Aqbeż għall-kontentut

Léon Werth

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Léon Werth
Ħajja
Twelid Remiremont, 16 Frar 1878
Nazzjonalità Franza
L-ewwel lingwa Franċiż
Mewt Pariġi, 13 Diċembru 1955
Post tad-dfin Krematorju-Kolombarju ta' Père-Lachaise
Qabar ta' Werth
Edukazzjoni
Lingwi Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni ġurnalist
saġġist
rumanzier
kittieb
xeneġġatur
kritiku letterarju
traduttur
kritiku tal-arti
paċifist

Léon Werth (pronunzja bil-Franċiż: [leɔ̃ vɛʁt]; twieled fis-17 ta' Frar 1878 f'Remiremont, Vosges – miet fit-13 ta' Diċembru 1955 f'Pariġi)[1] kien kittieb u kritiku tal-arti Franċiż, ħabib ta' Octave Mirbeau u ħabib tal-qalb ta' Antoine de Saint-Exupéry.

Léon Werth kiteb b'mod kritiku u bi preċiżjoni kbira dwar is-soċjetà Franċiża matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-kolonizzazzjoni u dwar il-kollaborazzjoni Franċiża matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Werth twieled fl-1878 f'Remiremont, Vosges, f'familja Lhudija assimilata. Missieru, Stefan, kien bejjiegħ tad-drapp u ommu, Jovana, kienet oħt il-filosfu Frédéric Rauh.

Huwa kien student brillanti, rebbieħ tal-Premju Grandjuż fil-Concours général ta' Franza u student letterarju u tal-umanitajiet fil-Liċeo ta' Enriku IV. Madankollu, huwa abbanduna l-istudji tiegħu biex isir artikolist f'diversi rivisti. Huwa qatta' ħajja mhux konvenzjonali, u ddedika ħajtu għall-kitba u għall-kritika tal-arti.

Werth kien protégé u ħabib ta' Octave Mirbeau, l-awtur ta' Id-Djarju ta' Seftura, u lesta r-rumanz finali ta' Mirabeau, Dingo, għalih meta saħħtu marret għall-agħar. Huwa mmanifesta l-ħsieb tiegħu kontra l-kleru bħala anarkiku ta' kontra l-borgeżija b'moħħ indipendenti. L-ewwel rumanz sinifikanti tiegħu, La Maison blanche, bid-daħla ta' Mirabeau, kien finalist tal-Premju Goncourt fl-1913.

Malli faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija, Werth, li kellu 34 sena, li kien ġa temm il-lieva attiva u s-servizz ta' riżerva, ġie mmobilizzat fl-armata territorjali u ġie assenjat fuq in-naħat ta' wara. Minkejja li oppona l-gwerra, huwa kien volontarju biex jiġġieled fil-gwerra l-ewwel bħala tiratur imbagħad bħala operatur tar-radju, u qatta' ż-żmien f'wieħed mill-agħar setturi tal-gwerra qabel ma ġie invalidat minħabba infezzjoni fil-pulmuni wara 15-il xahar ta' servizz. Ftit wara, huwa lesta Clavel, soldat, opra pessimistika u tassew kontra l-gwerra li ħolqot skandlu meta nħarġet fl-1919, iżda li iktar 'il quddiem ġiet ikkwotata fost l-iżjed rendikonti fidili tal-gwerra fit-trunċieri fl-istħarriġ monumentali tal-1929 ta' Jean Norton Cru tal-letteratura Franċiża tal-Ewwel Gwerra Dinjija.[2]

Werth kien kittieb mhux klassifikabbli bi proża tniggeż, u kiteb dwar il-perjodu bejn il-gwerer dinjin kif ukoll kontra l-kolonjaliżmu (Cochinchine, 1928). Huwa kiteb ukoll kontra l-perjodu kolonjali tal-Imperu Franċiż, u kontra l-Istaliniżmu li maqdar bħala qerq tax-Xellug. Huwa kkritika wkoll it-tisħiħ tal-moviment Nażista.

