Linji Ferrovjarji tal-Muntanji tal-Indja

Il-Linji Ferrovjarji tal-Muntanji tal-Indja huma l-linji ferrovjarji li nbnew fir-reġjuni muntanjużi tal-Indja. B'mod prinċipali huma inklużi l-linji ferrovjarji bil-binarji dojoq f'dawn ir-reġjuni iżda jistgħu jinkludu wkoll xi linji ferrovjarji bil-binarji wesgħin.
Tlieta mil-linji ferrovjarji, il-Linja Ferrovjarja tal-Himalayas ta' Darjeeling, il-Linja Ferrovjarja tal-Muntanji ta' Nilgiri, u l-Linja Ferrovjarja ta' Kalka–Shimla, tniżżlu kollettivament bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu uffiċjali ta' "Linji Ferrovjarji tal-Muntanji tal-Indja". Tnejn oħra, il-Linja Ferrovjarja tal-Għolja ta' Matheranu l-Linja Ferrovjarja tal-Wied ta' Kangra, għadhom siti indikattivi tal-Indja biex xi darba jiżdiedu wkoll mal-lista tal-UNESCO. Il-Linja Ferrovjarja tal-Muntanji ta' Nilgiri hija l-unika linja ferrovjarja bl-ingranaġġ bis-snien fl-Indja.
Il-linji ferrovjarji tal-muntanji, bħal-linja ferrovjarja ta' Jammu–Baramulla u l-linja ferrovjarja ta' Chota Char Dham, għadhom qed jinbnew, filwaqt li oħrajn għadhom fl-istadju tal-ippjanar, bħal-linja ferrovjarja ta' Srinagar–Leh u l-linja ferrovjarja ta' Bhanupli–Leh. Il-linji ferrovjarji tal-muntanji kollha li nbnew dan l-aħħar jużaw binarji wesgħin.
Linji Ferrovjarji bħala Wirt
[immodifika | immodifika s-sors]Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]
Tlieta mil-linji ferrovjarji, il-Linja Ferrovjarja tal-Himalayas ta' Darjeeling, il-Linja Ferrovjarja tal-Muntanji ta' Nilgiri, u l-Linja Ferrovjarja ta' Kalka–Shimla, tniżżlu kollettivament bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu uffiċjali ta' "Linji Ferrovjarji tal-Muntanji tal-Indja". Tnejn oħra, il-Linja Ferrovjarja tal-Għolja ta' Matheranu l-Linja Ferrovjarja tal-Wied ta' Kangra, għadhom siti indikattivi tal-Indja biex xi darba jiżdiedu wkoll mal-lista tal-UNESCO. Il-Linji Ferrovjarji tal-Muntanji tal-Indja tniżżlu fil-lista peress li huma "eżempji straordinarji ta' soluzzjonijiet inġenjużi kbar għall-problema ta' stabbiliment ta' kollegament ferrovjarju effettiv f'art muntanjuża". Il-Linja Ferrovjarja tal-Himalayas ta' Darjeeling kienet l-ewwel li ngħatat dan l-unur mill-UNESCO fl-1999 segwita mil-Linja Ferrovjarja tal-Muntanji ta' Nilgiri fl-2005. Il-Linja Ferrovjarja ta' Kalka–Shimla żdiedet magħhom fl-2008.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Linja Ferrovjarja tal-Himalayas ta' Darjeeling
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Linja Ferrovjarja tal-Himalayas ta' Darjeeling, imlaqqma l-"Ferrovija tal-Ġugarelli", hija linja ferrovjarja b'binarji dojoq 610 millimetri (2.00 piedi) li tikkollega t-88 kilometru (55 mil) li hemm bejn Siliguri u Darjeeling. Dan tal-aħħar huwa stazzjon ewlieni tas-sajf fl-għoljiet u ċ-ċentru ta' distrett tat-tkabbir tat-te li qed jiffjorixxi fil-Punent tal-Bengal. Ir-rotta hija operata mil-Linji Ferrovjarji Indjani, u l-elevazzjoni tagħha tibda b'100 metru (330 pied) f'Siliguri u titla' sa madwar 2,200 metru (7,200 pied) f'Darjeeling. L-ogħla elevazzjoni tintlaħaq fl-istazzjon ta' Ghoom b'2,300 metru (7,500 pied).
