Aqbeż għall-kontentut

Kumpless tal-Pajsaġġ ta' Tràng An

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-pajsaġġ ta' Tam Cốc.

Il-Kumpless tal-Pajsaġġ ta' Tràng An huwa żona xenika qrib Hoa Lư, il-Vjetnam, u huwa magħruf għall-mawriet fl-għerien bid-dgħajsa. Fit-23 ta' Ġunju 2014, fit-38 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Doha, il-Qatar, il-Kumpless tal-Pajsaġġ ta' Tràng An tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2]

Il-Kumpless tal-Pajsaġġ ta' Tràng An huwa magħmul minn Hoa Lư u minn Tam Cốc/Bích Động.

Il-festival tal-belt kapitali antika ta' Hoa Lư.

Il-moll ta' Trang An jinsab 3 kilometri fin-Nofsinhar tal-belt kapitali antika ta' Hoa Lu, 7 kilometri mill-belt ta' Ninh Binh lejn il-Punent tul il-mogħdija ta' Trang An, 16-il kmilometru mill-belt ta' Tam Diep fit-Tramuntana tul Tam Coc. Iż-żona ta' Trang An - Tam Coc għandha erja ta' iktar minn 6,172 ettaru, u hija żona ta' protezzjoni speċjali ta' postijiet xeniċi. Din iż-żona ta' protezzjoni speċjali tinsab fi ħdan il-foresta ta' użu speċjali ta' Hoa Lu, li tagħmel parti mill-pjan ta' preservazzjoni tal-belt kapitali antika ta' Hoa Lu kif ukoll mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO b'erja ta' 12,252 ettaru. Fil-Kumpless tal-Pajsaġġ ta' Tràng An, iċ-ċentru tal-belt kapitali antika ta' Hoa Lu jinsab fit-Tramuntana, filwaqt li ż-żona turistika ta' Tam Coc - Bich Dong tinsab fin-Nofsinhar, u ż-żona tat-turiżmu ekoloġiku ta' Trang An tinsab bejniethom. Dawn it-tliet żoni huma marbutin flimkien permezz tal-muntanji tal-ġebla tal-ġir, ix-xmajjar, il-lagi u l-artijiet bassasa tal-foresta ta' użu speċjali ta' Hoa Lu.

Il-Pagoda ta' Hạ tul ix-xmara Ngô Đồng.
Mawra fl-għerien bid-dgħajsa.

Il-Kumpless tal-Pajsaġġ ta' Tràng An fih żewġ tipi prinċipali ta' ekosistemi: l-ekosistema tal-muntanji tal-ġebla tal-ġir u l-ekosistema akkwatika. Id-diversità bijoloġika tal-komunitajiet hija fattur ewlieni li kkontribwixxa għall-ħolqien ta' dawn iż-żewġ ekosistemi.

Il-veġetazzjoni naturali ta' Hoa Lu tinsab f'foresti tal-ġebla tal-ġir u f'foresti b'siġar dejjem iħaddru fil-widien bejn iż-żoni bil-ġebla tal-ġir. Skont ir-riżultati ta' stħarriġ tal-Istitut tal-Inventarji u tal-Ippjanar tal-Foresti u tad-Dipartiment tal-Protezzjoni tal-Foresta ta' Ninh Binh, l-ekosistema terrestri ta' Trang An fiha iktar minn 600 speċi ta' pjanti u 200 speċi ta' annimali, li bosta minnhom huma elenkati fil-lista l-ħamra tal-Vjetnam. L-ekosistema akkwatika tikkonsisti minn madwar 30 speċi ta' żooplankton u 40 speċi ta' bentos, inkluż bosta speċijiet rari, speċjalment il-fkieren tal-ilma ta' għonqhom bl-istrixxi li jeħtieġu protezzjoni.

Il-Kumpless tal-Pajsaġġ ta' Tràng An fih iżjed minn 310 tip ta' pjanti rari u prezzjużi, fosthom cycas, sua, kawkba tal-Indja, orkidej, jamm taċ-Ċina, matrisilvja, ġniebru, ħass, eċċ., u fih ukoll speċijiet ta' annimali fil-periklu ta' estinzjoni, fosthom is-serow tal-art kontinentali, il-leopard u l-faġan feniċi.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Formazzjonijiet tal-ġebla tal-ġir.

Il-Kumpless tal-Pajsaġġ ta' Tràng An ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014 u ġie estiż fl-2016.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali" u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]

  1. ^ a b ċ "Trang An Landscape Complex - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-22.
  2. ^ "6 Siti ta' Wirt Dinji ġodda - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-22.