Fl-1931 meta ltaqa' ma' Antoine de Saint-Exupéry, dan kien il-bidu ta' ħbiberija mill-qrib ħafna. L-opra ta' Le Petit Prince (Iċ-Ċkejken Prinċep/Il-Prinċep iż-Żgħir) ġiet iddedikata lil Werth.

Wara l-Waqgħa ta' Franza, matul l-okkupazzjoni tagħha, il-familja Werth baqgħet tgħix fi Franza minkejja l-offerti miċ-Ċentru Amerikan ta' Sokkors f'Marsilja biex jgħinhom jemigraw. F'Lulju 1941 Werth kien meħtieġ jirreġistra bħala Lhudi, l-ivvjaġġar tiegħu ġie ristrett u l-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet tiegħu ġiet ipprojbita. Martu, Suzanne, kienet attiva fir-Reżistenza, u qasmet il-linja tad-demarkazzjoni b'mod klandestin iktar minn 12-il darba u stabbiliet l-appartament ta' Pariġi tagħhom bħala post għall-kenn għan-nisa Lhud maħrubin, għall-bdoti Brittaniċi u Kanadiżi li twaqqgħulhom l-ajruplani tagħhom, u għal-laqgħa sigrieti tar-reżistenza u għall-ħżin ta' dokumenti tal-identità foloz u ta' trażmettituri tar-radju illegali. Binhom, Claude, kompla l-istudji tiegħu l-ewwel fil-muntanji Jura u mbagħad f'Pariġi, u iktar 'il quddiem sar tabib. Werth għex fil-faqar fir-reġjun tal-muntanji Jura, waħdu, fis-sirda u spiss bil-ġuħ. Depożizzjoni, id-djarju tiegħu, ġie ppubblikat fl-1946, b'kundanna iebsa kontra Franza ta' Vichy. Huwa kien favur Charles de Gaulle taħt l-okkupazzjoni Nażista u wara l-gwerra kkontribwixxa fir-rivista intellettwali Liberté de l'Esprit immexxija minn Claude Mauriac.

Werth ikkontribwixxa b'mod regolari fir-rivisti, b'mod partikolari f'Marianne.

Antoine de Saint-Exupéry

[immodifika | immodifika s-sors]

Saint-Exupéry iltaqa' ma' Werth fl-1931. Werth malajr sar ħabib tal-qalb ta' Saint-Exupéry apparti l-grupp ta' sħabu tat-titjir tal-Aeropostale. Werth ma tantx kellu affarijiet komuni ma' Saint-Exupéry; huwa kien anarkiku, u missieru kien Lhudi u Bolxevista Xellugi. Peress li kellu 22 sena iktar minn Saint-Exupéry, bi stil ta' kitba surrealistika u l-awtur ta' 12-il volum u bosta artikli fir-rivisti, huwa kien pjuttost l-oppost ta' Saint-Exupéry. Iżda dan tal-aħħar kien jammira l-kitba ta' Werth għax "qatt ma kienet qarrieqa", u kiteb li l-essenza ta' Werth kienet "it-tfittxija tiegħu għall-verità, l-osservazzjoni tiegħu u l-użu sempliċi tal-proża tiegħu". Ittra lil Ostaġġ ta' Saint-Exupéry tinkludi ċelebrazzjoni tal-ġurnaliżmu ta' Werth, u fin-nota tagħha dwar it-test, Françoise Gerbod, professur emeritu tal-letteratur Franċiża fl-Università ta' Pariġi, tfaħħar lil Werth bħala l-gwida letterarja ta' Saint-Exupéry.

