferrovija bdiet tieħu post l-omnibusijiet biż-żwiemel u l-karrozzini. F'ġranet tal-festa jew xi tellieqa, il-ferrovija kienet mimlija nies, speċjalment fit-tielet klassi, li riedu jaqbdu t-triq għal xi belt partikolari. Geneste organizza xi avvenimenti hu stess sabiex il-ferrovija jkollha aktar nies. Fl-ewwel sena tagħha, 'l fuq minn 500,000 persuna użaw il-ferrovija.[1] Iż-żewġ kumpaniji tal-laneċ, bil-bandiera ħamra u bil-bandiera blu, bejn il-Belt u Tas-Sliema, ħadu ħafna mix-xogħol tad-dgħajjes u kabbru Tas-Sliema. Il-ferrovija, li kellha tinfirex lejn l-Imsida u lejn Tas-Sliema, qatgħet qalbha u l-proġett li tgħaddi minn taħt l-art bejn Putirjal u l-pjazza spiċċa wkoll fix-xejn.

Minħabba l-ammont ta' nies fit-tielet klassi, membri tal-ewwel u t-tieni klassi bdew inaqqsu, u avolja kien hemm ħafna nies fit-tielet klassi, l-ammont ta' flus xorta ma kienx biżżejjed. Problema oħra kienet li peress l-istazzjonijiet kienu miftuħin, bħalma kienu fl-Ingilterra dak iż-żmien, il-passiġġieri ġieli ma kinux iħallsu għall-biljett tagħhom. Il-ħin qasir bejn stazzjon u ieħor għamilha aktar faċli li wieħed jitla' u jinżel il-ferrovija qabel ma jgħaddi l-ispettur. Kien hemm ukoll min jibdel il-biljett tiegħu għal wieħed tal-ewwel jew it-tieni klassi, min iżomm il-biljett tiegħu biex jużah darba oħra, jibdel il-ġurnata ta' fuq il-biljett, jew ikomplu għaddejjin fuq il-ferrovija wara l-istazzjon li huma kienu ħallsu għalih. Minħabba dawn kollha, id-dħul tal-flus ma kienx biżżejjed.[1]

Ħafna mill-problemi tal-ferrovija jistgħu jiġu spjegati min-nuqqas ta' esperjenza ta' Geneste. Ma kienx iżomm il-ferrovija fi stat tajjeb, u avolja kien jaħdem ħafna biex idaħħal aktar flus, in-nuqqas ta' esperjenza u operazzjoni ħażina fuq il-magni juru li l-ħaddiema ma kellhomx biżżejjed prattika. Minkejja li dan kollu baqa' jsir, il-Gvern xorta kellu fiduċja f'Geneste. Huwa ħassu furjuż meta ra li n-nies kienu qed jgħidu li kien tort tiegħu li l-ferrovija bdiet tnaqqas fil-popolarità, għaliex fl-obitwarju tiegħu huwa msemmi li huwa mexxa l-ferrovija b'suċċess kbir u li kien jopera b'mod espert.[1][4]

Meta Geneste telaq il-kumpanija f'Novembru tal-1887, il-ferrovija tant kienet fi stat ħażin li ma baqgħetx topera b'skeda tal-ħin tajba. Passiġġieri li kienu jiddependu fuq il-ferrovija abbandunawha, u allura d-dħul tal-flus naqas. Il-probabbiltà kienet li Geneste telaq minħabba l-akkużazzjonijiet kontrih, u avolja l-evidenza kollha kienet hemmhekk, ma setax jemmen li l-falliment tal-ferrovija kien it-tort tiegħu. Wara dan ix-xogħol, Geneste mar il-Kolombja biex jaħdem fuq il-ferrovija ta' Santa Marija hemmhekk, fejn miet bit-tifu s-sena ta' wara.[1]

Il-linja tgħaqqad il-Belt Valletta u l-Imdina u numru ta’ insedjamenti bejniethom. L-ewwel żewġ stazzjonijiet, Valletta u Furjana, kienu taħt l-art. Il-Linja estiża fuq 11.1 km / 6.9 mi, tixbit 150 metru / 500 pied b'massimu ta '25 Per mil. Il-linja qasmet it-toroq bi 18-il livell ta’ qsim li minnhom 14 kellhom persunal.

  1. 1 2 3 4 5 6 7 8 9 "An Uphill Endeavor". The Malta Railway (bl-Ingliż). Miġbur 3 August 2025.
  2. "John Scott Tucker". Artefacts (bl-Ingliż). Miġbur 3 August 2025.
  3. Grima, Joseph F. (28 February 2021). "Rise and fall of the Malta Railway after its inaugurations in 1883 and 1892". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 8 August 2025.
  4. "Obituary of Frank Alexander Brown Geneste". Grace's Guide (bl-Ingliż). Miġbur 8 August 2025.