Lev Davidovich Landau
Lev Davidovich Landau (bir-Russu: Лев Дави́дович Ланда́у; twieled fit-22 ta' Jannar 1908 – miet fl-1 ta' April 1968) kien fiżiku Sovjetiku li ta kontributi fundamentali f'bosta oqsma tal-fiżika teorika.[1][2][3] Huwa kien meqjus bħala wieħed mill-aħħar xjenzati mħarrġa universalment u ta kontributi ewlenin fil-fergħat kollha tal-fiżika.[4] Huwa ġiet akkreditat li stabbilixxa l-pedamenti tal-fiżika tal-materja kkondensata tas-seklu 20,[5] u jitqies ukoll x'aktarx bħala l-ikbar fiżiku teoriku Sovjetiku.[6]
Fost il-kisbiet tiegħu hemm l-iskoperta konġunta indipendenti tal-metodu tal-matriċi tad-densità fil-mekkanika kwantistika (flimkien ma' John von Neumann),[7][8] it-teorija mekkanika kwantistika tad-dijamanjetiżmu, it-teorija tas-superfluwidità, it-teorija tat-tranżizzjonijiet tal-fażi tat-tieni ordni, l-invenzjoni tat-teknika tal-parametru tal-ordni,[9] it-teorija ta' Ginzburg–Landau tas-superkonduttività, it-teorija tal-likwidi ta' Fermi, l-ispjegazzjoni tal-ismorzament ta' Landau fil-fiżika tal-plażma, il-pol ta' Landau fl-elettrodinamika kwantistika, it-teorija taż-żewġ komponenti tan-newtrini, u l-ekwazzjonijiet ta' Landau tas-singolaritajiet tal-matriċi-S.[10] Huwa ngħata l-Premju Nobel għall-Fiżika fl-1962 għall-iżvilupp tiegħu ta' teorija matematika tas-superfluwidità li tirrappreżenta l-proprjetajiet tal-elju II likwidu f'temperatura ta' taħt iż-2.17 K (−270.98 °C).[11]
Ħajja
[immodifika | immodifika s-sors]Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Landau twieled fit-22 ta' Jannar 1908, iben ġenituri Lhud, f'Baku, l-Imperu Russu, f'dak li issa huwa l-Ażerbajġan. Missier Landau, David Lvovich Landau, kien inġinier mal-industrija taż-żejt lokali, u ommu, Lyubov Veniaminovna Garkavi-Landau, kienet tabiba. It-tnejn ġew jgħixu f'Baku minn Mogilev u t-tnejn iggradwaw mil-liċeo ta' Mogilev. Landau tgħallem il-kalkolu differenzjali tal-età ta' 12-il sena u l-kalkolu integrali ta' 13-il sena. Huwa ggradwa mil-liċeo fl-1920 ta' 13-il sena. Il-ġenituri tiegħu kienu tal-fehma li kien għadu żgħir wisq biex jattendi l-università, għaldaqstant għal sena attenda l-Iskola Teknika u Ekonomika ta' Baku. Fl-1922, ta' 14-il sena, huwa nkiteb fl-Università Statali ta' Baku, u studja f'żewġ dipartimenti f'daqqa: id-Dipartiment tal-Fiżika u tal-Matematika, u d-Dipartiment tal-Kimika. Sussegwentement, ma baqax jistudja l-kimika, iżda baqa' interessat fil-qasam matul ħajtu kollha.
Fl-1924, Landau mar jgħix fiċ-ċentru prinċipali tal-fiżika Sovjetika ta' dak iż-żmien u studja fid-Dipartiment tal-Fiżika tal-Università Statali ta' Leningrad, fejn iddedika ruħu u ġismu għall-istudju tal-fiżika teorika, u ggradwa fl-1927. Landau sussegwentement inkiteb għall-istudji postgradwatorji fl-Istitut Tekniku u Fiżiku ta' Leningrad fejn eventwalment kiseb dottorat fix-Xjenzi Fiżiċi u Matematiċi fl-1934. Landau kellu l-ewwel opportunità li jsiefer matul l-1929–1931, permezz ta' borża ta' studju tal-gvern Sovjetiku u l-Kummissarjat tal-Poplu għall-Edukazzjoni, issupplimentata minn borża ta' studju tal-Fondazzjoni Rockefeller. Sa dak iż-żmien kellu ħakma tajba tal-Ġermaniż u tal-Franċiż u seta' jikkomunika bl-Ingliż. Iktar 'il quddiem tejjeb l-Ingliż tiegħu u tgħallem id-Daniż.