Saint-Exupéry iddedikalu żewġ kotba (Ittra lil Ostaġġ u Iċ-Ċkejken Prinċep), u rrefera għal Werth fi tliet opri oħra tiegħu. Fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, hu u jikteb Iċ-Ċkejken Prinċep, Saint-Exupéry għex fl-appartament tiegħu fiċ-ċentru tal-Belt ta' New York, jaħseb dwar Franza, art twelidu, u l-ħbieb tiegħu. Léon Werth qatta' l-gwerra f'Saint-Amour, il-villaġġ tiegħu fil-muntanji Jura, reġjun muntanjuż qrib l-Iżvizzera fejn "kien waħdu, fis-sirda u bil-ġuħ", u ma tantx kellu kliem sbieħ għar-refuġjati Franċiżi. Saint-Exupéry irritorna fil-kunflitt billi ngħaqad mal-Forza tal-Ajru Ħielsa Franċiża fil-bidu tal-1943, u rraġuna, "Ma niflaħx inkun 'il bogħod minn dawk li qed ibatu l-ġuħ... Qed nitlaq sabiex inbati u b'hekk ningħaqad ma' dawk li huma għal qalbi".

Fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, li Antoine de Saint-Exupéry ma laħaqx għex fiha, Léon Werth qal: "Il-paċi, mingħajr Tonio [Saint-Exupéry], mhix paċi għalkollox". Léon Werth ma rax it-test iddedikat lilu sa 5 xhur wara l-mewt ta' sieħbu, meta l-pubblikatur Franċiż ta' Saint-Exupéry, Gallimard, bagħat edizzjoni speċjali. Werth miet f'Pariġi fit-13 ta' Diċembru 1955. Il-fdalijiet tiegħu u dawk tal-mara tiegħu, Suzanne, jinsabu fil-kolombarju fiċ-ċimiterju ta' Père Lachaise f'Pariġi.

Dedika f'Iċ-Ċkejken Prinċep

[immodifika | immodifika s-sors]

Werth jissemma fil-preambolu ta' Iċ-Ċkejken Prinċep, fejn Saint-Exupéry jiddedikalu l-ktieb:

Lil Leon Werth
Nitlob lit-tfal jaħfruli li qed niddedika dan il-ktieb lil adult. Għandi skuża serja: dan l-adult huwa l-aqwa ħabib li għandi f'din id-dinja. U għandi skuża oħra: dan l-adult jista' jifhem kollox, saħansitra l-kotba għat-tfal. Għandi t-tielet skuża: huwa jgħix fi Franza fejn jinsab bil-ġuħ u fis-sirda. Għandu bżonn min iwennsu. Jekk dawn l-iskużi kollha mhumiex biżżejjed, allura rrid niddedika dan il-ktieb lit-tifel li xi darba kien dan l-adult. L-adulti kollha xi darba kienu tfal l-ewwel. (Iżda ftit minnhom jiftakruh dan). Għalhekk nikkoreġi d-dedika tiegħi:
Lil Leon Werth,
Meta kien għadu tifel żgħir. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

L-inġenju tal-ajru ta' Saint-Exupéry għeb fil-Mediterran f'Lulju 1944. Ix-xahar ta' wara, Werth sar jaf li sieħbu għeb minn xandira fuq ir-radju. Mingħajr ma kien sema' dwar Iċ-Ċkejken Prinċep, f'Novembru, Werth skopra li Saint-Exupéry kien ippubblika storja s-sena ta' qabel fl-Istati Uniti, dwaru stess, u li kienet iddedikata lil Werth.

Pubblikazzjoni ta' 33 jours wara mewtu

[immodifika | immodifika s-sors]

