Møns Klint

Møns Klint hija medda ta' 6 kilometri ta' rdumijiet tal-ġebla tal-ġir u tal-ġibs tul il-kosta tal-Lvant tal-gżira Daniża ta' Møn fil-Baħar Baltiku, li minn Lulju 2025 sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] Uħud mill-irdumijiet huma għoljin saħansitra 120 metru 'l fuq mill-baħar.[3] L-ogħla rdum huwa dak ta' Dronningestolen, li huwa għoli 128 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.[4] L-inħawi madwar Møns Klint jikkonsistu minn boskijiet, mergħat, għadajjar u għoljiet weqfin, fosthom Aborrebjerg, li b'għoli ta' 142 metru, huwa wieħed mill-ogħla postijiet fid-Danimarka. L-irdumijiet u l-park biswithom issa huma protetti bħala riżerva naturali. Møns Klint tilqa' madwar 250,000 viżitatur fis-sena.[5] Hemm mogħdijiet immarkati b'mod ċar għan-nies bil-mixi, għaċ-ċiklisti u għall-muturi. Il-mogħdija tul il-qċaċet tal-irdumijiet twassal għal taraġ li jagħti għall-kosta f'diversi punti.
Fid-29 ta' Mejju 2007, qrib il-qċaċet tal-irdumijiet, infetaħ il-GeoCenter Møns Klint mir-Reġina Margrethe. Il-mużew ġie ddisinjat minn PLH Architects, ir-rebbieħa ta' kompetizzjoni internazzjonali tad-disinn.[6]
Fit-13 ta' Lulju 2025, Møns Klint kien wieħed mis-siti indikattivi li saru Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][7][8]

Il-ġibs li jifforma l-irdumijiet jikkonsisti mill-fdalijiet ta' qxur tal-baħar minn miljuni ta' ħlejqiet mikroskopiċi (kokkolitofori) li għexu f'qiegħ il-baħar iktar minn 70 miljun sena ilu. Minħabba pressjoni enormi miċ-ċaqliq tal-glaċieri lejn il-Punent, l-art ġiet ikkumpattata u ġiet imbottata 'l fuq, u b'hekk iffurmat għadd ta' għoljiet u xaqlibiet. Meta s-silġ dab fi tmiem l-aħħar era glaċjali madwar 11,000 sena ilu, tfaċċaw l-irdumijiet.[3] Dawn jiffurmaw parti mill-istess depożiti bħall-irdumijiet ta' Rügen, il-Ġermanja, fuq in-naħa l-oħra tal-Baħar Baltiku. Illum il-ġurnata, wieħed jista' jsib xi fossili ta' kull tip ta' qxur tal-baħar peress li l-baħar għadu qed ikompli jiekol mill-ġibs. L-erożjoni wasslet ukoll biex wieħed mill-ogħla punti fl-irdumijiet, magħruf bħala "Sommerspiret", jaqa' l-baħar fl-1998, u f'Jannar 2007, kien hemm ċediment tal-art ferm ikbar madwar Store Taler, fin-naħa tat-Tramuntana tal-irdumijiet, li ħoloq peniżola twila 300 metru tal-ġibs u siġar donnhom ħerġin 'il barra lejn il-baħar.
Natura
[immodifika | immodifika s-sors]
Minħabba n-natura speċjali tal-ħamrija bil-ġibs, hemm bosta pjanti rari fl-inħawi, b'mod partikolari diversi varjetajiet ta' orkidej li jkunu fl-aqwa tagħha fil-bidu tas-sajf.[9] B'mod partikolari, l-orkidea t-twila (Orchis purpurea) tikber taħt it-taraġ li jagħti sal-bajja. Il-ġibs jipprovdi wkoll sfumatura distintiva ta' lewn aħdar ċar lis-siġar tal-fagu fil-quċċata tal-irdumijiet, u dan il-lewn tar-rebbiegħa tas-siġar jinżamm matul l-istaġun kollu tas-sajf ukoll. Fil-park bl-għoljiet li huwa estiż għal għadd ta' kilometri 'l ġewwa, hemm diversi għadajjar u mraġ, ħafna minnhom popolati bis-siġar. Diversi mogħdijiet bis-sinjali jipprovdu opportunitajiet biex in-nies bil-mixi, iċ-ċiklisti u tal-muturi jiskopru l-madwar.
Wieħed jista' jsib il-farfett ikħal kbir estremament rari (Maculinea arion) fl-inħawi. Il-bies, l-iżjed għasfur veloċi li jinżel biex jaqbad il-priża tiegħu b'veloċità ta' saħansitra 350 km/h, ġie osservat jitnissel f'Møns Klint.[10] L-inħawi ġew iddeżinjati bħala Żona Importanti għall-Għasafar minn BirdLife International.[11]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Møns Klint ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[7]

Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Park ta' Liselund, fin-naħa tat-Tramuntana tal-irdumijiet, jinkludi ġabra attraenti ta' djar żgħar, għadajjar u mergħat tal-ħaxix li nbnew minn Antoine de la Calmette għal martu Elisabeth jew Lise fl-aħħar tas-seklu 18.[12]
- Il-Proprjetà ta' Klintholm (bid-Daniż: Klintholm Gods), lejn il-Punent tar-roqgħa bil-boskijiet tul l-irdumijiet, tinkludi ġabra ta' binjiet antiki ta' razzett li jmorru lura għall-1780 kif ukoll park kbir. Il-villa prinċipali li kienet tifforma parti mill-proprjetà twaqqgħet fis-sena 2000 minħabba li ttieklet mill-elementi.
- Il-GeoCenter Møns Klint huwa mużew ġeoloġiku qrib il-quċċata tal-irdumijiet tal-ġibs. Il-mużew jispjega l-ġeoloġija tal-irdumijiet tal-ġibs u fih wirjiet dwar il-fossili li nstabu fil-ġibs. Minn qrib il-mużew jibdew diversi mogħdijiet għan-nies bil-mixi lejn l-irdumijiet, inkluż żewġ settijiet ta' taraġ spettakolari mill-quċċata tal-irdumijiet sal-bajja.
Aċċess
[immodifika | immodifika s-sors]
Wieħed jista' jaċċessa Møns Klint bit-triq direttament minn Stege jew minn Klintholm Havn. Fis-sajf ikun hemm servizz regolari tal-karozza tal-linja. L-akkomodazzjoni hija disponibbli fl-inħawi tal-irdumijiet stess jew f'lukandi u f'residenzi turistiċi fil-qrib. Hemm ukoll sit tal-kampeġġi qrib id-daħla prinċipali tal-park kif ukoll hostel għaż-żgħażagħ fil-qrib.
Møns Klint fl-arti
[immodifika | immodifika s-sors]Møns Klint kien suġġett popolari għall-pitturi pajsaġġistiċi, speċjalment matul l-Epoka tad-Deheb Daniża, meta l-moviment nazzjonali tar-Romantiċiżmu ħeġġeġ lill-artisti jerġgħu juru interess fil-pajsaġġ Daniż. Fil-gallerija hemm xi eżempji.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- View of Møns Klint and Sommerspiret by Christoffer Wilhelm Eckersberg (1809)
- Part of Møns Klint by Peter Christian Skovgaard (1852)
- Part of Møns Klint with the Sommerspiret by Frederik Hansen Sødring (1830)
- Møns Klint ta' Louis Gurlitt (1842)
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Møns Klint". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.
- ↑ "Møns Klint er optaget på Unescos Verdensarvsliste". DR (bid-Daniż). 2025-07-13. Miġbur 2025-07-25.
- 1 2 Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States of America: Reader's Digest Association, Inc. p. 252. ISBN 0-89577-087-3.
- ↑ "Møns Klint". Naturstyrelsen (bid-Daniż). Miġbur 2025-07-25.
- ↑ author. "Kend din ø - Møns Klint". kompasit.dk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-08-19. Miġbur 2025-07-25.
- ↑ "PLH Architecture & Design". www.plh.dk (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.
- 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "New Inscribed Properties". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.
- ↑ "Møns Klint kommer på UNESCOs Verdensarvsliste". kum.dk. Miġbur 2025-07-25.
- ↑ "Møns klint et 75 millioner år gammelt landskab". www.netbiologen.dk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-06-14. Miġbur 2025-07-25.
- ↑ "Netfugl - Foto". www.netfugl.dk. Miġbur 2025-07-25.
- ↑ "Klinteskoven, Denmark, Europe Factsheet". BirdLife DataZone (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.
- ↑ "Danske Museer Online". www.dmol.dk. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-19. Miġbur 2025-07-25.