Wara soġġorni qosra f'Göttingen u f'Leipzig, huwa mar jgħix f'Copenhagen fit-8 ta' April 1930 biex jaħdem fl-Istitut għall-Fiżika Teorika ta' Niels Bohr. Huwa qagħad hemmhekk sat-3 ta' Mejju tal-istess sena. Wara ż-żjara tiegħu, Landau dejjem baqa' jqis ruħu bħala student ta' Niels Bohr u l-approċċ ta' Landau għall-fiżika kien influwenzat ferm minn Bohr. Wara s-soġġorn tiegħu f'Copenhagen, huwa żar Cambridge (f'nofs l-1930), fejn ħadem ma' Paul Dirac, Copenhagen (Settembru sa Novembru 1930), u Zürich (Diċembru 1930 sa Jannar 1931), fejn ħadem ma' Wolfgang Paul. Minn Zürich Landau mar lura Copenhagen għat-tielet darba u baqa' hemmhekk mill-25 ta' Frar sad-19 ta' Marzu 1931, qabel ma' reġa' lura Leningrad fl-istess sena.
Ċentru Xjentifiku Nazzjonali u Istitut tal-Fiżika u t-Teknoloġija ta' Kharkiv
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-1932 u l-1937, Landau kien il-kap tad-Dipartiment tal-Fiżika Teorika fiċ-Ċentru Xjentifiku Nazzjonali u l-Istitut tal-Fiżika t-Teknoloġija ta' Kharkiv, u ta lekċers fl-Università ta' Kharkiv u fl-Istitut Politekniku ta' Kharkiv. Apparti l-kisbiet teoriċi tiegħu, Landau kien il-fundatur prinċipali ta' tradizzjoni kbira tal-fiżika teorika f'Kharkiv, l-Ukrajna, li xi kultant kienet tissejjaħ bħala l-"iskola ta' Landau". F'Kharkiv, hu u ħabib u eks student tiegħu, Evgeny Lifshitz, bdew jiktbu l-Kors tal-Fiżika Teorika, għaxar volumi li flimkien ikopru s-suġġett kollu u għadhom jintużaw b'mod mifrux bħala testi akkademiċi universitarji tal-fiżika. Matul it-Tisfija l-Kbira, Landau ġie investigat fi ħdan il-Kwistjoni tal-UPTI f'Kharkiv, iżda rnexxielu jitlaq lejn Moska biex jibda kariga ġdida.
Landau żviluppa eżami komprensiv famuż imsejjaħ il-"Minimu Teoriku" li l-istudenti kienu mistennija jgħaddu qabel ma jitħallew jattendu l-iskola. L-eżami kien ikopri l-aspetti kollha tal-fiżika teorika, u bejn l-1934 u l-1961 43 kandidat biss għaddew, iżda dawk li rnexxielhom, iktar 'il quddiem saru fiżiċi teoriċi pjuttost notevoli.
Fl-1932, Landau ħadem il-limitu ta' Chandrasekhar; madankollu, ma applikahx għall-istilel nani bojod.
Istitut għall-Problemi Fiżiċi, Moska
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-1937 sal-1962, Landau kien il-kap tad-Diviżjoni Teorika fl-Istitut għall-Problemi Fiżiċi.