Ir-raħal ta' Siliguri, il-bidy tar-rotta ferrovjarja, ġie kkollegat ma' Calcutta (issa Kolkata) permezz tal-linja ferrovjarja fl-1878, filwaqt li l-vjaġġ addizzjonali lejn Darjeeling kien jeħtieġ l-użu ta' tongas (karrijiet miġbuda miż-żwiemel) tul mogħdija mħarbta. Skont ir-rakkomandazzjonijiet ta' kumitat maħtur minn Sir Ashley Eden, ix-xogħol fuq ir-rotta beda fl-1879 u tlesta sa Lulju 1881. Il-linja sarilha bosta titjib, bħall-istabbiliment ta' pendil iktar gradwali matul is-snin biex tiżdied il-manuvrabbiltà. Sal-1909–1910, il-Linja Ferrovjarja tal-Himalayas ta' Darjeeling kienet qed iġġorr madwar 174,000 passiġġier u 47,000 tunnellata ta' oġġetti kull sena.
Karatteristiċi importanti inkorporati fil-linja ferrovjarja jinkludu erba' lilwiet spirali u erba' lilwiet żigużajg b'għamla ta' Z bil-kontra. L-introduzzjoni ta' vaguni bogie ppermettiet is-sostituzzjoni tal-vaguni bażi b'erba' roti li qabel kienu jintużaw għall-istabbiltà u għas-sostenn. Fl-1897, terremot kbir ikkawża ħsarat fil-linja ferrovjarja, u b'hekk kien meħtieġ il-bini mill-ġdid tar-rotta, inkluż titjib estensiv fil-binarji u fl-istazzjonijiet. Iktar immodernizzar seħħ bħala parti miż-Żona Ferrovjarja tal-Fruntiera tal-Grigal. Il-biċċa l-kbira tal-ferroviji tul ir-rotta għadhom motorizzati b'magni li jaħdmu bl-istim, iżda magna diżil moderna tintuża għall-ferrovija tat-trasport tal-posta ta' Darjeeling. Il-linja ferrovjarja hija notevoli għas-sinjali tagħha f'punti ewlenin, b'titli bħal Punt tal-Agonija u Rokna tas-Sensazzjoni. Karatteristika oħra huma l-lilwiet spirali fl-għoljiet weqfin li jipprovdu veduti xeniċi tal-widien iktar 'l isfel. Fl-1999, il-linja ferrovjarja ta' Darjeeling kienet l-ewwel waħda li tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Dan sar bil-kundizzjoni li l-ferroviji li jaħdmu bl-istim jibqgħu jintużaw tul ir-rot.
Linja Ferrovjarja tal-Muntanji ta' Nilgiri
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Linja Ferrovjarja tal-Muntanji ta' Nilgiri hija linja ferrovjarja ta' 46km ta' binarji uniċi wesgħin metru. Tikkollega r-raħal ta' Mettupalayam mal-istazzjon tal-għolja ta' Udagamandalam (Ootacamund). Ir-rotta tinsab fi ħdan l-istat ta' Tamil Nadu u tgħaddi mill-Għoljiet ta' Nilgiri, li b'mod popolari huma magħrufa bħala l-Muntanji l-Blu tan-Nofsinhar tal-Indja. Il-Linja Ferrovjarja tal-Muntanji ta' Nilgiri hija l-unika linja ferrovjarja bl-ingranaġġ bis-snien fl-Indja, u tuża sistema ta' ingranaġġ bis-snien ABT. Din is-sistema tirrikjedi l-użu ta' ferroviji speċjali li jaħdmu bl-istim. Il-linja ferrovjarja fiha 208 lilwiet, 16-il mina u 250 pont, li jwasslu biex il-vjaġġ għat-telgħa tul ir-rotta jdum madwar 290 minuta (4.8 sigħat), filwaqt li l-vjaġġ għan-niżla jdum 215-il minuta (3.6 sigħat). Il-Linja Ferrovjarja tal-Muntanji ta' Nilgiri ġiet iddikjarata Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2005. Inizjalment, ir-raħal ta' Coonoor kien l-aħħar stazzjon tul il-linja, iżda f'Settembru 1908 il-linja ferrovjarja ġiet estiża sa Fernhill segwita b'Udagmandalam sal-15 ta' Ottubru 1908. Is-sistema ġiet deskritta minn Guilford Lindsey Molesworth f'rapport tal-1886:
Żewġ funzjonijiet distinti – l-ewwel dik ta' trazzjoni bl-aderenza bħal fil-ferroviji ordinarji; it-tieni dik ta' trazzjoni bl-ingranaġġ bis-snien. B'kollox hemm erba' brejkijiet – żewġ brejkijiet tal-idejn, li jaħdmu bil-frizzjoni; u tnejn li jaħdmu billi jevitaw li l-arja taħrab liberament miċ-ċilindri, u b'hekk jużaw l-arja kkumpressata biex jittardjaw il-progress tal-magna. Il-brejkijiet tal-ewwel jintużaw għal shunting filwaqt li dawk tal-aħħar jintużaw għall-inżul b'pendil wieqaf. Wieħed mill-brejkijiet tal-idejn jaġixxi fuq it-tajers tar-roti b'mod ordinarju u t-tieni jaġixxi fuq uċuħ bil-ħofor li ġo fihom iqabbdu s-snien, iżda jista' jintuża fiċ-ċirkostanzi bit-tagħbija.
Karatteristika unika tal-linja ferrovjarja li għadha topera għalkollox huma l-eqdem binarjiu l-iktar weqfin li jużaw it-teknoloġija tal-ingranaġġ bis-snien. Attwalment, il-linja ferrovjarja fiha 7.2 kilometri (4.5 mili) u tibqa' sejra sal-istazzjon ta' Kallar fil-bażi tal-muntanji, fejn imbagħad tibda l-parti bl-ingranaġġ bis-snien li tintemm fl-istazzjon ferrovjarju ta' Coonoor. L-itwal mina ta' din is-sezzjoni fiha 97 metru (318-il pied). Ir-rotta għandha pendil ta' 1:12.5 sa Coonoor, u wara Coonoor sal-aħħar stazzjon il-binarji għandhom pendil ta' 1:23.
Linja Ferrovjarja ta' Kalka–Shimla
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Linja Ferrovjarja ta' Kalka–Shimla topera bejn Kalka u Shimla. Il-linja ferrovjarja hija twila 95.66 kilometru (59.44 mil), u l-binarji tagħha huma dojoq 2 piedi 6 pulzieri (762 millimetru). Shimla hija l-belt kapitali moderna ta' Himachal Pradesh u tinsab f'elevazzjoni ta' 2,205 metri (7,234 pied) fl-għoljiet ta' qabel il-Himalayas. Saret il-belt kapitali tas-sajf tal-Indja Brittanika fl-1864, u ntużat ukoll bħala l-kwartieri ġenerali tal-Armata Brittanika fl-Indja. Sal-kostruzzjoni tal-linja ferrovjarja, l-uniku aċċess għal Shimla kien permezz tal-mogħdija għall-karrijiet tal-villaġġ. Il-linja ferrovjarja nbniet mill-Kumpanija Ferrovjarja ta' Delhi–Ambala–Kalka fl-1898 fl-Għoljiet ta' Siwalik u tlestiet fl-1903. Il-Linja Ferrovjarja ta' Kalka–Shimla ngħaqdet mal-linji ferrovjarji ta' Nilgiri u ta' Darjeeling bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.
Il-Linja Ferrovjarja ta' Kalka–Shimla fiha 103 mini u 864 pont. Bosta mill-pontijiet fihom diversi ħnejjiet, simili għall-akkwedotti Rumani tal-qedem, u pont wieħed twil 18.29-il metru (60.0 pied), huwa mirfud bl-azzar. Il-pendil tiegħu huwa ta' 1:33 jew 3 %, u fih 919-il lilwa, bl-iktar waħda qawwija ta' 48 grad (raġġ ta' 37.47 metru (122.9 pied)). Il-binarji jitilgħu minn 656 metru (2,152 pied) għal elevazzjoni massima ta' 2,076 metru (6,811-il pied) f'Shimla. L-itwal mina tal-linja ferrovjarja hija l-Mina ta' Barog (Nru 33), twila 1,144 metru (3,753 pied), li tikkollega Dagshai u Solan. Permezz tal-lilwiet f'Taksal, f'Gumman u f'Dharampur jistgħu jinkisbu pendili iktar ċatti.
