Aqbeż għall-kontentut

Kumplessi Sagri tal-Hoysala

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Tempju ta' Keshava f'Somanathapura.

Il-Kumplessi Sagri tal-Hoysala huma grupp ta' tliet tempji bl-istil tal-Hoysala fin-Nofsinhar tal-Indja li ġew rikonoxxuti bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Dawn it-tempji huma t-Tempju ta' Somanathapura, it-Tempju ta' Belur u t-Tempju ta' Halebidu, li nbnew bejn is-sekli 12 u 13 taħt l-Imperu Hoysala. It-tliet tempji tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023, bis-saħħa tal-arkitettura straordinarja tagħhom, l-iskulturi iperrealistiċi u t-tinqix fuq il-blat.[1][2][3]

L-istil arkitettoniku tat-tliet tempji ġie żviluppat mill-mexxejja Hoysala bikrin – li stabbilew ir-renji u r-reġimi ġodda tagħhom fin-Nofsinhar tal-Indja – bħala arkitettura sagra distintiva u innovattiva, li tiddistingwi t-tempji mir-renji u mid-dinastiji kontemporanji.[4] Dawn it-tempji huma kif ġej:

  • it-Tempju ta' Chennakeshava f'Belur (li nbena mir-Re Vixnuvardana);
  • it-Tempju ta' Hoysaleswara f'Halebidu (li nbena mir-Re Vixnuvardana);
  • it-Tempju ta' Keshava f'Somanathapura (li nbena minn Somanatha taħt ir-Re Narasimha III).

Il-Kumplessi Sagri tal-Hoysala jinsabu fi tliet postijiet differenti f'żewġ distretti ta' Karnataka; hemm żewġ tempji fid-distrett ta' Hassan u tempju fid-distrett ta' Mysore.[5]

It-Tempju ta' Chennakeshava jinsab f'Belur, madwar 35 kilometru (22 mil) fil-Majjistral tar-raħal ta' Hassan, il-kapitali tad-distrett ta' Hassan. It-tempju jinsab madwar 16-il kilometru (9.9 mili) 'il bogħod mit-Tempju ta' Halebidu. L-eqreb ajruport għat-tempju huwa l-ajruport ta' Bangalore, 220 kilometru (137 mil) 'il bogħod, jiġifieri xi 3.5 sigħat sewqan bil-karozza tul l-Awtostrada Nazzjonali Nru 75 lejn il-Punent.[6] It-Tempju ta' Hoysaleswara jinsab fir-raħal ta' Halebidu fid-distrett ta' Hassan tal-istat ta' Karnataka. Jinsab madwar 30 kilometru (19-il mil) fil-Majjistral ta' Hassan u madwar 16-il kilometru (9.9 mili) mit-Tempju ta' Belur. It-tempju jinsab 210 kilometri (130 mil) 'il bogħod, jiġifieri xi 4 sigħat sewqan bil-karozza tul l-Awtostrada Nazzjonali Nru 75 lejn il-Punent mill-Ajruport ta' Bangalore. L-eqreb belt għaż-żewġ tempji tad-distrett ta' Hassan hija Hassan, li hija kkollegata mal-bliet ewlenin ta' Karnataka permezz tan-network ferrovjarju.

It-Tempju ta' Keshava jinsab f'Somnathpura, 38 kilometru (24 mil) fil-Lvant tal-belt ta' Mysore, il-kapitali tad-distrett ta' Mysore.[7]

Id-dinastija Hoysala kellha f'idejha partijiet kbar mill-istat attwali ta' Karnataka bejn is-sekli 11 u 14 W.K. Sal-aħħar tas-seklu 12, kienu kabbru s-sistema ekonomika agrarja tar-renju tagħhom u kien bdew jistabbilixxu wkoll sistemi tat-tassazzjoni, tad-dħul u amministrattivi; b'hekk bdew il-proċess ta' formazzjoni ta' stat. Fl-istess żmien, ir-rejiet Hoysala għamlu sforz konġunt biex jistabbilixxu identità ġdida u distinta għar-renju tagħhom permezz tal-patroċinju tal-arti, tal-arkitettura u tal-letteratura. B'hekk żviluppat forma ġdida ta' arkitettura tat-tempji, li żewġet it-tinqix elaborat u t-tiżjin mirqum mal-ippjanar innovattiv tat-tempji. Dan l-istil arkitettoniku sintetizza u għaqqad flimkien diversi karatteristiċi arkitettoniċi prevalenti f'partijiet differenti tal-pajjiż, b'elementi oriġinali u b'mod innovattivi.