Fis-27 ta' April 1938, Landau ġie arrestat għax kien fil-pussess ta' fuljett li kien iqabbel is-Staliniżmu man-Nażiżmu Ġermaniż u mal-Faxxiżmu Taljan. Huwa nżamm fil-ħabs ta' Lubyanka tal-NKVD sa ma nħeles fid-29 ta' April 1939, wara li Pyotr Kapitsa (fiżiku sperimentali tat-temperaturi baxxi u l-fundatur u l-kap tal-istitut) u Bohr kitbu ittri lil Ġużeppi Stalin. Kapitsa ta l-garanzija personali tiegħu għall-imġiba ta' Landau u hedded li kien se jitlaq mill-istitut li kieku Landau ma nħelisx. Wara li nħeles, Landau skopra kif seta' jispjega s-superfluwidità ta' Kapitsa bl-użu tal-mewġ tal-ħsejjes jew tal-fononi, u eċċitazzjoni ġdida msejħa roton.
Landau mexxa tim ta' matematiċi li appoġġaw l-iżvilupp Sovjetiku tal-bomba atomika u tal-idroġenu. Huwa kkalkula d-dinamika tal-ewwel bomba termonukleari Sovjetika, u bassar ukoll ir-rendiment tagħha. Għal dan ix-xogħol Landau ngħata l-Premju Stalin fl-1949 u fl-1953, u ngħata t-titlu ta' "Eroj tax-Xogħol Soċjalist" fl-1954.
Fost l-istudenti ta' Landau kien hemm Lev Pitaevskii, Alexei Abrikosov, Aleksandr Akhiezer, Igor Dzyaloshinskii, Evgeny Lifshitz, Lev Gor'kov, Isaak Khalatnikov, Roald Sagdeev u Isaak Pomeranchuk.
Kisbiet xjentifiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kisbiet ta' Landau jinkludu l-iskoperta konġunta indipendenti tal-metodu tal-matriċi tad-densità fil-mekkanika kwantistika (flimkien ma' John von Neumann), it-teorija mekkanika kwantistika tad-dijamanjetiżmu, it-teorija tas-superfluwidità, it-teorija tat-tranżizzjonijiet tal-fażi tat-tieni ordni, l-invenzjoni tat-teknika tal-parametru tal-ordni, it-teorija ta' Ginzburg–Landau tas-superkonduttività, it-teorija tal-likwidi ta' Fermi, l-ispjegazzjoni tal-ismorzament ta' Landau fil-fiżika tal-plażma, il-pol ta' Landau fl-elettrodinamika kwantistika, it-teorija taż-żewġ komponenti tan-newtrini, u l-ekwazzjonijiet ta' Landau tas-singolaritajiet tal-matriċi-S.
Landau ngħata l-Premju Nobel għall-Fiżika fl-1962 għall-iżvilupp tiegħu ta' teorija matematika tas-superfluwidità li tirrappreżenta l-proprjetajiet tal-elju II likwidu f'temperatura ta' taħt iż-2.17 K (−270.98 °C).
Ħajja u fehmiet personali
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1937, Landau żżewweġ lil Kora T. Drobanzeva minn Kharkiv. Binhom Igor (1946–2011) sar fiżiku teoriku wkoll. Lev Landau kien jemmen fl-"imħabba ħielsa" iktar milli fil-monogamija u ħeġġeġ lil martu u lill-istudenti tiegħu biex jipprattika l-"imħabba ħielsa". Madankollu, martu ma kinitx entużjasta.
