L-Akwedott ta' Wignacourt (Malta)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
L-Akwedott ta' Wignacourt.

L-Akkwedott ta' Wignacourt hu proġett ta' kanalizzazzjoni mibni mill-Ordni ta' San Ġwann biex iwassal l-ilma min-naħa tal-widien ta' taħt ir-Rabat u Ħad-Dingli sal-Belt Valletta. Inbena bejn l-1610 u l-1615 u baqa' jintuża sal-1912. Hu proġett apprezzat għall-inġinerija li ntużat fis-seklu sbatax.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Meta nbniet il-Belt Valletta, l-ilma għax-xorb kien jikkonsisti minn dak li jinġabar fil-bjar mill-bjut tad-djar u mill-ġibjuni kbar tal-komunità li l-Ordni ta' San Ġwann kien ħaffer f'diversi nħawi tal-Belt Valletta. Sal-1600, il-popolazzjoni tal-Belt kienet kibret u saret tlaħħaq mal-10,000 ruħ. L-ilma li kien maħżun fil-Belt ma baqax biżżejjed.

L-Arkata ta' Wignacourt, Fleur De Lys, Santa Venera

Fl-1610, il-Gran Mastru Alof de Wignacourt ried li jibda jaħdem biex din il-problema tkun solvuta. Il-flus biex jinbena dan l-akkwedott bdew ġejjin minn taxxa imposta fuq il-qamħ li kien jinbiegħ lill-furnara u li minnha nġabret is-somma ta’ 40,000 skud. Din is-somma ċertament ma kinitx biżżejjed. Kien hemm bżonn ħafna aktar minn hekk u xi Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ikkontribwew xi flus għal dan il-proġett. Biss l-ikbar ammont ta’ flus ġie minn but il-Gran Mastru nnfisu.

Ġie kkommissjonat ċertu Patri Natale Tomasucci, Ġiżwita u inġinier biex ifassal proġett li bih l-ilma jinġarr min-naħa tar-Rabat u l-Imdina biex jaqdi l-bżonnijiet tan-nies tal-Belt. Il-proġett kien mexa ġmielu biss sab l-intoppi meta x-xogħol kien wasal Ħ'Attard għax hemm l-art titbaxxa konsiderevolment u wara terġa' togħla, u l-ilma ma setax ikompli jaqleb u jimxi lejn il-Belt. Problema oħra kienet illi l-knaten u t-tikħil li kien jorbot il-kanal tal-ilma flimkien bdew jinfaqgħu bil-pressa. Fl-1612, dan l-inġinier qata' qalbu u waqaf mix-xogħol. Minfloku ġie msejjaħ biex jaħdem fuq dan il-proġett Bontadino Bontadini, inġinier minn Bologna.

Bontadini uża tip ta’ siment li jissejjaħ pozzolana (għax inġab minn Pozzuoli, li huwa post viċin Napli) u dan il-materjal seta' jgħaqqad il-ġonot bejn il-ġebel aħjar. Il-kanal tal-akkwedott inbena kemm taħt l-art kif ukoll fuq arkati biex iżomm il-livell u l-qawwa tal-ilma ġiri . Mill-akkwedott jintgħarfu biss is-serje ta’ arkati viċin Ħ’Attard li mbagħad jerġgħu jfiġġu f’Santa Venera. Fi Fleur De Lys, fejn hemm ir-rawndebawt illum, kien hemm arkata taqsam it-triq, u l-arkati tal-akkwedott ikomplu minn hemm biex jagħtu 'l isfel lejn il-Ħamrun. Fuq l-arkata ta’ Santa Venera twaħħlet l-arma tal-Gran Mastru Wignacourt. Din l-arkata twaqqgħet matul it-Tieni Gwerra Dinjija u qatt ma reġgħet inbniet għall-iskop tagħha. Illum naraw kopja li ġieet mibnija mill-Kunsill ta' Santa Venera biex din tfakkar l-arkata oriġinali.

Mill-Ħamrun imbagħad l-ilma kien kkanalizzat sal-Furjana, sa ħdejn il-knisja ta' Sarria. Hemm naraw torri b'ħawt tax-xorb għall-bhejjem, minn fejn l-ilma kien ikompli jiġi kkanalizzat fejn il-Belt. Hemm imbagħad kellu jkompli jinfirex għal ġo ċisterni u funtani ġewwa l-Belt Valletta. Ġol-Belt l-ewwel ma kien joħroġ kien l-ilma għall-użu tal-pubbliku minn ġo funtana li kienet qrib id-daħla tal-Belt. Din illum tinsab mal-ħajt tal-Kavallier ta’ San Ġakbu. L-ilma mbagħad kien ifiġġ ukoll minn funtana majjestuża ġewwa Pjazza San Ġorg, quddiem il-Palazz. Din il-funtana llum qiegħda fil-Ġnien San Filippu, taħt l-Argotti, il-Furjana. Funtana oħra li kienet isservi tajjeb ħafna lill-bejjiegħa kienet dik ta’ ħdejn il-knisja ta’ Liesse. F’nofs din il-funtana wara tqiegħdet statwa ta’ Nettunu (magħrufa bħala tal-Ġgant) li llum tinsab ġewwa l-Palazz tal-Gran Mastru. L-akkwedott kien dam jinbena ħames snin u sewa aktar minn 400,000 skud. Fuq dan il-proġett kienu ħadmu mas-600 ruħ. L-akwedott ġie inawgurat fil-21 ta’ April 1615 u baqa' jintuża sal-1912 meta mbagħad l-ilma beda jiġi kkanalizzat minn katusi tal-ħadid imqiegħda taħt l-art fit-toroq apposta.

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Guillaumier Alfie, Bliet u Rħula Maltin. Klabb Kotba Maltin. Vol. 2, p. 948.

Grima Joseph F. 'Construction and Inauguration of Wignacourt's Aqueduct, 1610 -1615', ta' The Sunday Times of Malta, il-21 ta' April 2019.

Ellul Michael, "Wignacourt aqueduct". Times of Malta, it-3 ta' Frar 2007.

Zammit, Vincent (1979). "Wignacourt's Aqueduct". Heritage: An Encyclopedia of Maltese Culture and Civilization. Midsea Books Ltd.

"A Tour of the aqueduct". The Malta Independent, id-9 ta' April 2006.

"Green light for Fleur-de-Lys arch rebuilding". Times of Malta, it-23 ta' Ottubru 2012.

"Wignacourt fountain 'going to ruin'". Times of Malta, is-6 ta' Diċembru 2011.

"Restoration work on Floriana's Wignacourt Tower". TVM, l-14 ta' Awwissu 2015.

'Incredible remains revealed during works near 17th century Aqueduct'. https://www.guidememalta.com/en/incredible-remains-revealed-during-works-near-17th-century-wignacourt-aqueduct

Grima Joseph F. 'It happened this month: Construction and inauguration of Wignacourt Aqueduct, 1610 - 1615'. https://timesofmalta.com/articles/view/it-happened-this-month-construction-and-inauguration-of-wignacourts.707800