Wieħed mir-rejiet Hoysala kien Vixnuvardana, li kiseb il-poter fl-1110 W.K. Huwa kkummissjona t-Tempju ta' Chennakeshava ddedikat lil Vixnu fl-1117 W.K., meqjus bħala wieħed mill-"ħames pedamenti" tal-legat tiegħu. It-Tempju ta' Chennakeshava prinċipali f'Belur tlesta fl-1117 W.K., għalkemm il-kumpless baqa' jespandi għal iktar minn 100 sena. Ketamalla, impjegat tar-Re Vixnuvardana, bena t-Tempju ta' Hoysaleswara fl-1150 W.K. Jingħad ukoll li r-re ta art apposta għall-kostruzzjoni, għat-twettiq u għaż-żamma tat-Tempju ta' Xiva fl-1121 W.K. Dan tal-aħħar huwa l-ikbar tempju li nbena mir-rejiet Hoysala u li huwa ddedikat lid-divinità Induista Xiva. It-Tempju ta' Keshava f'Somanathapura tlesta fl-1258 W.K. mir-Re Somnath. Dan tal-aħħar bena wkoll swar iffortifikati madwar l-art tiegħu, iżda dawn issa jinsab fi stat ta' fdalijiet. Ir-rejiet Hoysala impjegaw bosta arkitetti u artiġjani, li żviluppaw tradizzjoni arkitettonika ġdida, li l-istoriku tal-arti Adam Hardy isejħilha t-tradizzjoni ta' Karnata Dravida.

It-tempji sfaw fil-mira tas-serq u tal-qerda mill-armata tas-Sultanat ta' Delhi ta' Alauddin Khalji fil-bidu tas-seklu 14 u minn armata oħra tas-Sultanat ta' Delhi tas-Sultan Muhammad bin Tughluq fl-1326 W.K.[8][9]

Skont kitba mnaqqxa tas-seklu 15, it-Tempju ta' Keshava ġarrab ħsarat estensivi wkoll. Sarulu xi tiswijiet fis-seklu 16 permezz tal-appoġġ u l-għotjiet finanzjarji mill-imperaturi tal-Imperu Vijayanagara. It-tiswijiet jidhru ċari minħabba l-kuluri jvarjaw u l-kwalità tax-xogħol fil-ġebel fil-veranda u fit-torri tat-Tramuntana, kif ukoll f'partijiet mill-pjattaforma tat-tempju prinċipali. Xorta waħda t-tempju reġa' ġarrab ħsarat fis-seklu 19, u mbagħad ġie rikostruwit mill-gvern ta' Mysore fl-era kolonjali fil-bidu tas-seklu 20.[10]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumplessi Sagri tal-Hoysala ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Tempji, affiljazzjonijiet reliġjużi u snin ta' konsagrazzjoni
Sekwenza Isem tat-Tempju Reliġjon Divinità Tlesta sa

(W.K.)

Ritratt
1 Tempju ta' Chennakeshava Induiżmu Vixnu 1117
2 Tempju ta' Hoysaleswara Induiżmu Xiva 1160
3 Tempju ta' Keshava Induiżmu Vixnu 1258
  1. 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Sacred Ensembles of the Hoysalas". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-10-22.
  2. Bureau, The Hindu (2023-09-18). "Three Hoysala temples of Karnataka inscribed as UNESCO World Heritage sites" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-10-23.
  3. "Karnataka's sacred ensembles of Hoysalas inscribed on UNESCO world heritage list" (bl-Ingliż). 2023-09-19. Miġbur 2025-10-23.
  4. "Hoysala Temples in Karnataka now India's 42nd UNESCO's World Heritage site; PM Modi says 'more pride'". Hindustan Times (bl-Ingliż). 2023-09-18. Miġbur 2025-10-23.
  5. Nomination Dossier – Sacred Ensembles of the Hoysalas. Department of Archaeology, Museums and Heritage. pp. 41–136.
  6. V. K. Subramanian (2003). Art Shrines of Ancient India. Abhinav Publications. pp. 75–77. ISBN 978-81-7017-431-8.
  7. "ABOUT Keshava Temple, Archaeological site at Somnathpura, Karnataka". ignca.nic.in. Miġbur 2025-10-23.
  8. Roshen Dalal (2002). The Puffin History of India for Children, 3000 BC - AD 1947. Penguin Books. p. 195. ISBN 978-0-14-333544-3.
  9. B. L. Rice (2001). Gazetteer of Mysore. Asian Educational Services. pp. 353–354. ISBN 978-81-206-0977-8.
  10. M.H. Krishna (1965). Annual report of the Mysore Archeological Department. University of Mysore. pp. 18–19.