Landau ġeneralment jiġi deskritt bħala ateu, għalkemm meta r-reġista Sovjetiku Andrei Tarkovsky staqsa lil Landau jekk kienx jemmen fl-eżistenza ta' Alla, Landau tħasseb fis-silenzju fuq din il-kwistjoni għal 3 minuti qabel ma wieġeb, "Naħseb li iva". Fl-1957, rapport twil lill-Kumitat Ċentrali tas-CPSU mill-KGB irreġistra l-fehmiet ta' Landau dwar ir-Rewwixta Ungeriża tal-1956, dwar Vladimir Lenin u dwar dak li sejjaħ "Faxxiżmu aħmar". Hendrik Casimir ifakkru bħala Komunist akkanit, li ssaħħaħ permezz tal-ideoloġija rivoluzzjonarja tiegħu. L-ispinta ta' Landau biex jistabbilixxi x-xjenza Sovjetika kienet parzjalment dovuta għad-devozzjoni tiegħu għas-Soċjaliżmu. Fl-1935 huwa ppubblika silta msejħa "Borgeżija u Fiżika Kontemporanja" fil-gazzetta Sovjetika Izvestia fejn huwa kkritika s-superstizzjoni reliġjuża u d-dominanza tal-kapital, li skontu kienu tendenzi tal-borgeżija, u kkwota "opportunitajiet bla preċedent għall-iżvilupp tal-fiżika fil-pajjiż, ipprovduti mill-Partit u mill-gvern".
L-aħħar snin
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-7 ta' Jannar 1962, il-karozza ta' Landau ħabtet ma' trakk. Huwa ndarab serjament u qatta' xahrejn f'koma. Għalkemm Landau rkupra, il-kreattività xjentifika tiegħu nqerdet, u qatt ma reġa' lura bis-sħiħ għall-ħidma xjentifika. Minħabba l-feriti tiegħu ma setax jingħata l-Premju Nobel għall-Fiżika tal-1962 personalment.
Matul ħajtu kollha Landau kien magħruf għall-umoriżmu kbir tiegħu, kif joħroġ fid-dieher mid-djalogu li ġej ma' psikologu, Alexander Luria, li pprova jagħmillu testijiet għall-possibbiltà ta' ħsara fil-moħħ meta Landau kien għadu qed jirkupra mill-ħabta:
- Luria: "Jekk jogħġbok pinġili ċirku".
- Landau pinġa ċirku.
- Luria: "Sewwa, issa pinġili salib".
- Landau pinġa ċirku.
- Luria: "Landau, għaliex mhux tagħmel dak li qed nitolbok?"
- Landau: "Għaliex kieku jaf taħsibni li sirt batut mentalment".
Fl-1965 l-eks studenti u l-koħaddiema ta' Landau stabbilew l-Istitut ta' Landau għall-Fiżika Teorika fir-raħal ta' Chernogolovka qrib Moska, u dan ġie mmexxi għat-tliet deċennji ta' wara minn Isaak Khalatnikov.
F'Ġunju 1965, Lev Landau u Evsei Liberman ippubblikaw ittra fin-New York Times, fejn stqarrew li bħala Lhud Sovjetiċi huma kienu qed jopponu l-intervent tal-Istati Uniti f'isem it-Taqbida tal-Istudenti għal-Lhud Sovjetiċi. Madankollu, hemm dubji dwar jekk Landau kienx tassew l-awtur ta' dik l-ittra.
Landau miet fl-1 ta' April 1968, tal-età ta' 60 sena, minħabba kumplikazzjonijiet mill-feriti li ġarrab fl-aċċident bil-karozza li kellu 6 snin qabel. Huwa ndifen fiċ-Ċimiterju ta' Novodevichy.
Oqsma ta' kontribut
[immodifika | immodifika s-sors]- It-teorija tad-DLVO;
- it-teorija tal-likwidi ta' Fermi;
- il-kważipartikoli;
- l-ekwazzjoni ta' Ivanenko–Landau–Kähler;
- l-ismorzament ta' Landau;
- id-distribuzzjoni ta' Landau;
- il-gejġ ta' Landau;
- l-ekwazzjoni kinetika ta' Landau;
- il-pol ta' Landau;
- is-suxxettibbiltà ta' Landau;
- il-potenzjal ta' Landau;
- il-kwantizzazzjoni ta' Landau;
- it-teorija ta' Landau;
- il-ġett ta' Landau–Squire;
- il-problema ta' Landau–Levich;
- it-teorija tat-turbolenza ta' Landau–Hopf;
- it-teorija ta' Ginzburg–Landau;
- l-instabbiltà ta' Darrieus–Landau;
- l-ekwazzjoni ajruakustika ta' Landau–Lifshitz;
- l-ekwazzjoni ta' Landau–Raychaudhuri;
- il-formula ta' Landau–Zener;
- il-mudell ta' Landau–Lifshitz;
- il-psewdotensur ta' Landau–Lifshitz;
- l-ekwazzjoni ta' Landau–Lifshitz–Gilbert;
- l-effett ta' Landau–Pomeranchuk–Migdal;
- it-teorema ta' Landau–Yang;
- il-prinċipju ta' Landau;
- l-ekwazzjoni ta' Stuart–Landau;
- is-superfluwidità;
- is-superkonduttività.