33 jours (33 Jum) hija l-memorja ta' Werth dwar l'exode (l-eżodu) matul il-Waqgħa ta' Franza. It-titlu tal-opra jirreferi għall-perjodu meta hu, martu u l-eks indokratriċi ta' binhom qattgħu fit-triq matul il-ħarba tagħhom minn Pariġi lejn il-villeġġjatura tagħhom f'Saint-Amour fir-reġjun tal-muntanji Jura. Ibnu Claude, li dak iż-żmien kellu 15-il sena, u sħabu ta' tamparu koprew id-distanza f'inqas minn jum billi telqu diversi sigħat qabel, u b'hekk evitaw it-toroq żejda minħabba l-għeluq mill-armata Franċiża kif deskritt f'33 jours; il-koppja ma kellhiex aħbar dwar binhom sa ma ngħaqdu lkoll xahar wara f'Saint-Amour. B'reqqa poetika u bi preċiżjoni ġurnalistika, Werth jirrakkonta l-esperjenzi tiegħu bħala wieħed minn bejn wieħed u ieħor 8 miljun persuna ċivili li ħarbu l-avvanz tal-invażjoni Ġermaniża tal-Olanda, tal-Belġju, tal-Lussemburgu u ta' Franza f'Mejju–Ġunju 1940, x'aktarx bl-użu ta' noti miktubin waqt l-avveniment, kif kien għamel fit-trunċieri fl-Ewwel Gwerra Dinjija (li mbagħad użahom għar-rumanzi tiegħu Clavel, soldat u Clavel, chez les majors). Werth ta l-manuskritt lill-ħabib tiegħu Saint-Exupéry f'Ottubru 1940 biex joħorġu b'kuntrabbandu minn Franza, jiktiblu daħla u jippubblikah fl-Istati Uniti. Il-pubblikatur ta' New York Brentano xtara l-jeddijiet (għal pakkett militari ta' sigaretti, chewing gum, ċikkulatini u pillola tat-tisfija tal-ilma) u l-pubblikazzjoni ġiet ippjanata għall-1943, meta Saint-Exupéry irrefera għaliha bħala "un grand livre" (ktieb importanti/grandjuż) fir-rumanz tal-1942 tiegħu Pilote de guerre. Għal raġunijiet mhux ċari, dan il-ktieb qatt ma ġie ppubblikat, u l-manuskritt effettivament għeb.

Meta Saint-Exupéry induna li ma kienx hemm pjanijiet għal traduzzjoni bl-Ingliż ta' 33 jours, huwa rreveda b'mod estensiv id-daħla (u neħħa isem Werth biex jipproteġih) u ppubblika t-test bħala saġġ għalih waħdu. Ittra lil Ostaġġ hija meditazzjoni affettiva dwar id-dar u l-eżilju ambjentata waqt il-ħarba minn Franza, bi tranżitu minn Liżbona lejn l-Istati Uniti (huwa kien fuq l-istess bastiment ta' Jean Renoir), li permezz tagħha l-bdot seta' jkompli jiġġieled kontra l-Ġermaniżi minn barra l-pajjiż.

Ma kienx qabel l-1992 li Viviane Hamy sabet u ppubblikat il-manuskritt nieqes. Fl-2002 edizzjoni għall-istudenti ġiet prodotta, u 33 jours sar parti mis-sillabu fl-iskejjel sekondarji Franċiżi. Hamy qanqlet skoperta mill-ġdid ta' Werth, u ppubblikat mill-ġdid bosta mix-xogħlijiet tiegħu fis-snin 90 tas-seklu 20 u fil-bidu tas-seklu 21. 33 jours finalment ġiet tradott bl-Ingliż fl-2015 bħala 33 Days f'traduzzjoni ġdida ta' Austin Denis Johnston.

Depożizzjoni, 1940-1944

[immodifika | immodifika s-sors]