Komponenti
[immodifika | immodifika s-sors]Linja Ferrovjarja tal-Għolja ta' Matheran
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Linja Ferrovjarja tal-Għolja ta' Matheran hija linja ferrovjarja b'binarji dojoq ta' 2 piedi (610 millimetri) u tkopri distanza ta' 21 kilometru (13-il mil) bejn Neral u Matheran, fil-Gati tal-Punent. Il-kostruzzjoni tagħha ġiet immexxija minn Abdul Peerbhoy u ġiet iffinanzjata minn missieru, Sir Adamjee Peerbhoy, tal-Grupp ta' Adamjee. Ir-rotta ġiet iddisinjata fl-1900, u l-kostruzzjoni bdiet fl-1904 u tlestiet fl-1907. Il-binarji oriġinali nbnew b'binarji ta' 30 libbra għal kull jarda iżda iktar 'il quddiem ġew immodernizzati għal binarji ta' 42 libbra għal kull jarda. Sas-snin 80 tas-seklu 20, il-linja ferrovjarja kienet tingħalaq matul l-istaġun tal-monsuni (minħabba ż-żieda fir-riskju ta' ċedimenti tal-art) iżda issa tibqa' miftuħa s-sena kollha. Tiġi amministrata mil-Linji Ferrovjarji Ċentrali.
Karatteristika unika tal-linja ferrovjarja huma l-lilwiet b'għamla ta' nagħla. Karatteristiċi notevoli tar-rotta jinkludu l-Istazzjon ta' Neral, li kien l-ewwel wieħed tar-rotta; is-sezzjoni tal-Għolja ta' Herdal; il-pendil wieqaf ta' Bhekra Khud; il-Mina ta' Bewsa Waħda (l-unika mina tul ir-rotta, li ngħatat dan il-laqam minħabba li twila biżżejjed biex wieħed jilħaq jagħti bewsa waħda lill-ieħor); impjant tal-pajpijiet tal-ilma, li ma għadux jintuża; Mountain Berry, b'żewġ lilwiet żigużajg qawwijin; il-Punt Panoramiku; u finalment, tmiem ir-rotta fil-Bażar ta' Matheran. Minħabba l-pendil ta' 1:20 (5 %) u l-lilwiet dojoq u qawwijin tagħha, il-linja ferrovjarja tirrikjedi limitu tal-veloċità ta' 20 km/h (12-il mil fis-siegħa).
Linja Ferrovjarja tal-Wied ta' Kangra
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Linja Ferrovjarja tal-Wied ta' Kangra hija linja ferrovjarja b'binarji dojoq ta' 2 piedi u 6 pulzieri (762 millimetru) u tkopri distanza ta' 163 kilometru (101 mil) bejn Pathankot u Joginder Nagar, żona magħrufa għan-natura u għas-santwarji Induisti tal-qedem tagħha fir-reġjun ta' qabel il-Himalayas. L-ogħla punt ta' din il-linja ferrovjarja huwa l-istazzjon ta' Ahju f'elevazzjoni ta' 1,291 metru (4,236 pied), u l-venda ta' Joginder Nagar tinsab f'elevazzjoni ta' 1,189 metru (3,901 pied).
Il-linja ferrovjarja, li tagħmel parti mil-Linja Ferrovjarja tat-Tramuntana, ġiet ippjanata f'Mejju 1926 u ġiet ikkummissjonata fl-1929. Il-linja ferrovjarja fiha 971 pont b'disinn uniku u żewġ mini. Żewġ pontijiet partikolarment importanti huma l-pont bi ħnejja tal-azzar fuq Reond nalah u l-pont sospiż fuq ix-xmara Banganga. Għalkemm il-pendil tal-linja ferrovjarja fil-biċċa l-kbira mhuwiex qawwi, huwa pjuttost kritiku b'xaqlibiet weqfin lejn il-punt tal-142 kilometru (88 mil) tar-rotta, li huwa wiesa' 210 metri (690 pied) b'pendil ta' 1:19 u b'pendil tal-approċċ ta' 1:31 u ta' 1:25. Ir-rotta tal-venda bejn Baijnath u Jogindernagar għandha pendil ta' 1:25.