Pedagoġija
[immodifika | immodifika s-sors]- Kors tal-Fiżika Teorika
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Żewġ oġġetti ċelestjali ssemmew għalih bħala ġieħ:
L-ogħla premju fil-fiżika teorika mogħti mill-Akkademja Russa tax-Xjenzi huwa msemmi għalih:
- il-Medalja tad-Deheb ta' Landau.
Fit-22 ta' Jannar 2019, Google ċċelebrat dak li kien ikun il-111-il anniversarju mit-twelid ta' Landau b'Google Doodle.
Il-Premju ta' Landau-Spitzer (tas-Soċjetà tal-Fiżika Amerikana), li jirrikonoxxi l-kontributi straordinarji għall-fiżika tal-plażma u l-kollaborazzjoni bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti, issemma għalih ukoll.
Klassifikazzjoni tal-fiżiċi ta' Landau
[immodifika | immodifika s-sors]Landau żamm lista ta' ismijiet ta' fiżiċi li kklassifikahom skont skala logaritmika tal-produttività u tal-ġenjalità tagħhom, bħall-kreattività u t-talent nattiv, b'punteġġ minn 0 sa 5. L-ogħla punteġġ, 0, ġie assenjat lil Isaac Newton. Albert Einstein ingħata 0.5. Punteġġ ta' 1 ingħata lill-missirijiet fundaturi tal-mekkanika kwantistika, Niels Bohr, Werner Heisenberg, Satyendra Nath Bose, Paul Dirac, Erwin Schrödinger, u oħrajn, filwaqt li dawk li ngħataw punteġġ ta' 5 tqiesu li kienu "patoloġisti". Landau kklassifika lilu nnifsu b'punteġġ ta' 2.5 iżda iktar 'il quddiem ippromwova lilu nnifsu għal punteġġ ta' 2. N. David Mermin, meta kiteb dwar Landau, irrefera għall-iskala, u kklassifika lilu nnifsu fir-raba' skaluna, fl-artiklu "Ħajti ma' Landau: Omaġġ mingħand xi ħadd ikklassifikat bħala 4.5 lil xi ħadd b'punteġġ ta' 2".
Landau kellu wkoll skola inqas magħrufa biex minflok ikejjel il-ġenjożità ta' xjenzat bl-użu ta' dijagrammi. Huwa kellu erba' klassijiet ta' dijagrammi, l-ewwel waħda b'sempliċi triangolu, li kienet tinkludi lil dawk li kienu l-iżjed oriġinali u brillanti, fosthom Dirac u Einstein. Id-dijagrammi ġew iffurmati b'żewġ linji paralleli, b'dik t'isfel tirrappreżenta t-tenaċità, filwaqt li dik ta' fuq kienet tkejjel il-ġenjożità u l-oriġinalità.
Fil-kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-film televiżiv Russu Мой муж — гений (Ir-Raġel Tiegħi — Ġenju) maħruġ fl-2008 jirrakkonta l-bijografija ta' Landau (maħdum minn Daniil Spivakovsky), b'enfasi l-iktar fuq il-ħajja privata tiegħu, xi ħaġa li b'mod ġenerali ġiet ikkritikata. In-nies li kienu ltaqgħu personalment ma' Landau, inkluż ix-xjenzat Russu famuż Vitaly Ginzburg, qal li l-film mhux biss kien terribbli, iżda ma rrakkontax il-fatti storiċi li kif seħħew.