3 snin wara li 33 Jum ġie tradott bl-Ingliż, il-pubblikatur Oxford University Press ippubblika d-djarju li Werth kien kiteb meta wasal f'Saint-Amour wara l-eżodu tiegħu fit-toroq, bis-sottotitlu "Djarju Sigriet tal-Ħajja fi Franza ta' Vichy". Dan ġie tradott u annotat minn David Ball. Li kieku ma kienx "sigriet", l-awtoritajiet kien ikollhom żewġ raġunijiet biex jiddeportaw l-awtur tiegħu lejn Auschwitz: mhux biss għaliex kien Lhudi, iżda għax kien sovversiv. Depożizzjoni huwa rakkont tal-ħajja ta' kuljum, b'osservazzjonijiet preċiżi, spiss ironiċi, fil-kampanja Franċiża matul l-okkupazzjoni, u lejn l-aħħar ir-rewwixta waqt il-liberazzjoni ta' Pariġi. Li kieku baqa' hemmhekk, seta' kien wieħed mill-50,000 Lhudi li ġew deportati mill-belt u sterminati. Waħdu f'daru, bid-drawwa li jikteb, bl-ebda xogħol ieħor, u ovvjament mingħajr il-possibbiltà ta' pubblikazzjoni matul il-gwerra, huwa għamel annotazzjonijiet fid-djarju tiegħu kważi kuljum: kiteb noti ta' x'kienu qed jgħidu n-nies, x'kien ra, u x'kien sema' fuq ir-radju u x'kien qara fl-istampa, spiss b'kummenti bħal: "Monsieur de Gaulle (kif isejjaħlu l-gazzetta) u l-Ġeneral Catroux tneħħitilhom in-nazzjonalità Franċiża tagħhom". L-istess bħal Franza. (it-12 ta' Diċembru 1940).

L-avvenimenti ta' "wara l-waqgħa ta' Franza" deskritti hawn fuq iddaħħlu fid-djarju kif seħħew. Meta rreġistra lilu nnifsu bħala Lhudi, pereżempju, Werth jgħid li kanta l-kelma "Lhudi" bħallikieku kien qed ikanta l-innu nazzjonali Franċiż. Huwa juża wkoll il-ħiliet tiegħu bħala rumanzier biex jagħti deskrizzjonijiet tar-raħħala, tal-bejjiegħa tal-ħwienet u tal-ħaddiema ferrovjarji fil-villaġġ ta' Saint-Amour u fil-madwar. B'hekk il-qarrej jara u jisma' kif kienu jgħixu, bi kliemhom stess, x'kienu jaħsbu dwar Vichy — mhux wisq, għalkemm bosta kienu jafdaw lil Pétain — u kif taffettwalhom ħajjithom. Id-djarju bil-Franċiż huwa twil 750 paġna, għaldaqstant twil wisq biex jiġi assenjat fil-klassijiet, iżda l-edizzjoni bl-Ingliż hija twila inqas minn nofs. Dan huwa l-iżjed ktieb importanti tiegħu bl-Ingliż sa issa. Werth irritorna lejn Pariġi f'Jannar 1944 iżda seta' jixref 'il barra billejl biss sa qabel il-Liberazzjoni. Huwa jiddeskrivi l-attivitajiet ta' ċellola tar-Reżistenza fl-appartament tagħhom: l-avjaturi Brittaniċi kienu jinħbew hemmhekk sakemm kienu jinħarġu minn taħt mill-pajjiż. Dawk li kienu favur ir-Reżistenza u kienu maħrubin kienu jinħbew hemmhekk għal xi jiem fl-appartament u mbagħad jitilqu fuq missjoni ġdida. F'Awwissu, huwa jirrapporta l-avvanz qalil tal-armati Alleati lejn Pariġi u matul l-aħħar ġimgħa, huwa jirrapporta dwar il-ġlied fit-toroq li ra f'Pariġi matul il-liberazzjoni tal-belt. Id-djarju jintemm bil-qbid min-naħa tiegħu ta' priġunieri Ġermaniżi mgeddsin ġo tank (jitħassarhom), u l-parata trijonfali tal-Ġeneral de Gaulle tul Champs-Élysées.

Avvenimenti kommemorattivi

[immodifika | immodifika s-sors]

Diversi avvenimenti ġew organizzati fl-2005 biex jikkommemoraw il-50 anniversarju tal-mewt ta' Werth.