Oħrajn
[immodifika | immodifika s-sors]Majjistral tal-Indja
[immodifika | immodifika s-sors]- Jammu u Kashmir
- Il-Linja Ferrovjarja ta' Jammu–Baramulla: din il-linja ferrovjarja fiha binarji ta' 1,676 millimetru (5 piedi u 6 pulzieri) u nbniet biex tikkollega l-istat ta' Jammu u Kashmir mal-bqija tal-pajjiż. Il-linja ferrovjarja tibda minn Jammu u tibqa' sejra sa Baramulla. Ir-rotta tgħaddi minn żoni ewlenin tat-terremoti u hija soġġetta għal temperaturi estremi ta' kesħa u ta' sħana, kif ukoll art imħarbta sew, u b'hekk il-proġett tal-inġinerija kien wieħed iebes. Il-linja ferrovjarja damet tinbena mill-2002, meta ġiet iddikjarata bħala proġett nazzjonali. Tikkollega l-belt kapitali statali tax-xitwa, Jammu, mal-belt kapitali statali tas-sajf, Srinagar, u lil hinn sa Baramulla. Il-linja ferrovjarja l-ewwel inbniet minn Jammu sa Katra, filwaqt li fl-2020 tlestiet minn Katra sa Banihal.
- Il-Linja Ferrovjarja ta' Srinagar–Leh hija linja ferrovjarja mill-istazzjon ta' Srinagar għar-raħal ta' Kargil u sa Leh u titħaddem mil-Linji Ferrovjarji Indjani. Il-linja ġiet iddeżinjata bħala proġett nazzjonali fis-26 ta' Frar 2013.
- Ladakh
- Il-Linja Ferrovjarja ta' Bhanupli–Leh hija linja ferrovjarja li tikkollega Bhanupli f'Punjab ma' Leh f'Ladakh fl-Indja. Din il-linja ferrovjarja, meta titlesta għalkollox, se tkun l-ogħla linja ferrovjarja fid-dinja, u mistennija tieħu r-rekord attwali tal-Linja Ferrovjarja ta' Qinghai–Tibet fiċ-Ċina.
- Uttarakhand
- Il-Linja Ferrovjarja ta' Chota Char Dham hija magħmula minn żewġ linji ferrovjarji differenti b'għamla tal-ittra Y, b'diversi rotot individwali: il-Linja Ferrovjarja ta' Doiwala–Dehradun–Uttarkashi–Maneri Gangotri, li fiha 131 kilometru (81 mil); il-Linja Ferrovjarja ta' Uttarkashi–Palar Yamunotri, li fiha 22 kilometru (14-il mil) b'għamla tal-ittra Y f'Uttarkashi mil-Linja Ferrovjarja ta' Gangotri iktar 'il fuq; il-Linja Ferrovjarja ta' Karnaprayag–Saikot–Sonprayag Kedarnath, li fiha 99 kilometru (62 mil); u l-Linja Ferrovjarja ta' Saikot–Joshimath Badrinath, li fiha 75 kilometru (47 mil) b'għamla ta' Y f'Saikot mil-Linja Ferrovjarja ta' Kedarnath iktar 'il fuq. Il-Linja Ferrovjarja ta' Rishikesh–Karnaprayag, li għadha qed tinbena wkoll, hija kollegament ferrovjarju ġdid ta' estensjoni tal-Linja Ferrovjarja ta' Rishikesh sa Karnaprayag.
Grigal tal-Indja
[immodifika | immodifika s-sors]- Sikkim: Il-Linja Ferrovjarja ta' Sivok–Rangpo hija linja ferrovjarja li ġiet proposta biex tikkollega l-irħula ta' Sevoke fil-Punent tal-Bengal u Rangpo f'Sikkim u biex tikkollega wkoll Sikkim man-network tal-Linji Ferrovjarji Indjani. Huwa ppjanat li se tiġi estiża sa Gangtok u l-fruntiera bejn l-Indja u ċ-Ċina fil-futur.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Mountain Railways of India". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-09-25.