- Film ieħor dwar Landau huwa Dau, tar-reġista Ilya Khrzhanovsky u l-attur mhux professjonist Teodor Currentzis (surmast tal-orkestra) li ħadimha ta' Landau. Dau kien laqam komuni ta' Lev Landau. Il-film kien parti mill-proġett artistiku multidixxiplinari msejjaħ DAU.
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Landau kiteb l-ewwel saġġ tiegħu, Dwar id-derivazzjoni tal-ekwazzjoni ta' Klein–Fock, flimkien ma' Dmitri Ivanenko fl-1926, meta kellu 18-il sena. L-aħħar saġġ tiegħu, Problemi fundamentali, tfaċċa fl-1960 f'verżjoni editjata ta' ġieħ lil Wolfgang Paul. Lista kompluta tax-xogħlijiet ta' Landau dehret fl-1998 fil-ġurnal Russu Fiżika-Uspekhi. Landau ħalla li jiġi elenkat bħala koawtur ta' artiklu ta' ġurnal abbażi ta' żewġ kundizzjonijiet: 1) huwa ħareġ bl-idea tax-xogħol, parzjalment jew kompletament, u 2) huwa wettaq mill-inqas xi kalkoli ppreżentati fl-artiklu. B'hekk, huwa neħħa ismu minn bosta pubblikazzjonijiet tal-istudenti tiegħu fejn il-kontribut tiegħu kien inqas sinifikanti.
Kors tal-Fiżika Teorika
[immodifika | immodifika s-sors]- L. D. Landau, E. M. Lifshitz (1976). Mechanics. Vol. 1 (3rd ed.). Butterworth–Heinemann. ISBN 978-0-7506-2896-9.
- L. D. Landau; E. M. Lifshitz (1975). The Classical Theory of Fields. Vol. 2 (4th ed.). Butterworth–Heinemann. ISBN 978-0-7506-2768-9.
- L. D. Landau; E. M. Lifshitz (1977). Quantum Mechanics: Non-Relativistic Theory. Vol. 3 (3rd ed.). Pergamon Press. ISBN 978-0-08-020940-1. — 2nd ed. (1965) at archive.org
- V. B. Berestetskii; E. M. Lifshitz; L. P. Pitaevskii (1982). Quantum Electrodynamics. Vol. 4 (2nd ed.). Butterworth–Heinemann. ISBN 978-0-7506-3371-0.
- L. D. Landau; E. M. Lifshitz (1980). Statistical Physics, Part 1. Vol. 5 (3rd ed.). Butterworth–Heinemann. ISBN 978-0-7506-3372-7.
- L. D. Landau; E. M. Lifshitz (1987). Fluid Mechanics. Vol. 6 (2nd ed.). Butterworth–Heinemann. ISBN 978-0-08-033933-7.
- L. D. Landau; E. M. Lifshitz (1986). Theory of Elasticity. Vol. 7 (3rd ed.). Butterworth–Heinemann. ISBN 978-0-7506-2633-0.
- L. D. Landau; E. M. Lifshitz; L. P. Pitaevskii (1984). Electrodynamics of Continuous Media. Vol. 8 (2nd ed.). Butterworth–Heinemann. ISBN 978-0-7506-2634-7.
- L. P. Pitaevskii; E. M. Lifshitz (1980). Statistical Physics, Part 2. Vol. 9 (1st ed.). Butterworth–Heinemann. ISBN 978-0-7506-2636-1.
- L. P. Pitaevskii; E. M. Lifshitz (1981). Physical Kinetics. Vol. 10 (1st ed.). Pergamon Press. ISBN 978-0-7506-2635-4.
Landau u Lifshitz issuġġerew fit-tielet volum tal-Kors tal-Fiżika Teorika li t-tabella perjodika standard ta' dak iż-żmien kellha żball fiha, u li l-lutezju kellu jitqies bħala element tal-blokka-d minflok element tal-blokka-f. Is-suġġeriment tagħhom ġie kkonfermat minn sejbiet li saru wara u fl-1988 ġie approvat minn rapport tal-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata (IUPAC).