  • Puvis de Chavannes (Pariġi: Portraits d'hier, 1909; Pariġi: Les Éditions G. Crès & Cie., 1926, collection Peintres et sculpteurs);
  • La maison blanche (1913; Pariġi: Crès, 1924, collection Maîtres et jeunes d'aujourd'hui);
  • Cézanne (Pariġi: Bernheim-Jeune, 1914);
  • Meubles Modernes (Esbly: Les Ateliers Modernes, 1914);
  • Clavel soldat (Pariġi: Albin Michel, 1917);
  • Clavel chez les majors (Pariġi: Albin Michel, 1919);
  • Voyages avec ma pipe: Bretagne et campagne, Paris, Banlieue, Province, Belgique et Hollande, Europe et Amérique (Pariġi: Les Éditions G. Crès & Cie., 1920);
  • Yvonne et Pijallet, roman (Pariġi: Albin Michel, 1920);
  • Trente tableaux de Vlaminck : [exposition] du 10 au 22 mai 1920, chez MM. Bernheim-jeune et Cie ..., 15, rue Richepance et 25, Bd de la Madeleine, Paris (Pariġi: Bernheim Jeune, 1920);
  • Henri Matisse (Pariġi: Georges Crès et Cie, 1920, Collection des Cahiers d'aujourd'hui) - ma' Élie Fuare, Jules Romains, Charles Vildrac;
  • Les amants invisibles, roman (Pariġi: Albin Michel, 1921);
  • Dix-neuf ans, roman (Pariġi: Albin Michel, 1922);
  • Le monde et la ville (Pariġi: Les Éditions G. Crès & Cie., 1922);
  • Un soir de cirque (1922);
  • Bonnard (Pariġi: G. Crès, 1923, collection Les Cahiers d'aujourd'hui);
  • Quelques peintres (Pariġi: G. Crès, 1923, collection Artistes d'hier et d'aujourd'hui);
  • Pijallet danse (Pariġi: Albin Michel, 1924);
  • Dialogue sur la danse (1924-1925);
  • Danse, danseurs, dancings (Pariġi: F. Rieder et Cie., 1925, collection Prosateurs français contemporains);
  • Cochinchine (Pariġi: Rieder, 1926);
  • Ghislaine, roman, published in: Les oeuvres libres : recueil littéraire mensuel ne publiant que de l'inédit, vol. 62 (Pariġi: Fayard, 1926);
  • Marthe et Le perroquet (Anvers: Éditions Lumière, 1926);
  • Une soirée à L'Olympia (Pariġi: A la Cité des livres, 1926, collection Alphabet des lettres);
  • Chana Ourloff (1927);
  • Claude Monet (Pariġi: G. Crès & Cie, 1928, Collection des Cahiers d'aujourd'hui);
  • K.X. Roussel (Pariġi: Éditions G. Crès & Cie., 1930, Collection Les artistes nouveaux);
  • Cour d'assises (Pariġi: Les Éditions Rieder, 1932, collection Prosateurs français contemporains);
  • La peinture et la mode: quarante ans après Cézanne (Pariġi: Grasset, 1945);
  • Déposition : journal, 1940-1944 (Pariġi: Grasset, 1946);
  • Eloge de Pierre Bonnard (Pariġi: Manuel Bruker, éditeur, 1946);
  • Eloge de Albert Marquet (Pariġi: Manuel Bruker, éditeur, 1948);
  • La vie de Saint-Exupéry: Témoignages recueillis et rapportés par René Delange; suivi de Tel que je l'ai connu, par Léon Werth (Pariġi: Editions du Seuil, 1948);
  • Unser Freund Saint-Exupéry (Bad Salzig: Karl Rauch Verlag, 1952) - ma' René Delange;
  • 33 jours [Trente-trois jours] (Pariġi: Viviane Hamy, 1992); traduzzjoni bl-Ingliż: 33 Days: A Memoir, b'introduzzjoni ta' Antoine de Saint-Exupéry (Brooklyn: Melville House Publishing, 2015, tradott minn Austin Denis Johnston);
  • Caserne 1900 (Pariġi: Viviane Hamy, 1993);
  • Impressions d'audience : le procès Pétain (Pariġi: Viviane Hamy, 1995).
  1. Heuré, Gilles (2006). L'Insoumis. Paris: Éditions Viviane Hamy.
  2. Cru, Jean Norton, War Books, trans. by Stanley J. Pincetl, Jr., San Diego State University Press, 1988, p. 163.