Oħrajn
[immodifika | immodifika s-sors]- L. D. Landau; A. S. Kompaneets (1965) [1935]. "Appendix A". The electrical conductivity of metals. ONTI, Kharkiv. pp. 803–832. doi:10.1016/B978-0-08-010586-4.50106-1. ISBN 9780080105864.
- L. D. Landau; Ya. Smorodinsky (2011) [1958]. Lectures on Nuclear Theory. Dover Publications. ISBN 978-0486675138.
- L. D. Landau; G. B. Rumer (2003) [1960]. What is Relativity?. Dover Publications. ISBN 978-0-48-616348-2.
- L. D. Landau; A. I. Akhiezer; E. M. Lifshitz (1967). General Physics, Mechanics and Molecular Physics. Pergamon Press. ISBN 978-0-08-009106-8.
- L. D. Landau; A. I. Kitaigorodsky (1978). Physics for Everyone. Mir Publishers Moscow. in 4 volumes: volume 1 Physical bodies ISBN 978-0-82-851716-4; volume 2 Molecules ISBN 978-0-82-851725-6; volume 3 Electrons and volume 4 Photons and nuclei; vols. 3 & 4 minn Kitaigorodsky waħdu.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ McCauley, Martin (1997). Who's Who in Russia Since 1900. Routledge. p. 128.
- ^ Zubok, Vladislav (2012). "Soviet Intellectuals after Stalin's Death and Their Visions of the Cold War's End". In Bozo, Frédéric; Rey, Marie-Pierre; Rother, Bernd; Ludlow, N. Piers (eds.). Visions of the End of the Cold War in Europe, 1945-1990. Berghahn Books. p. 78.
- ^ Gorelik, Gennady (August 1997). "The Top-Secret Life of Lev Landau". Scientific American. 277 (2): 72–77. Bibcode:1997SciAm.277b..72G. doi:10.1038/scientificamerican0897-72. JSTOR 24995874.
- ^ Smilga, Andrei V. (2017). Digestible Quantum Field Theory. Cham: Springer. p. 250. ISBN 978-3-319-59922-9.
- ^ Gorelik, Gennady (1997). "The Top-Secret Life of Lev Landau". Scientific American. 277 (2): 72–77. Bibcode:1997SciAm.277b..72G. doi:10.1038/scientificamerican0897-72. ISSN 0036-8733. JSTOR 24995874.
- ^ Ryndina, Ella (1 February 2004). "Family Lines Sketched in the Portrait of Lev Landau". Physics Today. 57 (2): 53–59. Bibcode:2004PhT....57b..53R. doi:10.1063/1.1688070. ISSN 0031-9228.
- ^ Lev Landau (1927). "Das Dämpfungsproblem in der Wellenmechanik (The Damping Problem in Wave Mechanics)". Zeitschrift für Physik. 45 (5–6): 430–441. Bibcode:1927ZPhy...45..430L. doi:10.1007/bf01343064. S2CID 125732617.
- ^ Schlüter, Michael; Lu Jeu Sham (1982). "Density functional theory". Physics Today. 35 (2): 36. Bibcode:1982PhT....35b..36S. doi:10.1063/1.2914933. S2CID 126232754.
- ^ Fisher, Michael E. (1 April 1998). "Renormalization group theory: Its basis and formulation in statistical physics". Reviews of Modern Physics. 70 (2): 653–681. Bibcode:1998RvMP...70..653F. doi:10.1103/RevModPhys.70.653.
- ^ Shifman, M., ed. (2013). Under the Spell of Landau: When Theoretical Physics was Shaping Destinies. World Scientific. doi:10.1142/8641. ISBN 978-981-4436-56-4.
- ^ Kapitza, P. L.; Lifshitz, E. M. (1969). "Lev Davydovitch Landau 1908–1968". Biographical Memoirs of Fellows of the Royal Society. 15: 140–158. doi:10.1098/rsbm.1969.0007.